L-Ispirtu tal-Verità

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 17 ta’ Mejju 1989.

B – L-Ispirtu tal-Verità

  1. Ikkwotajna bosta drabi l-kliem ta’ Kristu, li fid-diskors tat-tluq indirizzat lill-appostli fiċ-Ċenaklu jwiegħed il-miġja tal-Ispirtu Santu bħala difensur u konsolatur ġdid u definittiv: “Jien se nitlob lill-Missier u huwa se jagħtikom Paraklitu ieħor sabiex jibqà magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-Verità li d-dinja ma tistax tirċievi, għaliex ma tarahx u linqas tafu” (Ġw14, 16-17). Dak id-“diskors tat-tluq”, imqiegħed fir-rakkont sollenni tal-aħħar Ċena (cf. Ġw 13, 2), huwa sors ta’ mportanza ewlenija għall-pnewmatoloġija, jew aħjar għad-dixxiplina tejoloġika li tikkonċerna l-Ispirtu Santu. Ġesù jitkellem dwaru bħala l-Paraklitu li “jipproċedi” mill-Missier, u li l-Missier “se jibgħat” lill-appostli u lill-Knisja “f’isem l-Iben”, meta l-Iben “jitlaq”, “bi prezz” tat-tluq mwettaq permezz tas-sagrifiċċju tas-Salib.

Jeħtieġ nieħdu in konsiderazzjoni l-fatt li Ġesù jsejjaħ lill-Paraklitu l-“Ispirtu tal-Verità”. Ukoll f’waqtiet oħra huwa sejjaħlu hekk (cf. Ġw 15, 26; Ġw 16, 13).

  1. Inżommu quddiem għajnejna li fl-istess ħin fid-“diskors tat-tluq” Ġesù waqt li jwieġeb domanda tal-Appostlu Tumas dwar l-identita tiegħu, isostni dwaru stess: “Jien it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw14, 6). Minn din ir-riferenza doppja għall-verità li Ġesù jagħmel biex jiddefenixxi sew lilu nnifsu kif ukoll lill-Ispirtu Santu, wieħed jassumi li, jekk il-Paraklitu jiġi minnu msejjaħ “Spirtu tal-Verità”, dan ifisser li l-Ispirtu Santu huwa dak li, wara t-tluq ta’ Kristu, se jżomm l-istess verità, li huwa ħabbar u irrivela u, anzi, li hu stess hu. Il-Paraklitu, infatti, huwa l-verità bħal ma hu Kristu. Dan jgħidulna Ġwanni fl-ewwel ittra tiegħu: “Huwa l-Ispirtu Santu li jagħti xhieda, għaliex l-Ispirtu huwa l-verità” (Ġw 5, 6). Fl-istess ittra l-Appostlu jikteb ukoll: “”Aħna ta’ Alla. Min jagħraf lil Alla jismà lilna; min mhux ta’ Alla ma jismaniex. Min dan aħna niddistingwu l-ispirtu tal-verità u l-ispirtu tal-iżball (“spiritus erroris”)” (Ġw 4, 6). Il-missjoni tal-Iben u dik tal-Ispirtu Santu jiltaqgħu, huma magħqudin, u jwettqu lilhom infushom b’mod reċiproku fit-twettiq tal-verità u fir-rebħa fuq l-iżball. L-oqsma tal-azzjoni li fihom huma joperaw huma l-ispirtu uman u l-istorja tad-dinja. Id-distinzjoni bejn il-verità u l-iżball hija l-ewwel waqt ta’ tali opra.
  2. Li jibqgħu fil-verità hija l-problema essenzjali għall-appostli u għad-dixxipli ta’ Kristu, kemm tal-ewwel żminijiet kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet ġodda kollha tal-Knisja fis-sekli. Minn dan il-punt di vista l-aħbar tal-Ispirtu tal-verità għandha mportanza ewlenija. Ġesù jgħid fiċ-Ċenaklu: “Bosta ħwejjeġ għad għandi x’ngħidilkom, imma għalissa għadkom m’intomx kapaċi li ġġorru l-piż” (Ġw16, 12). Verament il-missjoni messjanika ta’ Kristu damet ftit, ftit ħafna biex jiżvela lid-dixxipli l-kontenuti kollha tar-Rivelazzjoni. U mhux biss kien qasir iż-żmien għad-dispożizzjoni, imma wkoll irriżultaw limitati l-preparazzjoni u l-intelliġenza tas-semmiegħa. Bosta drabi jingħad li l-appostli nfushom “kienu jistagħġbu ġo fihom” (cf.Mc 6, 52), u “ma kinux jifhmu” (cf. es gr Mk8, 21), jew inkella kienu jifhmu b’mod mgħawweġ il-kliem u l-opri ta’ Kristu (cf. es gr Mt 16, 6-11).

Hekk jispjegaw ruħhom fil-milja kollha tas-sinifikat tagħhom il-kliem tal-Imgħallem: “Meta . . . jiġi l-Ispirtu tal-verità, huwa jmexxikom lejn il-verità kollha kemm hi” (Ġw. 16, 13).

  1. L-ewwel konferma ta’ din il-wegħda ta’ Ġesù tingħata fil-Pentekoste u fil-jiem ta’ wara, bħal ma jixhdu l-Atti tal-Appostli. Imma l-wegħda ma tirrigwardax biss lill-appostli u lil sħabhom immedjati fl-evanġelizzazzjoni, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ dixxipli u konfessuri ta’ Kristu. Il-Vanġelu, infatti, huwa ddestinat għall-ġnus kollha u għall-ġenerazzjonijiet dejjem ġodda, li se jiżviluppaw fil-kuntest tad-diversi kulturi u tal-progress multiplu taċ-ċiviltà umana. Bil-ħarsa fuq ir-raġġ kollu tal-istorja Ġesù jgħid: “L-Ispirtu tal-verita li jipproċedi mill-Missier, huwa se jirrendili xhieda”. “Se jirrendi xhieda”, jew aħjar se juri il-veru sens tal-Vanġelu fl-intern tal-Knisja, għaliex hi tħabbru b’mod awtentiku fid-dinja kollha. Dejjem u f’kull post, minkejja x-xogħol interminabbli tal-affarijiet li jitbiddlu waqt li jiżviluppaw ruħhom fil-ħajja tal-umanità, l-“Ispirtu tal-verità” se jmexxi lill-Knisja “lejn il-verità kollha kemm hi” (Ġw16, 13).
  2. Ir-rapport bejn ir-Rivelazzjoni notifikata mill-Ispirtu Santu u dik ta’ Ġesù huwa tassew qrib. Din mhix Rivelazzjoni differenti, steroġenja.  Dan tistà tapprezzah minn partikular tal-lingwaġġ użat minn Ġesù fil-wegħda tiegħu: “Il-Paraklitu, l-Ispirtu Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14,26). Il-fakra hija l-funzjoni tal-memorja. Waqt li jiftakar, wieħed imur lura għal dak li diġa seħħ, għal dak li ingħad u twettaq, waqt li hekk iġedded fil-kuxjenza l-affarijiet l-imgħoddija, u kważi jerġà jagħtihom il-ħajja. Billi dan huwa b’mod speċjali l-Ispirtu Santu, Spirtu ta’ verità  mgħobbija bil-qawwa divina, il-missjoni tiegħu ma tintemmx fil-fakra tal-imgħoddi bħala tali: “waqt li jfakkar” il-kliem, l-opri u l-misteru kollu feddej ta’ Kristu, l-Ispirtu tal-verità jirrendih kontinwament preżenti fil-Knisja, jagħmel iva li jitlibbes “attwalità” dejjem iktar ġdida fil-komunità tal-fidwa. Grazzi għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu, il-Knisja mhux biss tiftakar il-verità, imma  tibqà u tgħix fil-verità riċevuta mill-Mulej tagħha. Ukoll b’dan il-mod  jitwettaq il-kliem ta’ Kristu: “Hu (l-Ispirtu Santu) jixhed għalija” (Ġw 15, 26). Din ix-xhieda tal-Ispirtu tal-verità hekk tidentifika ruħha bil-preżenza tal- Kristu dejjem ħaj, bil-qawwa operatriċi tal-Vanġelu, bl-attwazzjoni krexxenti tar-Redenzjoni, bi spjega kontinwa ta’ verità u ta’ virtù. B’dan il-mod l-Ispirtu Santu “jiggwida” lill-Knisja “lejn il-verità kollha kemm hi”.
  3. Tali verità hija preżenti, almenu b’mod assolut, fil-Vanġelu. Dak li l-Ispirtu Santu se jirrivela diġa ntqal minn Kristu. Jirrivelah hu stess meta, waqt li jitkellem dwar l-Ispirtu Santu, jenfasizza li “ma jitkellimx minnu nnifsu, imma jgħid dak kollu li jkun semà . . . Huwa jigglorifikani, għaliex jieħu minn tiegħi u jħabbarhulkom” (Ġw16, 13-14). Il-Kristu, igglorifikat mill-Ispirtu tal-verità, huwa qabel xejn dak l-stess Kristu msallab, imneżżà minn kollox u kważi “miġjub fix-xejn” fl-umanità tiegħu għall-fidwa tad-dinja. Propju bl-opra tal-Ispirtu Santu il-“kelma tas-Salib” kellha tiġi aċċettata mid-dixxipli, li lilhom l-Imgħallem innifsu kien qal: “Għal issa (għadkom) m’intomx kapaċi ġġorru l-piż” (Ġw16, 12). Ipproteġa, quddiem dawk l-imsejkna bnedmin, il-wirja tas-Salib. Kienet meħtieġa azzjoni fil-profondità biex tirrendi lil moħħhom u lil qlubhom kapaċi li jiskopru il-“ġlorja tal-fidwa”, li kienet twettqet propju fis-Salib. Kien meħtieġ intervent divin biex jikonvinċi u jittrasforma internament lil kull wieħed minnhom, bi tħejjija, qabel kollox, għal Jum il-Pentekoste, u, imbagħad, għall-missjoni apostolika tad-dinja. U Ġesù jwissihom li l-Ispirtu Santu “jigglorifikani, għaliex se jieħu minn tiegħi u jħabbarhulkom”. L-Ispirtu biss li, skont San Pawl (1 Kor 2, 10), “jeżamina l-profondità ta’ Alla”, jaf il-misteru tal-Iben-Verb fir-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier u fir-relazzjoni feddejja mal-bnedmin ta’ kull żmien. Hu biss, l-Ispirtu tal-verità, jistà jiftaħ l-imħuh u l-qlub umani waqt li jirrendihom kapaċi li jaċċettaw il-misteru inskrutabbli ta’ Alla u ta’ Ibnu inkarnat, mislub u rxoxt, Ġesù Kristu Mulej.
  4. Jgħid jerġà Ġesù: “L-Ispirtu tal-verità . . .iħabbrilkom l-affarijiet futuri” (Ġw16, 13). Xi tfisser din il-projezzjoni profetika u eskatoloġika li biha Ġesù jqiegħed taħt ir-raġġ tal-Ispirtu Santu il-ġejjieni kollu tal-Knisja, il-mixja kollha storika li hija hi msejħa biex twettaq fis-sekli? Tfisser mawra ta’ laqgħa mal-Kristu glorjuż, li lejh hija mifruxa fl-invokazzjoni mqanqla mill-Ispirtu: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Ap22, 17. 20). L-Ispirtu Santu jmexxi lill-Knisja lejn progress kostanti fil-fehim tal-verità rivelata. Jgħasses fuq l-insegwiment ta’ tali verità, fuq il-konservazzjoni tagħha, fuq l-applikazzjoni tagħha għas-sitwazzjonijiet storiċi  li jibidlu. Iqanqal u jmexxi l-iżvilupp ta’ dak kollu li jinħtieġ għall-għarfien u għat-tixrid ta’ din il-verità: b’mod partikulari, il-kummentarju (eseġeżi) tal-Iskrittura Mqaddsa u r-riċerka tejoloġika, li ma jistgħu qatt jinfirdu mid-direzzjoni tal-Ispirtu tal-verità linqas mill-Maġisteru tal-Knisja, li fih l-Ispirtu qiegħed dejjem jaħdem.

Dan kollu jsir fil-fidi u għall-fidi, taħt l-azzjoni tal-Ispirtu, bħal ma hu migħud fl-enċiklika Dominum et Vivificantem: “Il-Mysterium Christi fil-globalità tiegħu jesiġi l-fidi, minħabba li hija din li tintroduċi b’mod opportun lill-bniedem fir-realtà tal-misteru rivelat. Il-gwida għall-verità kollha kemm hi titwettaq, mela, fil-fidi u permezz tal-fidi: li hija opra tal-Ispirtu tal-verità u hija frott tal-azzjoni tiegħu fil-bniedem. L-Ispirtu Santu irid ikun f’din il-gwida suprema tal-bniedem, id-dawl tal-ispirtu uman. Dan jgħodd għall-appostli, xhieda okulari, li issa jridu jwasslu lill-bnedmin kollha l-aħbar ta’ dak li Kristu “għamel u għallem” u, b’mod speċjali, tas-Salib tiegħu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu. Fi prospettiva iktar imbegħda, dan jgħodd ukoll għall-ġenerazzjonijiet kollha tad-dixxipli u tal-konfessuri tal-Imgħallem, minħabba li jridu jaċċettaw b’fidi u jistqarru b’onestà il-misteru ta’ Alla operanti fl-istorja tal-bniedem, il-misteru rivelat li ta’ tali storja jispjega s-sens definittiv” (Dominum et Vivificantem, 6).

B’dan il-mod l-“Ispirtu tal-verità” kontinwament iħabbar l-affarijiet futuri; kontinwament juri lill-umanità dan il-futur ta’ Alla, li huwa ‘il fuq u ‘il barra minn kull futur “temporali: u hekk jerġà jimla b’valur etern il-futur tad-dinja. B’dan il-mod l-Ispirtu jikkonvinċi l-bniedem, billi jġegħlu jifhem li, b’dak kollu li hu, u għandu, u jagħmel, huwa msejjaħ minn Alla fi Kristu għall-fidwa. Hekk il-“Paraklitu”, l-Ispirtu tal-verità, huwa l-veru “Konsulatur” tal-bniedem. Hekk hu l-veru Difensur u Avukat. Hekk hu l-veru Garanti tal-Vanġelu fl-istorja: Taħt l-influss tiegħu l-Bxara t-tajba hija dejjem “l-istess” u hija dejjem “ġdida”; u b’mod dejjem ġdid hija ddawwal il-mixja tal-bniedem lejn il-prospettiva tas-sema bil-“kliem tal-ħajja eterna” (Ġw 6, 68).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading