Ġesù Kristu Bin il-Bniedem

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 29 ta’ April 1987

11. Ġesù Kristu Bin il-Bniedem

  1. Ġesù Kristu,Bin il-bniedem u Alla: hija t-tema kulminanti tal-katekeżi tagħna dwar l-identità tal-Messija. Hija l-verità fondamentali tar-rivelazzjoni kristjana u tal-fidi: l-umanità u d-divinità ta’ Kristu dwar liema rridu nirriflettu fli ġej b’iktar mod sħiħ. Għalissa jeħtigilna ntemmu l-analiżi tat-titoli messjaniċi diġa b’xi mod preżenti fit-Testment il-Qadim u naraw f’liema sens Ġesù jattribwihom għalih.

Inkwantu għat-titolu ta’ “bin il-bniedem”, huwa sinifikattiv li Ġesù għamel użu spiss waqt li tkellem dwaru nnifsu, waqt li huma l-oħrajn li jsejħulu “Bin Alla”, bħal ma se naraw fil-katekeżi li jmiss. Iżda hu jiddefenixxi lilu nnifsu “Bin il-bniedem”, waqt li ħadd iktar ma jsejjaħlu hekk, jekk ma nagħmlux eċċezzjoni għad-djaknu Stiefnu qabel it-tħaġġir (At 7, 56) u l-awtur tal-Apokalissi f’żewġ testi (Ap 1, 13; 14, 14).

  1. It-titolu “Bin il-bniedem” jiġi mit-Testment il-Qadim mill-ktieb tal-profeta Danjel. Hawn hu t-test li jiddeskrivi viżjoni notturna tal-profeta: “Waqt li mill-ġdid fil-viżjoni notturna, hekk hu li jfeġġ, fuq is-sħab tas-sema, wieħed, jixbaħ iben ta’ bniedem; jasal sax-xjuħija u kien ippreżentat lilu, li tah poter, ġlorja u saltna; il-popli kollha, nazzjonijiet u lingwi kienu jaqduh; il-poter tiegħu huwa poter etern,  li ma jinżel qatt, u s-saltna tiegħu hija tali li qatt ma tkun meqruda”(Dn 7, 13-14).

U meta l-profeta jitlob spjega ta’ din il-viżjoni, jirċievi t-tweġiba li ġejja: “Il-qaddisin tal-Iktar Għoli jirċievu s-saltna u jipposseduha għal sekoli u sekoli . . . allura s-saltna, il-poter u l-kobor tas-saltniet kollha li jinsabu taħt is-sema, jingħataw lill-poplu tal-Iktar Għoli” (Dn 7, 18.27). It-test ta’ Danjel jirrigwarda persuna singola u l-poplu. Ninnutaw minnufih li dak li jirreferixxi għall-persuna ta’ Bin il-bniedem nerġgħu nsibuha fil-kliem tal-anġlu fl-annunzjazzjoni lil Marija: “isaltan għal dejjem . . . u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem” (Lq 1, 33).

  1. Meta Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu “Bin il-bniedem” juża espressjoni ġejja mit-tradizzjoni kanonika tat-Testment il-Qadim u preżenti wkoll fl-apokrifi ġudajċi. Hemm bżonn iżda ninnutaw li l-espressjoni “Bin il-bniedem” (ben-adam) kienet saret fl-aramajk ta’ żmien Ġesù espressjoni li tindika sempliċement “bniedem” (“bar-enas”). Ġesù, għalhekk, waqt li kien isejjaħ lilu nnifsu “bin il-bniedem”, kien jirnexxilu kważi jaħbi wara l-velu tas-sinifikat komuni s-sinifikat messjaniku li l-kelma kellha fit-tagħlim profetiku. Madankollu, mhix kumbinazzjoni, jekk espressjonijiet dwar “Bin il-bniedem” jidhru b’mod speċjali fil-kuntest tal-ħajja terrena u tal-passjoni ta’ Kristu, linqas ma jonqsu wkoll b’referenza għall-elevazzjoni  eskatoloġika tiegħu.
  2. Fil-kuntest tal-ħajja terrena ta’ Ġesù ta’ Nażżaret insibu testi liema: “Il-volpijiet għandhom l-għamajjar tagħhom u l-għasafar tas-sema l-bejtiet tagħhom, imma Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu” (Mt8, 20); jew ukoll: “Ġie Bin il-bniedem, li jiekol u jixrob, u jgħidu: Hawn hu wikkiel u xarrab, ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin” (Mt 11, 19). Drabi oħra l-kelma ta’ Ġesù tassumi valur ferm iktar indikattiv tal-qawwa tiegħu. Hekk meta jgħid: “Bin il-bniedem huwa sid ukoll tas-Sibt” (Mk 2, 28). Fl-okkażjoni tal-fejqan tal-paralitiku mniżżel minn fetħa magħmula fis-saqaf huwa jiddikjara b’ton kważi ta’ sfida: “Issa biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu l-qawwa fuq l-art li jaħfer id-dnubiet, nordnalek – qal lill-paralitiku – qum, aqbad soddtok u mur lejn darek” (Mk 2, 10-11). Band’oħra Ġesù ddikkjara: “Billi bħal ma Ġona kien sinjal għal dawk ta’ Niniveh, hekk ukoll Bin il-bniedem ikun għal din il-ġenerazzjoni” (Lq 11, 30). F’okkażjoni oħra huwa jitkellem dwar viżjoni  moħbija fil-misteru: “Jasal żmien li fih tixtiequ taraw ukoll wieħed biss mill-jiem ta’ Bin il-bniedem, imma ma tarawhx” (Lq 17, 22).
  3. Xi tejoloġi jinnutaw paralelliżmu interessanti bejn il-profezija ta’ Eżekjiel u l-espressjonjiet ta’ Ġesù. Jikteb il-profeta: (“Alla”) Qalli: “Bin il-bniedem, jien se nibgħatek għand l-Iżraeliti . . .li rribellaw kontrija . . . Int tgħidilhom: Jgħid il-Mulej Alla”” (2, 3-4). “Bin il-bniedem int tgħammar f’nofs massa ta’ ribelli, li għandhom għajnejn biex jaraw u ma jarawx, għandhom widnejn biex jisimgħu u ma jisimgħux . . .” (12, 2) “Int, bin il-bniedem . . . żomm ħarstek fissa fuqha (Ġerusalem) li se tkun assedjata . . . u se tipprofetizza kontra tagħha” (4, 1-7). “Bin il-bniedem, ipproponi  enigma li tirrakkonta parabola lill-Iżraeliti” ( 17, 2).

Waqt li jagħmel eku għall-kliem tal-profeta, Ġesù jgħallem: “Bin il-bniedem infatti ma  ġiex biex ifittex u jsalva dak li kien intilef” (Lq 19, 10). “Bin il-bniedem, infatti, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti l-propja ħajtu b’riskatt għal bosta” (Mk 10, 45; cf. ukoll Mt 20, 28). “Bin il-bniedem . . . meta jiġi fil-glorja tal-Missier”,  se jistħi minn min staħa minnu u minn kliemu quddiem il-bnedmin (cf. Mk 8, 38).

  1. L-identità ta’ Bin il-bniedem tidher fl-aspett doppju ta’ rappreżentant ta’ Alla, ħabbar tas-saltna ta’ Alla, profeta li mill-ġdid isejjaħ għall-koversjoni. Minn naħa l-oħra huwa hu “rappreżentant” tal-bnedmin, ta’ min huwa jaqsam il-kondizzjoni terrena u t-tbatijiet biex jirriskattahom u jsalvahom skont il-pjan tal-Missier. Bħal ma hu stess jgħid fid-djalogu ma’ Nikodemu: “Bħal ma Mosè għolla s-serpent fid-deżert, hekk hemm bżonn li jkun mgħolli Bin il-bniedem sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3, 14-15).

Din hija aħbar ċara tal-passjoni, li Ġesù jtenni: “U beda jgħallimhom li Bin il-bniedem kellu jbati ħafna, u jerġà jiġi ppruvat mix-xjuħ, mill-qassisin il-kbar u mill-iskribi, imbagħad jiġi maqtul u, wara tlett ijiem, jerġa jqum” (Mk 8, 31). Għal tliet darbiet nippruvaw inħabbru bil-quddiem fil-Vanġelu ta’ Marku (cf. Mk 9, 31; 10, 33-34) u f’kull waħda minnhom Ġesù jitkellem dwaru bħala “Bin il-bniedem”.

  1. Bl-istess titolu Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu quddiem it-tribunal ta’ Kajfa, meta għall-mistoqsija: “Huwa inti l-Kristu, Bin Alla l-imbierek?”, huwa jwieġeb: “Jiena hu! U għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda fil-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema” (Mk14, 62). F’dan il-ftit kliem jirbombja l-eku tal-profezija ta’ Danjel dwar “Bin il-bniedem li jiġi fuq is-sħab tas-sema” (Dn7, 13) u tas-salm 110li jara l-Mulej bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla (cf. Sal 110, 1).
  2. B’mod ripetut Ġesù jitkellem dwar l-elevazzjoni ta’ “Bin il-bniedem”, bla ma jaħbi mis-semmiegħa tiegħu li din tinkludi l-umiljazzjoni tas-salib. Għall-oġġezzjonijiet u l-inkredulità tan-nies u tad-dixxipli, li kienu jifhmu sewwa l-maġiċità tal-allużjonijiet tiegħu u li xorta waħda kienu jistaqsuh: “Kif mela int tgħid li Bin il-bniedem għandu jiġi mgħolli? Min hu dan Bin il-bniedem?” (Ġw12, 34), Ġesù jsostni: “Meta tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem, allura tagħrfu li jien hu u ma nagħmel xejn minn jeddi, imma kif għallimni l-Missier” (Ġw8, 28). Ġesù jiddikjara li l-“elevazzjoni” tiegħu permezz tas-salib se tikkostitwixxi l-glorifikazzjoni tiegħu. Ftit wara huwa jżid: “Waslet is-siegħa li jkun igglorifikat Bin il-bniedem” (Ġw 12, 23). Huwa sinifikattiv li mat-tluq ta’ Ġuda miċ-Ċenaklu, Ġesù jgħid “issa Bin il-bniedem ġie gglorifikat, u Alla wkoll kien igglorifikat fih”(Ġw 13, 31).
  3. Dan jikkostitwixxi l-kontenut ta’ ħajja, ta’ passjoni, ta’ mewt u ta’ ġlorja dwar liema l-profeta Danjel kien offra abbozz imċajpar. Ġesù ma jaħsibhiex darbtejn li japplika għalih ukoll il-karattru tas-saltna eterna u ntramontabbli li Danjel kien alloka lill-opra ta’ Bin il-bniedem, meta fid-dinja ħabbar: “Allura jaraw lil Bin il-bniedem jiġi fuq is-sħab b’qawwa u ġlorja kbira” (Mk 13,26; cf.Mt 24, 30). F’din il-prospettiva eskatoloġika trid tiżvolġi ruħha l-opra ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja. Huwa jwissi “Ma jkunx għadkom dortu l-bliet ta’ Iżrael, qabel ma jiġi Bin il-bniedem” (Mt 10, 23). U jistaqsi: “Imma Bin il-bniedem, meta jiġi, se jsib il-fidi fuq l-art?” (Lq 18, 8).
  4. Jekk bħala “Bin il-bniedem” Ġesù wettaq b’ħajtu, bil-passjoni, bil-mewt u bil-qawmien mill-imwiet, il-pjan messjaniku, ippjanat fit-Testment il-Qadim, fl-istess ħin huwa jassumi b’dak l-istess isem postu fost il-bnedmin bħala bniedem veru, bħala bin mara, Marija ta’ Nażżaret. Permezz ta’ din il-mara, Ommu, hu, l-“Iben ta’ Alla”, huwa b’mod kontemporanju “Bin il-bniedem”, bniedem veru, bħal ma tixhed l-Ittra lil-Lhud: “Sar verament wieħed minna, f’kollox jixbaħna minbarra fid-dnub” (Eb4, 5; cf.Gaudium et Spes, 22).

Miġjub għallMalti mit-Taljan min Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading