L-Ispirtu s-Santu li jagħti l-Ħajja


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 21 ta’ Ottubru 1998.

Nru 21 – L-Ispirtu Santu li jaħti l-Ħajja

Il-ħajja fl-Ispirtu

  1. L-Ispirtu Santu “huwa Mulej u jagħti l-ħajja”. B’dan il-kliem tas-simbolu niċen-kostantinoplitan il-Knisja tkompli tipprofessa l-fidi fl-Ispirtu Santu, li San Pawl jipproklama “Spirtu tal-ħajja” (Rm8,2).

Fl-istorja tal-fidwa l-ħajja tidher dejjem marbuta mal-Iapirtu ta’ Alla. Sa mill-għodwa tal-ħolqien, grazzi għan-nifs divin, kważi “nifs ta’ ħajja”, “il-bniedem sar esseri viventi” (Ġn 2,7). Fl-istorja tal-poplu magħżul l-Ispirtu tal-Mulej jintervieni ripetutament biex isalva lill-Iżrael u biex jiggwidah permezz tal-patrijarki, l-imħallfin, is-slaten u l-profeti. Eżekjel  jissimbolizza b’mod effikaċi s-sitwazzjoni tal-poplu umiljat mill-esperjenza tal-eżilju bħala wied  bla tarf mimli skeletri lil min Alla jikkomunika ħajja ġdida (cfr  37,1-14): “U l-Ispirtu daħal fihom u reġgħu lura għall-ħajja u qamu fuq riġlejhom” (Eżz 37,10).

B’mod speċjali fl-istorja ta’ Ġesù l-Ispirtu Santu jifrex il-qawwa vivifikanti tiegħu: il-frott tal-ġuf ta’ Marija jieħu l-ħajja “bl-opra tal-Ispirtu Santu” (Mt 1,18; cfr Lq 1,35). Il-missjoni kollha ta’ Ġesù hija animata u mmexxija mill-Ispirtu Santu; b’mod speċjali il-qawmien mill-imwiet iġib is-siġill tal-“Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet” (Rm 8,11).

  1. L-Ispirtu Santu, daqs il-Missier u l-Iben, huwa l-protagonista ta’ dak il- “Vanġelu tal-ħajja” li l-Knisja ma tgħejjiex tħabbar u tixhed lid-dinja.

Il-Vanġelu tal-ħajja infatti – bħal ma spjegajt fl-Ittra Enċiklika Evangelium vitae – mhijiex sempliċi riflessjoni fuq il-ħajja umana u linqas biss kmandament indirizzat għall-kuxjenza; dan huwa, fis-sewwa, “realtà konkreta u personali, għaliex jikkonsisti fl-aħbar tal-persuna stess ta’ Ġesù” (N. 29). Huwa jippreżenta ruħu infatti bħala “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6). U waqt li jdur lejn Marta, oħt Lażżru,  itenni: “Jien il-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11,25).

  1. “Min jimxi warajja – Huwa mill-ġdid jipproklama – ikollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw8,12). Il-ħajja li Ġesù Kristu jirregalalna hija ilma ħaj li jaqtà l-għatx l-iktar profond tal-bniedem u jintroduċih, bħala iben, fil-għaqda sħiħa ma’ Alla. Dan l-ilma ħaj u donator tal-ħajja huwa l-Ispirtu Santu.

Fid-djalogu mas-Sammaritana, Ġesù jħabbar bil-quddiem dan id-don divin: “Li kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qed jgħidlek: ‘Tini nixrob!’, inti stess kont titolbu u hu kien itik ilma ħaj… Kulmin jixrob minn dan l-ilma jerġà mill-ġdid jaqbdu l-għatx, imma min jixrob mill-ilma li ntih jien, qatt iktar ma jaqbdu l-għatx, l-ilma li ntih jien isir fih nixxiegħa ta’ ilma li jgelgel għall-ħajja eterna” (Ġw 4,10.13-14). Waqt li mbagħad iħabbar bil-quddiem, fl-okkażjoni tal-festa tal-Għerejjex, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, Ġesù jgħid dejjem b’leħen għoli, kważi biex jinstemà mill-bnedmin tan-nazzjonijiet u taż-żmenijiet kollha: “Min għandu l-għatx jiġi għandi u jixrob, min jemmen fija. Bħal ma tgħid l-Iskrittura: ‘xmajjar ta’ ilma ħaj igelglu minn ħdanu’. Dan huwa qalu –  jinnota l-evanġelista Ġwanni – waqt li rrefera għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih ” (Ġw 7,37-39).

Waqt li kiseb id-don tal-Ispirtu bis-sagrifiċċju ta’ ħajtu, Ġesù  jwettaq il-missjoni riċevuta mingħand il-Missier: “Jiena ġejt sabiex ikollna l-ħajja u jkollna minnha bl-abbundanza” (Ġw 10,10). L-Ispirtu Santu jirrendi ġdida qalbna (cfr  36,25-27; Ġer31,31-34) billi jallineha ma’ dik ta’ Kristu. In-nisrani jistà hekk  “jifhem u  jwettaq is-sens iktar veru u iktar profond tal-ħajja: dak li huwa don li jwettaq lilu nnifsu biex jingħata” (EV, 49). Din hija l-liġi l-ġdida,  “il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù” (Rm 8,2). L-espressjoni fundamentali tiegħu, b’imitazzjoni tal-Mulej li joffri ħajtu għal ħbiebu (cfr Ġw 15,13), hija d-don tiegħu nnifsu fl-imħabba: “Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għaliex inħobbu lill-aħwa ” (1 Ġw 3,14).

  1. Il-ħajja tan-nisrani li, permezz tal-fidi u s-sagramenti, huwa magħqud b’mod intimu ma’ Ġesù Kristu, hija “ħajja fl-Ispirtu”. L-Ispirtu Santu, infatti, imsawwab fi qlubna (cfrGal4,6) isir fina u għalina “sors ta’ ilma li jgelgel għall-ħajja eterna” (Ġw4,14).

Hemm bżonn mela li nħallu lilna nfusna niġu ggwidati bil-ħlewwa mill-Ispirtu ta’ Alla, biex insiru dejjem iżjed pjenament dawk li diġa aħna minħabba l-grazzja: wlied ta’ Alla fi Kristu (cfr Rm 8,14-16). “Jekk għalhekk ngħixu mill-Ispirtu – iħeġġiġna mill-ġdid San Pawl – nimxu wkoll skont l-Ispirtu” (Gal 5,25).

Fuq dan il-prinċipju tissejjes l-ispiritwalità nisranija, li tikkonsisti fl-ilqugħ tal-ħajja kollha li l-Ispirtu jirregalalna. Din il-konċessjoni tal-ispiritwalità tkenninna mill-ambigwitajiet li kultant iċajpru il-profil ġenwin tiegħu.

L-ispiritwalità  nisranija ma tikonsistix fi sforz ta’ awto-perfezzjonament, kważi li l-bniedem bil-qawwiet tiegħu jistà jippromwovi t-tkabbir integrali tal-persuna tiegħu u jikseb il-fidwa. Il-qalb tal-bniedem, feruta mid-dnub, tiġi mfejqa biss mill-grazzja tal-Ispirtu Santu u biss jekk sostnuta minn din il-grazzja tistà tgħix ta’ veru bin Alla.

L-ispiritwalità nisranija ma tikkonsistix linqas fli ssir kważi  “immaterjali”, diżinkarnata, nieqsa minn impenn responsabbli fl-istorja. Il-preżenza tal-Ispirtu Santu fina, infatti, bogħod milli timbuttana lejn “evażjoni” aljenanti, tippenetra u timmobilizza l-esseri kollu kemm hu tagħna: intelliġenza, rieda, affettività, korporjetà, sabiex il-“bniedem ġdid” tagħna (Ef 4,24) jimla l-ispazju u ż-żmien tan-novità evanġelika.

  1. Fuq l-għatba tat-tielet Millenju, il-Knisja tiddisponi ruħha biex tilqà id-don dejjem ġdid ta’ dak l-Ispirtu donator ta’ ħajja li tgelgel mill-kustat minfud ta’ Ġesù Kristu, biex ixxandar lil kulħadd b’ferħ intimu il-Vanġelu tal-ħajja.

Nitolbu b’ħerqa kbira lill-Isdpirtu Santu biex jirrendi l-Knisja ta’ żmienna eku fidil tal-kelma tal-Appostli: “Dak li kien sa mill-bidu, dak li aħna smajna, dak li aħna rajna b’għajnejna, dak li aħna mmeditajna u dak li jdejna messu, jiġifieri il-Verb tal-ħajja (ġaladarba l-ħajja saret viżibbli, aħna rajniha u ta’ dan nagħtu xhieda u nħabbrulkom il-ħajja eterna, li kienet għand il-Missier u dan irrendiha viżibbli lilna), dak li aħna rajna u smajna, aħna nħabbruh ukoll lilkom, sabiex intom ukoll tkunu f’għaqda magħna. L-għaqda tagħna hija mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu” (1 Ġw 1,1-3).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.