Nemmen fl-Ispirtu s-Santu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 26 ta’ April 1989.

Udjenzi oħra mis-sena 1989 fuq it-tema tal-Ispirtu s-Santu

 A – Nemmen fl-Ispirtu Santu

Fl-iżvolġiment ta’ Katekeżi sistematika dwar l-iskorta tas-Simbolu tal-Appostli, wara li spjegajt l-artikoli dwar Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għall-fidwa tagħna, issa wasalna għall-professjoni ta’ fidi fl-Ispirtu Santu. Biċ-ċiklu kristoloġiku lest, jinfetaħ dak pnewmatoloġiku, li s-Simbolu tal-Apposli jesprimi b’formula konċiża: “Nemmen fl-Ispirtu Santu”.

Is-Simbolu magħrug bħala “niċenkostantinoplitan” jiżviluppa b’mod ikbar il-formulazzjoni tal-artikolu ta’ fidi: “Nemmen fl-Isprtu Santu, li huwa Mulej u jagħti l-ħajja, u ġej mill-Missier u mill-Iben. Mal-Missier u mal-Iben huwa adurat u gglorigikat, u tkellem permezz tal-profeti”.

  1. Is-Simbolu, professjoni ta’ fidi fformulata mill-Knisja, jibgħatna lura lejn is-sorsi bibbliċi, fejn il-verità dwar l-Ispirtu Santu hija ppreżentata fil-kuntest tar-rivelazzjoni ta’ Alla wieħed u tlieta. Il-pnewmatoloġija tal-Knisja hija mela msejsa fuq l-Iskrittura Mqaddsa, b’mod speċjali fit-Testment il-Gdid, ukoll jekk, b’ċertu qies, hemm diġa taħbiriet fit-Testment il-Qadim.

L-ewwel sors li għalih nistgħu nduru huwa test ġovannesk miġbur fid- “diskors tal-addijo” ta’ Kristu l-jum ta’ qabel il-Passjoni u l-mewt fuq is-Salib. Ġesù jitkellem dwar il-miġja tal-Ispirtu Santu b’konnessjoni mat-“tluq” tiegħu propju, waqt li jħabbar il-miġja (jew inżul) fuq l-Appostli. “Issa jien ngħidilkom il-verità: ikun aħjar għalikom li jien inmur, għaliex jekk jien ma nmurx, ma jiġix għandkom il-Paraklitu; imma meta jien inkun mort, nibgħatulkom” (Ġw 16, 7).

Il-kontenut a’ dan it-test jistà jidher paradossali. Ġesù li jagħmel mill-aħjar biex jenfasizza: “ Issa jien ngħidilkom il-verità”, jippreżenta it-“tluq” propju tiegħu (u allura il-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-Salib) bħala xi ħaġa tajba: “Ikun aħjar għalikom. . .”. Imma minnufih jispjega fiex jikkonsisti il-valur ta’ mewtu; billi din kienet mewt feddejja, din tikostitwixxi l-kondizzjoni għaliex se jitwettaq il-pjan feddej ta’ Alla li se jkollu l-inkurunazzjoni tiegħu fil-miġja tal-Ispirtu Santu; tikkostitwixxi għalhekk il-kundizzjoni ta’ dak kollu li, b’din il-miġja, se jivverifika ruħu għall-Appostli u għall-Knisja futura  waqt li kull ma jmur jilqgħu l-Ispirtu Santu, il-bnedmin se jirċievu l-ħajja l-ġdida.  Il-miġja tal-Ispirtu u dak kollu li jseħħ warajha fid-dinja jkun kollu frott tal-Fidwa ta’ Kristu.

  1. Jekk it-tluq ta’ Ġesù jseħħ permezz tal-mewt fuq is-Salib, wieħed jifhem kif l-evanġelista Ġwanni jistà jara diġa f’din il-mewt, il-qawwa u allura il-glorja tal-Mislub. Imma l-kliem ta’ Ġesù jinvolvi wkoll l-Axxensjoni għal għand il-Missier bħala t-tluq definittiv (cf.Ġw16, 10), skont dak li naqraw ukoll fl-Atti tal-Appostli: “Imtellà . . . fil-lemin ta’ Alla u wara li kien irċieva minn għand il-Missier l-Ispirtu Santu li huwa kien wiegħed” (At 2, 33).

L-Inżul tal-Ispirtu Santu jseħħ wara l-Axxensjoni fis-sema. Il-Passjoni u l-mewt feddejja ta’ Kristu jipproduċu allura il-frott sħiħ tagħhom. Ġesù Kristu, Bin il-bniedem, fil-quċċata tal-missjoni messjanika tiegħu “jirċievi” mingħand il-Missier l-Ispirtu Santu fil-milja li fiha dan l-Ispirtu għandu jkun “mogħti” lill-Appostli u lill-Knisja, għaż-żminijiet kollha. Ġesù qal minn qabel: “Jien meta nkun mgħolli mill-art, niġbed lil kulħadd lejja” (Ġw 12, 32). Din hija ndikazzjoni ċara tal-universalità tal-Fidwa kemm fis-sens estensiv ta’ fidwa operata għall-bnedmin kollha, kif ukoll f’dak intensiv ta’ totalità ta’ ġid ta’ grazzja offrut lilhom.

Imma din il-fidwa universali hemm bżonn tkun imwettqa permezz tal-Ispirtu Santu.

  1. L-Ispirtu Santu huwa dak li “jiġi” wara u minħabba it-“tluq” ta’ Kristu. Il-kliem ta’Ġw16, 7 jesprimi rapport ta’ natura każwali. L-Ispirtu jiġi mibgħut bis-saħħa tal-Fidwa mwettqa minn Kristu: “Meta jien inkun mort, nibgħathulkom” (cf. Dominum et Vivificantem, 8). Anzi, “skont il-pjan divin, it-tluq ta’ Kristu huwa kondizzjoni ndispensabbli sabiex dan jintbagħat u sabiex issir il-miġja tal-Ispirtu Santu, imma allura tibda l-komunikazzjoni feddejja l-ġdida ta’ Alla fl-Ispirtu Santu” (cf. Dominum et Vivificantem, 11).

Jekk inhu minnu li Ġesù Kristu, permezz tar-“refgħa” tiegħu fuq is-Salib, għandu “jiġbed lil kulħadd lejh” (cf. Ġw 12, 32), fid-dawl tal-kliem fiċ-Ċenaklu nifhmu li dik il-“jiġbed” hija attwata mill-Kristu glorjuż permezz tal-inviju tal-Ispirtu Santu. Propju minħabba dan li Kristu għandu jmur. L-Inkarnazzjoni tilħaq l-effett feddej tagħha permezz tal-Ispirtu Santu. Kristu, waqt li telaq minn din id-dinja, mhux biss iħalli l-messaġġ feddej, iżda “jagħti” l-Ispirtu Santu, li miegħu huwa marbut l-effett tal-messaġġ tal-istess Fidwa fil-milja kollha tagħha.

  1. L-Ispirtu Santu, ippreżentat minn Ġesù b’mod speċjali fid-diskors tat-tluq fiċ-Ċenaklu, huwa b’mod evidenti Persuna differenti minnu: “Jiena nitlob lill-Missier u huwa jagħtikom Paraklitu ieħor” (Ġw14, 16). “Imma l-Paraklitu, l-Ispirtu Santu li l-Missier jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għedtilkom” (Ġw14, 26). Ġesù jitkellem dwar l-Ispirtu Santu waqt li spiss juża l-pronom personali “hu”: “Hu jagħti xhieda tiegħi” (Ġw 15, 26). “Hu jikkonvinċi lid-dinja dwar id-dnub” (Ġw 16, 8). “Iżda meta jiġi l-Ispirtu tal-verità, hu jmexxikom għall-verità kollha kemm hi” (Ġw 16, 13). “Hu jigglorifikani” (Ġw 16, 14).

Minn dawn it-testi toħroġ il-verità dwar l-Ispirtu Santu bħala Persuna – u mhux biss bħala qawwa impersonali imħabbra minn Kristu (cf. ex gr Lc 6, 19: “Minnu kienet toħroġ qawwa”). Billi huwa Persuna, lilu jappartieni operat propju tiegħu, ta’ karattru personali. Ġesù infatti, waqt li jitkellem dwar l-Ispirtu Santu, jgħid lill-Appostli: “Intom tafuh, għaliex huwa jgħammar qribkom u se jkun fikom” (Ġw 14, 17); “Hu se jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14, 26); “Jagħti xhieda għalija” (Ġw15, 26); “Imexxikom għall-verità kollha kemm hi”, “Jgħidilkom kollox” (Ġw 16, 13); hu “jigglorifika” lil Kristu (Ġw 16, 14), u “jikkonvinċi” lid-dinja dwar id-dnub” (Ġw 16, 8). L-appostlu Pawlu, minn naħa tiegħu, jiddikjara li l-Ispirtu “jgħajjat fi qlubna” (Gal 4, 6), “iqassam” id-doni tiegħu “lil kull wieħed kif irid” (1 Kor 12, 11), “jinterċedi għall-fidili” (Rm 8, 27).

  1. L-Ispirtu Santu rivelat minn Ġesù huwa mela esseri personali (it-tielet Persuna tat-Trinità), b’aġir personali tiegħu. Imma fl-istess “diskors tat-tluq”, Ġesù juri l-irbit li jgħaqqad il-Persuna tal-Ispirtu Santu mal-Missier u mal-Iben: għalhekk l-aħbar tal-inżul tal-Ispirtu Santu – f’dak “id-diskors tat-tluq” – huwa fl-istess ħin ir-rivelazzjoni definittiva ta’ Alla bħala Trinità.

Ġesù, infatti, jgħid lill-appostli: “Jiena nitlob lill-Missier u huwa jagħtikom Paraklitu ieħor” (Ġw 14, 16): “l-Ispirtu tal-verità li jipproċedi mill-Missier” (Ġw 15, 26), “li l-Missier se jibgħat f’ismi” (Ġw 14, 26). L-Ispirtu Santu huwa mela Persuna distinta mill-Missier u mill-Iben u, fl-istess ħin, magħhom magħquda b’mod intimu: “jipproċedi” mill-Missier, il-Midssier “jibagħtu” f’isem l-Iben: – u dan in konsiderazzjoni tal-Fidwa, imwettqa mill-Iben permezz tal-offerta tiegħu nnifsu fuq is-Salib. Għal dan Ġesù Kristu jgħid: “Meta jien inkun tlaqt, nibgħatulkom” (Ġw 16, 7). “L-Ispirtu ta’ verità li jipproċedi mill-Missier” jiġi mħabbar minn Kristu bħala l-Paraklitu, li “jien se nibgħatulkom mingħand il-Missier” (Ġw 15, 26).

  1. Fit-test ta’ Ġwanni, li jirraporta d-diskors ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu, hija mela miġbura r-Rivelazzjoni tal-azzjoni feddejja ta’ Alla bħala Trinità. Ktibt fl-enċiklika Dominum et Vivificantem: “L-Idspirtu Santu, minħabba li hu konsustanzjali mal-Missier u mal-Iben fid-divinità, huwa mħabba u don (mhux maħluq), li minnu tgelgel bħala sors (fons vivus) kull  għotja fir-rigward tal-krejaturi (don maħluq): id-donazzjoni tal-eżistenza lill-ħwejjeġ kollha permezz tal-ħolqien id-donazzjoni tal-grazzja lill-bnedmin permezz tal-ekonomija kollha tal-fidwa” (Dominum et Vivificantem, 10).

Fl-Ispirtu Santu għandna mela r-rivelazzjoni tal-profondità fid-divinità: il-misteru tat-Trinità li fiha  jeżistu l-Persuni divini, imma miftuħ għall-bniedem biex jagħtih ħajja u fidwa. Għal dan jissuġġerixxi San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin meta jikteb li “l-Ispirtu  jeżamina kull ħaġa, ukoll il-profonditajiet ta’ Alla” (1 Kor 2, 10).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb