Ġesù Kristu Iben ta’ Alla 

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 1987

12. Ġesù Kristu Iben ta’ Alla 

  1. Bħal ma kkunsidrajna fil-katekeżi preċedenti, l-isem “Kristu” jfisser fil-lingwaġġ tat-Testment il-Qadim “Messija”. Iżrael, il-poplu ta’ Alla tal-patt il-qadim, għex fl-istennija tat-twettiq tal-wegħda tal-Messija, li kellhatwettiq f’Ġesù ta’ Nazzaret. Minħabba dan sa mill-bidu Ġesù kien imsejjaħ Kristu, jiġifieri “Messija”, u bħala tali aċċettat minn dawk kollha li “laqgħuh” (Ġw1, 12).
  2. Rajna li skont it-tradizzjoni tal-patt il-qadim, il-Messija huwa sultan u li dan is-sultan messjaniku jiġi msejjaħ ukoll Bin Alla, isem li fl-ambitu tal-monoteiżmu jahwistiku tat-Testment il-Qadim għandu sinifikat esklussivament analoġiku, jew saħansitra metaforiku. F’dawk il-kotba ma jitkellmux dwar l-iben “iġġenerat” minn Alla, imma dwar xi ħadd li Alla jagħżel waqt li jafdalu missjoni jew ministeru partikolari.
  3. f’dan is-sens ukoll il-poplu kollu jiġi denominat “iben” bħal per eżempju fil-kliem ta’ Jahwè ndirizzat lil Mosè: “Int se tgħid lill-farawni:. . .Iżrael huwa ibni primoġenitu . . .ħalli jitlaq lil ibni sabiex jaqdini!” (Es4, 22-23; cf. ukollOs 11, 1; Ġen 31, 9). Jekk mela s-sultan jiġi msejjaħ fil-patt il-qadim “Bin Alla”, dan huwa għaliex fit-tejokrazija Iżraeljana, huwa hu rappreżentant partikolari ta’ Alla.

Dan narawh, per eżempju, fis-salm 2, fejn tidħol l-intronizzazzjoni tas-sultan: “Huwa qalli: Inti ibni, illum jien iġġenerajtek” (Sal 2, 7). Ukoll fis-salm 88/89 naqraw: “Hu (David) isejjaħli: Inti missieri . . . Jien nikkostitwik il-primoġenitu tiegħi, l-iktar għoli fost is-slaten tal-art” (Sal 89, 27-28). Wara l-profeta Natan hekk imur jgħid dwar il-pliropositu tad-dixxendenza ta’ David: “Jien inkun għalih missier u hu jkunli iben. Jekk jagħmel il-ħażin, nikkastigah . . .” (2 Sam 7, 14).

Madankollu, it-Testment il-Qadim, permezz tas-sinifikat analoġiku u metaforiku tal-espressjoni “bin Alla”, donnu li jippenetra ieħor, li jibqà oskur.  Hekk fl-ikkwotat salm 2 , Alla jgħid lis-sultan: “Inti ibni: illum iġġenerajtek” (Sal 2, 7), u fis-salm 109/110: “Minn ħdan it-tbexbix bħal nida, jien iġġenerajtek” (Sal 110, 3).

  1. Hemm bżonn inżommu preżenti dan l-isfond bibbliku-messjaniku biex nirrendu kont li l-mod ta’ aġir u ta’ espressjoni ta’ Ġesù jindika l-għarfien ta’ realtà ġdida għal kollox.

Ukoll jekk fil-Vanġeli sinottiċi Ġesù qatt ma jidefenixxi lilu nnifsu bħala Bin Alla (bħal ma qatt ma jsejjaħ lilu nnifsu Messija), bdanakollu b’modi differenti jisħaq u jġiegħel lil min jifhem li hu Bin Alla, u mhux f’sens analoġiku jew metaforiku, imma naturali.

  1. Huwa anzi jenfasizza l-esklussività tar-relazzjoni tiegħu ta’ Bin Alla.. Qatt ma jgħid ta’ Alla: “missierna”, imam biss “missieri”, inkella jiddistingwi: “Missieri, Missierkom”, Ma jaħsibhiex biex jenfasizza : “Kollox ingħata lili minn Missieri” (Mt11, 27).

Din l-esklussività tar-rapport filjali ma’ Alla jimmanifesta ruħu b’mod partikolari fit,talb, meta Ġesù jdur lejn Alla bħala lejn Missier, waqt li juża l-kelma aramajka “abbà”, li tindika viċinanza filjali partikolari u f’fomm Ġesù tikkostitwixxi espressjoni,  id-devozzjoni totali tiegħu għar-rieda tal-Missier: “Abbà, Missier! Kollox huwa possibbli għalik, biegħed minni dan il-kalċi” (Mk 14, 36).

Drabi oħra Ġesù juża l-espressjoni “Missierkom”; per eżempju: “bħal ma hu ħanin missierkom” (Lq 6, 36); “Missierkom li huwa fs-smewwiet” (Mk 11, 25). Huwa jenfasizza b’dan il-mod l-ispeċifiċità tar-relazzjoni propja mal-Missier, għalkemm jixtieq li din il-paternità divina tikkomunika ruħha lil oħrajn bħal ma tistqarr it-talba tal-“Missierna” li Ġesù għallem lill-appostli u lis-segwaċi tiegħu.

  1. Il-verità dwar il-Kristu bħala Bin Alla huwa l-punt tal-konverġenza tat-Testment il-Ġdid kollu. Il-Vanġeli b’mod speċjali l-Vanġelu ta’ Ġwanni, u l-kitbiet tal-appostli, b’mod partikolari l-Ittri ta’ San Pawl, joffrulna xhieda espliċita. Fil-katekeżi preżenti se nikkonċentraw biss fuq xi affermazzjonijiet partikolarment sinifikattivi, li f’ċertu sens “jiftħulna t-triq” lejn l-iskoperta tal-verità dwar Kristu bħala Bin Alla u li jqarrbuna lejn is- sens rett ta’ din il-“filjolanza”.
  2. Huwa mportanti nosservaw li l-konvinzjoni tal-filjolanza divina ta’ Ġesù kienet ikkonfermata minn leħen mis-sema waqt il-Magħmudija fil-Ġordan (cf.Mk1, 11) u fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni (cf. Mk 9, 7). Fiż-żewġ każi l-evanġelisti jitkellmu dwar il-proklamazzjoni magħmula mill-Missier dwar Ġesù “L-Iben (tiegħu) għażiż” (cf. Mt 3, 17; Lc 3, 22).

Konferma analoga l-appostli kellhom ukoll mill-ispirti ħżiena li ħaduha kontra Ġesù: “X’għandek x’taqsam magħna, Ġesù ta’ Nażżaret?  Ġejt biex tirrovinana! Jien naf min int: il-qaddis ta’ Alla” (Mk 1, 24). “X’għandek int komuni miegħi . . .Bin Alla l-iktar għoli?” (Mk 5, 7).

  1. Jekk imbagħad nisimgħu x-xhieda tal-bnedmin jixirqilha attenzjoni partikolari l-professjoni ta’ Xmun Pietru qrib Ċesarea ta’ Filippu: “Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj” (Mt16, 16). Ta min jinnota li din il-professjoni kienet ikkonfermata b’mod sollenni xejn solitu minn Ġesù: “Imbierek int, Xmun bin Ġona, għaliex la l-ġisem u linqas id-demm ma rrivilawlek dan, imma Missieri li huwa fis-smewwiet” (Mt 16, 17).

Dan mhuwiex fatt iżolat. Fl-istess Vanġelu ta’ Mattew naqraw li għad-dehra ta’ Ġesù miexi fuq l-ilma tal-lag ta’ Ġenażżaret, l-ikkalmar tar-riħ u s-salvazzjoni ta’ Pietru, l-appostli nxteħtu quddiem l-Imgħallem, waqt li qalu: “Inti tassew Bin Alla!” (Mt 14, 33).

  1. Hekk mela dak li Ġesù kien jagħmel u jgħallem kien isostni fl-appostli l-konvinzjoni li hu kien mhux biss il-Messija, imma wkoll il-veru “Iben ta’ Alla”. U Ġesù wettaq tali konvinzjoni.

Kienu propju diversi minn dawn l-istqarrijiet  espressi minn Ġesù li qanqlu kontrih l-akkuża tad-dagħa. Irriżultaw mumenti partikolarment drammatiċi, kif jistqarr il-Vanġelu ta’ Ġwanni, fejn naqraw li l-Lhud “kienu jfittxu . . . li joqtluh: għaliex ma kienx biss  jikser is-Sibt, imma kien isejjaħ lil Alla Missieru, waqt li kien jagħmel lilu nnifsu daqs Alla” (Ġw 5, 18).

L-istess problema tiġi mqanqla mill-ġdid fil-proċess magħmul lil Ġesù quddiem is-Sinedriju: Kajfa l-Qassis il-Kbir, staqsieh: “Nitolbok, f’isem Alla l-ħaj, sabiex tgħidilna jekk int intix il-Kristu, L-Iben ta’ Alla”. Għal din il-mistoqsija Ġesù jwieġeb sempliċement: “Inti għidtu”, jiġifieri “Iva jien jien” (cf. Mt 26, 63-64). U wkoll fil-proċess quddiem Pilatu, minkejja li kien ieħor il-kap tal-akkuża, dak jiġifieri li kien ipproklama lilu nnifsu sultan, bdanakollu il-Lhud tennew l-imputazzjoni fondamentali: “Aħna għandna liġi u skont din il-liġi għandu jmut, għaliex għamel lilu nnifsu Bin Alla  ” (Ġw 19, 7).

  1. Hekk nistgħu ngħidu li fl-aħħar mill-aħħar Ġesù miet fuq is-salib għall-verità dwar il-filjolanza divina tiegħu. Ukoll jekk l-iskrizzjoni mqiegħda fuq is-salib bħala dikjarazzjoni uffiċjali tal-kundanna kienet tgħid: “Ġesù n-Nażżarenu, is-sultan tal-Lhud”, madankollu San Mattew iġegħlna ninnutaw li, “dawk li kienu jgħaddu minn hemm kienu jinsulentawh, iħokku rashom u jgħidu: . . . Jekk inti l-Iben ta’ Alla, inżel minn fuq is-salib” (Mt27, 39-40). U mill-ġdid: “Fada f’Alla: jeħilsu hu issa, jekk iħobbu. Infatti huwa qal: Jiena Bin Alla!” (Mt 27, 43).

Din il-verità tinsab fiċ-ċentru tal-ġrajja tal-Golgota. Fl-imgħoddi kienet oġġett tal-konvinzjoni, tal-proklamazzjoni u tax-xhieda mogħtija mill-appostli, issa hija saret oġġett ta’ ridikolaġni. U madankollu ukoll hawn iċ-ċenturjun Ruman li kien jissorvelja l-agunija ta’ Ġesù u jismà l-kliem, li bihom huwa jdur lejn il-Missier, fil-waqt tal-mewt, jagħti l-aħħar xhieda sorprendenti, hu pagan, lill-identità divina ta’ Kristu: “Tassew dan il-bniedem kien Bin Alla!” (Mk 15, 39).

  1. Kliem iċ-ċenturjun Ruman dwar il-verità fundamentali tal-Vanġelu u tat-Testment il-Ġdid kollu, mill-ġdid isejħulna għal dak li l-anġlu indirizza lil Marija fil-waqt tal-annnzjazzjoni: “Hekk hu, int tikkonċepixxi iben, twelldu u ssemmih Ġesù. Huwa jkun kbir u jissejjaħ Bin l-Iktar Għoli . . .” (Lq1, 31-32). U meta Marija tistaqsi: “Kif inhu possibbli?” il-messaġġier iweġibha: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek jifrex dell il-qawwa tal-iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek mela jkun qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq1, 34-35).
  2. Minħabba l-għarfien li Ġesù kellu li kien l-Iben ta’ Alla fis-sens reali naturali tal-kelma, huwa kien isejjaħ lil Alla Missieru . . .” (Ġw5, 18). Bl-istess konvinzjoni ma ħasibhiex darbtejn jgħid lill-avversarji u akkużaturi tiegħu: “Fis-sewwa ngħidilkom: Qabel ma Abraham kien, Jiena jien” (Ġw8, 58).

F’din il- “Jiena jien” hemm il-verità dwar il-filjolanza divna li tiġi qabel mhux biss iż-żmien ta’ Abraham, imma kull żmien u kull eżistenza maħluqa  .

Jgħid San Ġwann fl-għeluq tal-Vanġelu tiegħu: “Dawn (is-sinjali mwettqa minn Ġesù) ġew miktuba sabiex intom temmnu li Ġesù huwa l-Kristu, l-Iben ta’Alla u sabiex waqt li temmnu jkollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20, 31).

Miġjub għallMalti mit-Taljan min Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading