Il-Ħajja fl-Ispirtu tisboq saħansitra l-Mewt

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 28 ta’ Ottubru 1998.

Nru 22 – “Il-Ħajja fl-Ispirtu tisboq saħansitra l-Mewt”

L-Ispirtu “donatur tal-ħajja” u r-rebħa fuq il-mewt

  1. “Alla tant ħabb id-dinja li wasal li jagħti lill-Ibnu uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3,16). F’dan il-kliem tal-Vanġelu ta’ Ġwanni d-don tal-“ħajja ta’ dejjem” tirrapreżenta t-tmiem aħħari tal-pjan ta’ mħabba tal-Missier. Tali don jippermettilna li jkollna aċċess bil-grazzja għall-għaqda li ma tistax titfisser bil-kliem ta’ mħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu; “Din hija l-ħajja eterna: li jafuk, l-uniku Alla veru, u dak li huwa bagħat, Ġesù Kristu ” (Ġw17,3).

Il-“ħajja eterna”, li  toħro g mill-Missier, hjija trażmessa lilna  bis-sħiħ minn Ġesù fil-Għid tiegħu permezz tad-don tal-Ispirtu. Waqt li nirċevuh nieħdu sehem fir-rebħa definittiva li Ġesù rxoxt wettaq fuq il-mewt. “Mewt u Ħajja – iġġegħlna nxandru l-liturġija – affrontaw lil xulxin fi dwell  meraviljuż. Il-Mulej tal-ħajja kien mejjet; imma issa, ħaj jittrijonfa ” (Sekwenza ta’ Ħadd il-Għid). F’din il-ġrajja deċiżiva tal-fidwa Ġesù jirregala lill-bnedmin il-“ħajja eterna” fl-Ispirtu Santu.

  1. Fil-“milja taż-żminijiet” Kristu jwettaq hekk, ‘il hemm minn kull stennija, dik il-wegħda ta’ “ħajja eterna” li, sa mill-oriġni tad-dinja, kienet ġiet miktuba mill-Missier fil-ħolqien tal-bniedem xbiha u xebħ tiegħu (cfr Ġn1,26).

Bħal ma jkanta s-Salm 104, il-bniedem sperimenta l-ħajja fl-univers u, b’mod partikolari, il-ħajja tiegħu stess għandhom il-bidu tagħhom fin-“nifs” ikkomunikat mill-Ispirtu tal-Mulej: “Jekk taħbi wiċċek, jiġu nieqsa, / teħdilhom in-nifs, imutu / u jirritornaw fit-trab. / Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, jinħolqu, / u ġedded il-wiċċ tal-art” (vv. 29-30).

L-għaqda ma’ Alla, don tal-Ispirtu tiegħu, issir dejjem iktar għall-poplu magħżul is-sikurezza ta’ ħajja, li ma tillimitax ruħha għall-eżistenza terrena imma misterjożament  tiitraxxendiha u ttawwalha għall-infinit.

Fil-perijodu iebes tal-eżilju babiloniż, il-Mulej jerġà jħeġġeġ it-tama tal-poplu tiegħu, billi jħabbar patt ġdid u definittiv li se jkun issiġillat minn effużjoni sovrabbundanti tal-Ispirtu (cfr  36,24-28): “Hekk hu, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, nirxuxtakom minn qabarkom, ja poplu tiegħi, u nreġġakom lura fil-pajjiż ta’ Iżrael. Terġgħu tagħrfu li jien il-Mulej, meta niftħilkom l-oqbra tagħkom u nirxuxtakom minn qabarkom, ja poplu tiegħi. Indaħħal ġo fikom l-Ispirtu tiegħi u terġgħu mill-ġdid tgħixu” ( 37,12-14).

B’din il-kelma, Alla jħabbar it-tiġdid messjaniku ta’ Iżrael, wara t-tbatijiet tal-eżilju. Is-simboli użati jadattaw ruħhom sewwa biex iqajmu l-mixja li l-fidi ta’ Iżrael bil-mod il-mod twettaq, sa ma  tagħraf il-verità tal-qawmien mill-imwiet tal-ġisem, li se tiġi mwettqa mill-Ispirtu fi tmiem iż-żminijiet.

  1. Din il-verità hija msaħħa f’epoka sadattant fil-qrib tal-miġja ta Ġesù Kristu (cfr Dn12,2; 2 Mak7,9-14.23.36; 12,43-45), li jikkonfermaha b’mod  qawwi, billi jċanfar lil dawk li kienu jiċħduha: “Mintomx forsi intom fl-iżball mill-waqt li ma tafux l-Iskritturi, linqas il-qawwa ta’ Alla?” (Mk 12,24). Skont Ġesù, infatti, il-fidi fil-qawmien mill-imwiet  issejjes lilha nfisha fuq il-fidi f’Alla li “mhuwiex Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin” (Mk 12,27).

Iktar, Ġesù jorbot il-fidi fil-qawmien mill-imwiet mal-Persuna tiegħu stess: “Jien hu l-Qawmien  u l-Ħajja” (Ġw 11,25). Fih, infatti, grazzi għall-misteru ta’ mewtu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet, titwettaq il-wegħda divina tad-don tal-“ħajja  eterna”, li tinvolvi rebħa totali fuq il-mewt: “Tasal is-siegħa li fiha dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu il-leħen [tal-Iben] u joħorġu: dawk li għamlu t-tajjeb, għal qawmien tal-ħajja…” (Ġw 5,28-29). “Din infatti hija r-rieda ta’ Missieri, li kulmin jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem: jien inqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6,40).

  1. Din il-wegħda ta’ Kristu titwettaq mela b’mod misterjuż fi tmiem iż-żminijiet, meta hu jerġà jiġi fil-glorja “biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin” (2 Tm4,1; cfr At 10,42; 1 Pt4,5).

Dakinhar l-iġsma tagħna mortali jirxuxtaw bil-qawwa tal-Ispirtu, li ingħatalna bħala “kapparra tal-wirt tagħna, fl-istennija tar-redenzjoni totali tagħna” (Ef 1,14; cfr 2 Kor 1,21-22).

Madankollu mhemmx għalfejn naħsbu li l-ħajja ‘il hemm  mill-mewet tibda biss bil-qawmien finali mill-mewt. Din infatti, hija ppreċeduta mill-kondizzjoni speċjali li fiha dak li jkun isib ruħu  sa mill-waqt tal-mewt. Din hija fażi intermedja, li fiha mad-dekompożizzjoni tal-ġisem tikkorrispondi “is-sopravvivenza u l-eżistenza ta’ element spiritwali, li huwa  mżejjen b’kuxjenza u b’rieda, b’tali mod li il- ”jien uman’ jibqà jeżisti, minkejja li sadattant ikun nieqes mill-addizzjoni ta’ ġismu” (Sacra Congregatio pro doctrina fidei, De quibusdam quaestionibus ad eschatologiam spectantibus, 17 maggio 1979: AAS 71 [1979] 941).

Għal dawk li jemmnu tiżdied iċ-ċertezza li r-relazzjoni tagħhom vivifikanti ma’ Kristu ma tistax tkun meqruda mill-mewt, imma tibqà teżisti ‘il hemm mill-mewt. Ġesù, infatti, iddikkjara: “Min jemmen, ukoll jekk imut, jgħix” (Ġw 11,25). Il-Knisja dejjem ipprofessat din il-fidi u esprimietha b’mod speċjali fit-talba ta’ tifħir li tindirizza lil Alla f’għaqda mal-qaddisin kollha u fl-invokazzjoni favur il-mejtin li għadhom ma ġewx ippurifikati għal kollox. Minn naħa oħra, il-Knisja tnissel ir-rispett lejn il-fdal mortali ta’ kull esseri uman, kemm minħabba d-dinjità tal-persuna li lilha kienu jippartjenu, kif ukoll minħabba l-unur li jixraqlu l-ġisem ta’ dawk, li bil-Magħmudija, saru tempju tal-Ispirtu Santu. Ta’ dan hija xhieda speċifia l-liturġija fir-rit tas-Servizzi Funerarji u fil-qima tar-relikwi tal-qaddisin, li żviluppat ruħha sa minn l-ewwel sekli. Lill-għadam ta’ dawn tal-aħħar – jgħid San Pawlinu ta’ Nola – “qatt ma tonqos il-preżenza tal-Ispirtu Santu, li minnu toriġina grazzja ħajja lejn l-oqbra mqaddsa ” (Carme XXI, 632-633).

  1. L-Ispirtu Santu b’dan il-mod jidhrilna bħala Spirtu tal-ħajja mhux biss fil-fażijiet kollha tal-eżistenza terrena, imma ugwalment fl-istadju li, wara l-mewt, jippreċedi l-ħajja sħiħa li l-Mulej wiegħed ukoll għall-iġsma tagħna mortali. Għal raġuni ikbar grazzi lilu inwettqu, fi Kristu, “il-passaġġ” finali tagħna għal għand il-Missier. Josserva San Bażilju l-Kbir: “Kemm-il darba xi ħadd jirrifletti, jasal li jifhem li wkoll fil-waqt tal-manifestazzjoni mistennija tal-Mulej mis-sema, l-Ispirtu Santu ma jonqosniex bħal ma xi wħud jemmnu; huwa għal kuntrarju jkun preżenti wkoll fil-jum tar-rivelazzjoni tal-Mulej, li fiha jiġġudika d-dinja bil-ġustizzja, hu beatu u uniku Sovran” (Lo Spirito Santo, XVI, 40).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading