Parakletos – L-ispirtu s-Santu bħala Avukat


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 24 ta’ Mejju 1989.

Ċ“Parakletos” L-Ispirtu Santu bħala Avukat

  1. Fil-katekeżi li għaddiet dwar l-Ispirtu Santu tlaqna mit-test ġovannesk tad-“diskors tat-tluq” ta’ Ġesù li jikkostitwixxi b’ċertu mod is-sors ewlieni evanġeliku tal-pnewmoloġija. Ġesù jħabbar il-miġja tal-Ispirtu Santu – Spirtu tal-verità, li “jipproċedi mill-Missier” (Ġw15, 26) u li se jiġi mibgħut mill-Missier lill-appostli u lill-Knisja “fl-isem” ta’ Kristu, minħabba l-Fidwa mwettqa fis-sagrifiċċju tas-Salib, skont il-pjan etern ta’ fidwa. Fil-qawwa ta’ dan is-sagrifiċċju ukoll l-Iben “jibgħat” l-Ispirtu waqt li jħabbar li l-miġja tiegħu se sseħħ bħala konsegwenza jew kważi bi prezz tat-tluq propju tiegħu (cf.Ġw 16, 7). Hemm mela rabta, espressa minn Ġesù nnifsu, bejn il-mewt-il-Qawmien mill-imwiet-it-Tlugħ fis-sema tiegħu u t-tiswib tal-Ispirtu Santu, bejn l-Għid u l-Pentekoste. Anzi skont ir-rabà Vanġelu id-don tal-Ispirtu Santu jseħħ filgħaxija stess tal-Qawmien mill-imwiet (cf. Ġw 20, 22-25). Wieħed jistà jgħid li t-tiċrita tal-ġemb ta’ Kristu fuq is-Salib tiftaħ it-triq għat-tiswib tal-Ispirtu, li se jkun sinjal u frott tal-glorja miksuba bil-Passjoni u l-mewt.

It-test tad-diskors ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu jirrendilna wkoll magħruf li hu jsejjaħ lill-Ispirtu s-Santu il-“Paraklitu” għaliex jibqà magħkom dejjem”  (cf. Ġw 14, 16). B’mod simili ukoll f’testi oħra naqraw: “ . . . il-Paraklitu, l-Ispirtu Santu” (cf. Ġw 14, 26; Ġw 15, 26; Ġw 16, 7). Minflok “Paraklitu” bosta traduzzjonijiet jużaw il-kelma “Konsolatur”; din hija aċċettabbli għalkemm ikollna nirrikorru għall-oriġinali Griega “Parákletos” biex nifhmu għal kollox is-sens ta’ dak li Ġesù jgħid dwar l-Ispirtu Santu.

  1. “Parákletos”, litteralment tfisser: “dak li hu nvokat” (minn parakaléin, “imsejjaħ għall-għajnuna”), u mela “id-difensur”, “l-avukat”, jekk mhux ukoll “il-medjatur” li jwettaq il-funzjoni ta’ interċessur (intercessor). Dan huwa s-sens ta’ “Avukat-Difensur” li issa jinteressana, għalkemm ma ninsewx li xi Santi Padri tal-Knisja jużaw “Parákletos” fis-sens ta’ “Konsolatur”, b’mod partikolari b’riferenza għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu fir-rigward tal-Knisja. Għalissa niffissaw il-menti u niżvolġu d-diskors dwar l-Ispirtu Santu bħala parákletosavukatdifensur. Dan it-terminu jippermettilna li naqbdu wkoll  il-konnessjoni stretta bejn l-azzjoni ta’ Kristu u dik tal-Ispirtu Santu, li tirriżulta minn analiżi ulterjuri tat-test ġovannesk.
  2. Meta Ġesù fiċ-Ċenaklu, lejlet il-Passjoni tiegħu, iħabbar il-miġja tal-Isprtu Santu, jesprimi ruħu b’dan il-mod: “Il-Missier se jagħtikom Paraklitu ieħor”. Minn dan il-kliem wieħed josserva li Kristu stess huwa l-ewwel paraklitu, u li l-azzjoni tal-Ispirtu Santu se tkun tixbaħ lil dik imwettqa minnu, billi kważi tikkostitwixxi estensjoni.

Ġesù Kristu, infatti, kien id-“difensur” u jibqà. L-istess Ġwanni dan jgħidu fl-ewwel ittra tiegħu: : “Jekk xiħadd dineb, għandna avukat (Parákletos) quddiem il-Missier:  Ġesù Kristu il-ġust” (1 Ġw 2, 1).

L-avukat (difensur) huwa dak li, waqt li jqiegħed ruħu fuq in-naħa ta’ dawk li huma ħatja minħabba d-dnubiet imwettqa, jiddefendihom mill-piena mistħoqqha għal dnubiethom, isalvahom mill-periklu li jitilfu l-ħajja u l-fidwa eterna.  Ġesù Kristu wettaq propju dan. U l-Ispirtu Santu jiġi msejjaħ “il-Paraklitu”, għaliex ikompli jirrendi operanti l-Fidwa li biha Kristu ħelisna mid-dnub u mill-mewt eterna.

  1. Il-Paraklitu se jkun “avukat-difensur ieħor” ukoll minħabba tieni raġuni. Waqt li jibqà mad-dixxipli ta’ Kristu, huwa jdawwarhom bl-attenzjoni għassiesa tiegħu bi tjubija omnipotenti. “Jien se nitlob lill-Missier – jgħid Ġesù – u hu jagħtikom Paraklitu ieħor sabiex jibqà dejjem magħkom” (Ġw14, 16): “. . . huwa jgħammar magħkom u jkun fikom” (Ġw14, 17). Din il-wegħda  tintrabat mal-fatti l-oħra minn Ġesù fil-mawra tiegħu għand il-Missier: “Hekk hu, jien magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20). Aħna nafu li Kristu huwa il-Verb li “sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1, 14). Jekk, waqt li jmur għand il-Missier, huwa jgħid: “Jiena magħkom . . . sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20), wieħed  jassumi li l-appostli u l-Knisja għandhom kontinwament  isibu mill-ġdid permezz tal-Ispirtu Santu dik il-preżenza tal-Verb-Iben, li matul il-missjoni terrena tiegħu kienet “fiżika” u viżibbli fl-umanità aċċettata, imma li, wara t-Tlugħ tiegħu fis-sema għand il-Missier, se tkun totalment mgħaddsa fil-misteru.  Il-preżenza tal-Ispirtu Santu li, bħal ma qal Ġesù, hija intima għall-erwieħ u għall-Knisja (Huwa jgħammar fikom u se jkun fikom [Gv 14, 17]) se tirrendi preżenti l-Kristu nviżibbli b’mod  dejjiemi, “sal-aħħar tad-dinja”. L-għaqda traxxendenti tal-Iben u tal-Ispirtu Santu se tagħmel iva li l-umanità ta’ Kristu, aċċettata mill-Verb, tgħammar u topera kulfejn jattwa ruħu bil-qawwa tal-Missier il-pjan trinitarju tal-fidwa.
  2. L-Ispirtu Santu-paraklitu se jkun l-avukat difensur tal-appostli, u ta’ dawk kollha li tul is-sekli, se jkunu fil-Knisja l-eredi tax-xhieda tagħhom u tal-apostolat tagħhom, b’mod partikolari fil-waqtiet diffiċli li se jimpenjaw r-responsabiltà tagħhom sal-eroiżmu. Dan qalu bil-quddiem u wegħdu Ġesù: “Jagħtukom f’idejn it-tribunali tagħhom . . . tittieħdu quddiem il-gvernaturi u s-slaten . . . Meta jagħtukom f’idejhom, la tinkwetawx għal kif u x’sejrin tgħidu . . .infatti ma tkunux intom li titkellmu, imma jkun l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom” (Mt10, 17-20; similiterMk 13, 11; Luqa 12, 12: “għaliex l-Ispirtu Santu se jgħallimkom f’dak il-waqt dak li hemm bżonn tgħidu”).

Ukoll f’dan is-sens tassew konkret, l-Ispirtu Santu huwa l-paraklitu-avukat. Jagħmel li jinstab fil-qrib, u anzi preżenti għall-appostli, meta jkollhom jistqarru l-verità, jimmotivawha u jiddefenduha. Huwa stess, isir allura l-ispiratur tagħhom; huwa stess jitkellem bi kliemhom, u flimkien magħhom u permezz tagħhom jirrendi xhieda għal Kristu u għall-Vanġelu tiegħu, quddiem l-akkużaturi huwa jsir bħall-“Avukat” inviżibbli tal-akkużati, minħabba l-fatt li jaġixxi bħala l-avukat, id-difensur, il-konsolatur tagħhom.

  1. Speċjalment waqt il-persekuzzjonijiet kontra l-appostli u kontra l-ewwel insara, imma wkoll f’dawk tas-sekli kollha se jseħħ il-kliem ippronunzjat minn Ġesù fiċ-Ċenaklu: “Meta jiġi l-Paraklitu li jien se nibgħatilkom mingħand il-Missier . . . huwa jirrendili xhieda; u wkoll intom tirrenduli xhieda, għaliex kontu miegħi sa mill-bidu” (Ġw15, 26-27).

L-azzjoni tal-Ispirtu Santu hija dik ta’ “xhieda”. Din hija azzjoni interna “inerenti”, li tiżvolġi dil-qalb tad-dixxipli, li mbagħad jirrendu xhieda lil Kristu fuq barra. Permezz ta’ dik il-preżenza u ta’ dik l-azzjoni timmanifesta u tavanza ruħha fid-dinja l-qawwa “traxxendenti” tal-verità ta’ Kristu, li huwa il-Verb-Verità u Għerf.  Minnu titnissel lill-appostli, permezz tal-Ispirtu, il-qawwa tax-xhieda skont il-wegħda tiegħu: “Jien nagħtikon ilsien u għerf li għalihom l-avversarji kollha tagħkom ma jkunux jistgħu jirreżistu, linqas jirribattu” (Lq 21, 15). Dan seħħ diġa sa mill-każ tal-ewwel martri Stiefnu, dwar min l-awtur tal-Atti tal-Apostli jikteb li kien “mimli bi Spirtu Santu” (At 6, 5), hekk li l-avversarji “ma rnexxilhomx jirreżistu għall-għerf ispirat li bih huwa kien jitkellem” (At 6, 10, 9). Ukoll fis-sekli li ġew wara l-oppożituri tal-fidi nisranija ipperseveraw fli jeħduha kontra x-xandara tal-Vanġelu, billi xi drabi tfew fid-demm leħinhom, mingħajr ma rnexxilhom, madankollu, jifgaw il-verità li tagħha kienu x-xandara: hija kompliet  issaħħaħ fid-dinja bil-qawwa tal-Isprtu Santu.

  1. L-Ispirtu Santu – Spirtu ta’ verità, Paraklitu – huwa dak li, skont il-kelma ta’ Kristu, “li se jikkonvinċi lid-dinja fir-rigward tad-dnub, tal-ġustizzja u tal-ħaqq” (Ġw16, 8). Hija sinifikattiva l-ispjega li Ġesù nnifsu jagħti ta’ dan il-kliem: dnub, ġustizzja u ħaqq. “Dnub” ifisser b’mod speċjali n-nuqqas ta’ fidi li magħha ltaqà Ġesù fost “niesu”, dawk jiġifieri tal-poplu tiegħu, li waslu sal-kundanna tiegħu tal-mewt fuq is-Salib. Waqt li mbagħad nitkellmu dwar il-“ġustizzja”, Ġesù donnu li kellu f’moħħu dik il-ġustizzja definittiva, li l-Missier se jirrendilu (. . . għaliex se nmur għand Missier) fil-Qawmien mill-imwiet u fit-Tlugħ fis-sema. F’dan il-kuntest “ħaqq” tfisser li l-Ispirtu tal-verità se juri l-ħtija tad-“dinja” biex tiġġudikah u tikkundannah, imma biex issalvah, fir-realtà wkoll dik il-“konvinzjoni fir-rigward tad-dnub” da parti tal-Ispirtu tal-verità trid tkun mifhuma bħala intervent orjentat għall-fidwa tad-dinja, għall-ġid finali tal-bnedmin.

Il-“ħaqq” jirreferi b’mod speċjali għall-“prinċep ta’ din id-dinja”, jiġifieri satana. Huwa nfatti sa mill-bidu jipprova jgħawweġ l-opra tal-ħolqien kontra l-allejanza u l-unjoni tal-bniedem ma’ Alla: b’mod xjentifiku jopponi ruħu għall-fidwa. Għalhekk huwa “diġa ġie ġġudikat” sa mill-bidu, bħal ma spjegajt fl-enċiklika Dominum et Vivificantem, (Dominum et Vivificantem, 27).

  1. Jekk l-Ispirtu Santu paraklitu jrid jikkonvinċi lid-dinja propju dwar dan il-“ħaqq” bla ebda dubju ta’ xejn dan irid jagħmlu biex ikompli l-opra ta’ Kristu li timmira għall-fidwa universali (cf.Dominum et Vivificantem, 27).

Għalhekk nistgħu nikkonkludu li fir-rendiment ta’ xhieda lil Kristu, il-Paraklitu huwa Avukat u Difensur  tenaċi (ukoll jekk inviżibbli) tal-opra tal-fidwa – u ta’ dawk kollha li jimpenjaw ruħhom f’din l-opra. U huwa wkoll il-garanti tar-rebħa definittiva fuq id-dnub u fuq id-dinja  sottomessa għad-dnub, biex jeħlisha mid-dnub u jintroduċiha fit-triq tal-fidwa.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb