Ġesù Kristu – Messija u Għerf Divin


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 22 ta’ April 1987

10. Ġesù Kristu – Messija u Għerf Divin

  1. Fit-Testment il-Qadim żviluppat u ffjorixxiet tradizzjoni għanja ta’ duttrina sapjenzjali. Fuq il-pjan uman din timmanifesta l-għatx tal-bniedem li jikkoordina d-dati tal-esperjenzi tiegħu u tal-konoxxenzi tiegħu biex jorjenta ħajtu propja fil-mod l-iktar profikwu u għaref. Minn dan il-punt di vista Iżrael ma jinqatax mill-forom sapjenzjali preżenti f’kulturi oħra tal-antikità, u jelabora għerf ta’ ħajja propja, li tħaddan is-setturi varji tal-eżistenza: individwali, familjari, soċjali u politika.

Din l-istess riċerka sapjenzjali, però, qatt ma kienet mifruda mill-fidi fil-Mulej, Alla tal-esodu, u dan kien dovut għall-konvinzjoni, dejjem preżenti fl-istorja tal-poplu magħżul, li biss f’Alla kienet tinsab is-sapjenza perfetta. Minħabba dan il-“biżà tal-Mulej”, jiġifieri l-orjentazzjoni reliġjuża u vitali lejh, kienet meqjusa il-“bidu”, il-“pedament”, l-“iskola” tal-veru għerf (Pr 1, 7; 9, 10; 15, 33).

  1. Taħt l-influss tat-tradizzjoni liturġika u profetika it-tema tal-għerf tistagħna b’approfondiment singolari waqt li tasal biex tinfed kollha kemm hi r-Rivelazzjoni. Infatti, wara l-eżilju, wieħed jasal li jifhem dejjem iktar b’mod iktar ċar li l-għerf uman huwa rifless tal-għerf divin, li Alla “ferrex fuq l-opri tiegħu kollha, fuq kull mortali, skont il-ġenerożità tiegħu” (Sir1, 7-8). Il-waqt l-iktar għoli ta’ dan il-firxa wiesgħa tal-għerf issa mar-rivelazzjoni lill-poplu magħżul, lil liema il-Mulej jgħarraf kelmtu (Dt30, 14). Anzi l-għerf divin, magħruf fil-forma l-iktar sħiħa ta’ liema l-bniedem huwa kapaċi, hija r-Rivelazzjoni nfisha, it- “Torah”, “il-ktieb tal-patt tal-Alla l-iktar għoli” (Sir 24, 22).
  2. Il-għerf divin jidher, f’dan il-kuntest, bħala l-pjan misterjuż ta’ Alla li huwa fl-oriġni tal-ħolqien u tal-fidwa. Huwa d-dawl li jdawwal kollox, il-kelma li tirrivela, il-qawwa ta’ mħabba li tgħaqqad ’l Alla mal-ħolqien tiegħu u mal-poplu tiegħu. Il-għerf divin mhux meqjus bħala duttrina astratta, imma bħala persuna li tiġi mingħand Alla: hija qribu “sa mill-bidu” (Pr8, 23), hija l-għaxqa tiegħu fil-waqt tal-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem, waqt liema jitgħaxxaq biha quddiemu (cf.Pr 8, 22-31).

It-test tas-Siracide jerġà jaqbad dan il-mottiv u jiżviluppah waqt li jiddeskrivi l-għerf divin li jsib postu ta’ “mistrieħ” f’Iżrael u jistabilixxi ruħu f’Sion (Sir 24, 3-12), Waqt li b’tali mod jindika li l-fidi  tal-poplu magħżul tikkostitwixxi t-triq l-ktar sublimi biex tidħol f’għaqda mal-ħsieb u l-pjan ta’ Alla. L-aħħar frott veterotestamentarju ta’ dan l-approfondiment huwa l-Ktieb tal-Għerf,  miġbur ftit qabel it-twelid ta’ Ġesù. Fih l-għerf divin huwa definit bħala “promulgazzjoni tal-qawwa ta’ Alla, rifless tad-dawl  perpetwu, mera bla tebgħa tal-attività ta’ Alla u xbiha ta’ tjubitu”, sors tal-ħbiberija divina u tal-istess profezija  (Għerf 7, 25-27).

  1. F’dan il-livell ta’ simbolu personalizzat tal-pjan divin, l-Għerf huwa figura ma’ min tipprospetta ruħha l-intimità tal-għaqda ma’ Alla u l-esiġenza ta’ tweġiba personali ta’ mħabba. L-għerf għalhekk jidher bħala l-għarusa (Pr4, 6-9), is-sieħba tal-ħajja (Pr6, 22; 7,4). Hu, bil-motivazzjonijiet profondi tal-imħabba, jistieden lill-bniedem għall-għaqda tiegħu u allura għall-għaqda mal-Alla l-ħaj. Din l-għaqda hija deskritta bix-xbiha liturġika tal-festin: “Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi, ixorbu l-imbid li jien ħejjejt għalikom” (Pr 9,5): xbiha li l-apokalissi jerġà jaqbadha biex jindika l-għaqda eterna ma’ Alla, meta hu nnifsu jkun elimina l-mewt għal dejjem (Iż 25, 6-7).
  2. Fid-dawl ta’ din it-tradizzjoni sapjenzjali nistgħu nifhmu aħjar il-misteru ta’ Ġesù Messija. Diġa t-test profetiku tal-Ktieb ta’ Iżaija jitkellem dwar l-ispirtu tal-Mulej li joqgħod fuq is-Sultan-Messija.u jikkaratterizza dan l-ispirtu b’mod speċjali bħala “spirtu ta’ għerf u ntelliġenza” u fl-aħħar bħala “spirtu ta’ għarfien u ta’ biżà tal-Mulej” (11, 2).

Fit-Testment il-Ġdid huma diversi t-testijiet li jippreżentaw lil Ġesù mimli bl-għerf divin. Il-Vanġelu tal-infanzja skont San Luqa jinsinwa s-sinifikat għani tal-preżenza ta’ Ġesù fost id-dutturi fit-tempju, fejn, “dawk kollha li kienu jisimgħuh kienu mistagħġbin bl-intelliġenza tiegħu” (Lq 2, 47), u jiġbor fil-qosor il-ħajja moħbija ġewwa Nażżaret bil-kliem magħruf: “U Ġesù kien jikber fl-għerf, l-età u l-grazzja quddiem Alla u l-bnedmin” (Lq 2, 52).

Matul is-snin tal-ministeru ta’ Ġesù t-tagħlim tiegħu kien iqanqal sorpriża u stagħġib” “U bosta waqt li kienu jisimgħuh kienu jibqgħu mistagħġbin u kienu jgħidu: Minfejn jiġuh dawn il-ħwejjeġ? X’għerf huwa qatt dan li ngħatalu?”” (Mk 6, 2).

Dan l-għerf li kien ġej minn Alla, kien isawwab fuq Ġesù prestiġju partikolari; “infatti huwa kien jgħallem bħal wieħed li għandu awtorità u mhux bħall-iskribi” (Mt 7, 29), minħabba f’hekk huwa kien jippreżenta ruħu bħala dak li “huwa iktar minn Salamun” (Mt 12, 42). Billi kien Salamun il-figura idejali ta’ min irċieva l-għerf divin, jiġri li f’dan il-kliem Ġesù jidher b’mod espliċitu bħala l-veru għerf rivelat lill-bnedmin..

  1. Din l-identifikazzjoni ta’ Ġesù mal-għerf hija ddikjarata bi profondità singulari mill-appostlu Pawlu. Il-Kristu, huwa jikteb, “bl-opra ta’ Alla sar għalina għerf, ġustizzja, qdusija u fidwa” (1 Kor1, 30). Ġesù, anzi, huwa l-“għerf li mhux ta’ din id-dinja… li Alla għażel sa minn qabel is-sekoli għall-glorja tagħna” (1 Kor 2, 6-7). L-“Għerf ta’ Alla” huwa identifikat mal-Mulej tal-glorja talli kien imsallab. Fis-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù mela jirrivela ruħu fl-isplendur kollu tiegħu l-pjan ħanin ta’ Alla, li jħobb u jaħfer lill-bniedem sal-punt li jirrendih krejatura ġdida. L-Iskrittura Mqaddsa titkellem ukoll dwar għerf ieħor li ma jiġix minn Alla, l-“għerf ta’ din id-dinja”, l-orjentament tal-bniedem li jirrifjuta li jinfetaħ għall-misteru ta’ Alla, li jassumi li hu l-awtur tal-propja fidwa. F’għajnejh is-salib jidher  ġenn, imma min għandu l-fidi f’Ġesù Messija u Mulej, jisperimenta mal-Appostlu li “dak li huwa ġenn ta’ Alla huwa ferm iktar għaref mill-bnedmin u dak li huwa difett ta’ Alla huwa ferm aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1, 25).
  2. Il-Kristu huwa kkontemplat dejjem b’mod iktar profond bħala l-veru “Għerf ta’ Alla”. Hekk huwa pproklamat, b’riferiment ċar għal-lingwaġġ tal-kotba sapjenzjali, “xbiha tal-Alla inviżibbli”, “iġġenerat qabel kull krejatura”, dak li permezz tiegħu nħolqu l-ħwejjeġ kollha u f’liema jeżistu (cf.Kol 1, 15-17); hu, minħabba li hu Bin Alla, huwa rradjazzjoni tal-glorja tiegħu u timbru tas-sustanza tiegħu u kollox isostni bil-qawwa ta’ kelmtu” (Eb 1, 3).

Il-fidi f’Ġesù, Għerf ta’ Alla, twassal għal “għarfien sħiħ” tar-rieda divina, “b’kull għerf u ntelliġenza spiritwali” u tirrendi possibbli li nġibu ruħna “b’mod dehen tal-Mulej, biex nogħġbuh f’kollox, waqt li nġorru l-frott ta’ kull opra tajba u waqt li nikbru fl-għarfien ta’ Alla” (Kol 1, 9-10).

  1. Minn naħa tiegħu l-evanġelista Ġwanni waqt li jerġà jsejjaħ għall-għerf deskritt fl-intimità tiegħu ma’ Alla, jitkellem dwar il-Verb li kien fil-bidu, maġemb Alla, u jistqarr li “l-Verb kien Alla” (Ġw1, 1). L-għerf li t-Testment il-Qadim kien wasal li jegwalja mal-kelma ta’ Alla, issa jiġi identifikat ma’ Ġesù, il-Verb li “sar ġisem u waqqaf it-tinda tiegħu f’nofsna” (Ġw1, 14). Bħall-għerf ukoll Ġesù, Verb ta’ Alla, jistieden għall-festin ta’ kelmtu u ta’ ġismu, għaliex hu  huwa l-“ħobż tal-ħajja” (Ġw 6, 48) jirregala l-ilma ħaj tal-Ispirtu (Ġw 4, 10; 7, 37-39) għandu “kliem il-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 68). F’dan kollu Ġesù huwa verament “iktar minn Salamun”, għaliex mhux biss iwettaq b’mod sħiħ il-missjoni tal-Għerf li juri u jikkomunika t-triq, il-verità u l-ħajja, imma hu nnifsu huwa “t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6), huwa r-rivelazzjoni totali ta’ Alla fil-misteru tal-paternità tiegħu (Ġw 1, 18; 17, 6).
  2. Din il-fidi f’Ġesù, rivelatur tal-Missier, tikkostitwixxi l-aspett l-iktar sublimi u konsolanti tal-istorja ferrieħa. Din hija appuntu x-xhieda li taslilna mill-ewwel komunitajiet insara, li fihom kien għadu jidwi l-innu ta’ tifħir li Ġesù kien għolla lill-Missier, waqt li bierku għaliex fl-approvazzjoni tiegħu kien irrivela “dawn il-ħwejjeġ” liċ-ċkejknin.

Il-Knisja kibret tul is-sekoli b’din il-fidi: Ħadd ma jaf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li għalih l-Iben irid jirrivelahulu” (Mt 11, 27). Finalment Alla, waqt li rrivelalna lill-“Iben permezz tal-Ispirtu, jimmanifestalna l-pjan tiegħu, l-għerf tiegħu, l-għana tal-grazzja tiegħu  “msawba fuqna b’kull għerf u ntelliġenza” (Ef 1, 8).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb