Ġesù Kristu għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 7 ta’ Ottubru 1987

29. Ġesù Kristu għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet.

  1. Marbut mal-poter divin li jiġġudika li, bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti, Ġesù Kristu jattribwixxi lilu nnifsu u l-evanġelist b’mod speċjali Ġwanni, jgħinuna nagħrfu, hemm dak tal-maħfra tad-dnubiet. Rajna li l-poter divin li jiġgudika lil kull wieħed u lil kulħadd – enfasizzat speċjalment fid-deskrizzjoni apokalittika tal-ġudizzju finali – hija marbuta b’mod profond mar-rieda divina tal-fidwa tal-bniedem fi Kristu u għal Kristu. L-ewwel waqt ta’ attwazzjoni tal-fidwa huwa l-maħfra tad-dnubiet.

Wieħed jistà jgħid li l-verità rivelata mill-poter tal-ħaqq għandha l-kontinwazzjoni tagħha f’dak kollu li l-Vanġeli jgħidu dwar il-poter tal-maħfra tad-dnubiet. Dan il-poter jappartjeni lil Alla biss. Jekk Ġesù Kristu – għandu l-istess poter, dan ifisser li huwa hu Alla, konformi ma’ dak li huwa stess qal: “Jiena u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30). Infatti Ġesù sa mill-bidu tal-missjoni messjanika tiegħu, ma jillimitax ruħu li jipproklama l-bżonn tal-konverżjoni (“Ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu”: Mk 1, 15) u biex tgħallmu li l-Missier huwa lest biex jaħfer lill-midimbin niedma, imma jaħfer id-dnubiet huwa stess.

  1. Huwa propju f’tali waqtiet li jiddi b’ċarezza ikbar il-poter li Ġesù jiddikjara li jippossiedi, waqt li jattribwih għal propju Jien mingħajr ebda tlaqliq. Huwa jiddikjara, per eżempju, “Bin il-bniedem għandu l-poter fuq l-art li jaħfer id-dnubiet” (Mk2, 10). Dan jgħidu lill-iskribi preżenti ġewwa Kafarnaw, meta jinġieb quddiemu paralitiku biex ifejqu. L-evanġelista Marku jikteb li Ġesù, meta ra l-fidi ta’ sħab l-paralitiku, li kellhom saħansitra jagħmlu toqba fis-saqaf biex minnha jniżżlu l-friex tal-imsejken marid quddiemu. Qal lill-paralitiku: “Ibni, dnubietek maħfura” (Mk2, 5). L-iskribi preżenti kienu rraġunaw f’qalbhom: “Għaliex dan jitkellem hekk? Dan dagħa! Min jistà jaħfer id-dnubiet għajr Alla biss?” (Mk 2, 7). Ġesù, li kien jaqra f’qalbhom, ried donnu jaħtafhom fi ħsiebhom: “Għalfejn qegħdin taħsbu dan f’qalbkom? Xinhu l-eħfef: tgħid lill-paralitiku: Dnubietek maħfura jew tgħidlu: Qum, aqbad friexek u imxi? Issa, sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu l-poter fuq l-art li jaħfer id-dnubiet, nordnalek – qal lill-paralitiku – qum, aqbad friexek u mur lejn darek” (Mc 2, 8-11). In-nies li raw il-miraklu, mistagħġba, faħħret lil Alla waqt li qalet: Qatt ma rajna xejn bħal dan!” (Mk 2, 12).

Wieħed jistà jifhem l-ammirazzjoni għal dak il-fejqan straordinarju, u wkoll is-sens ta’ biżà jew rispett li, skont Mattew, jaħkem lill-folla quddiem il-manifestazzjoni ta’ dak il-poter ta’ fejqan mogħti minn Alla lill-bnedmin (cf. Mt 9, 8) jew, bħal ma jikteb Luqa (Lq 5, 26), quddiem il-ħwejjeġ tal-għaġeb” li rat f’dak il-jum. Imma għal dawk li jirriflettu dwar l-iżvolġiment tal-fatt, il-miraklu tal-fejqan jidher bħala l-konferma tal-verità pproklamata minn Ġesù u irrejalizzata u kontestata mill-iskribi: “Bin il-bniedem għandu l-poter fuq l-art li jaħfer id-dnubiet”.

  1. Wieħed jinnota wkoll il-preċiżjoni ta’ Ġesù dwar il-poter tiegħu li jaħfer id-dnubiet fuq l-art: dan huwa poter, jiġifieri, li huwa diġa juża fil-ħajja storika tiegħu, waqt li jimxi bħala “Bin il-bniedem” fil-pajjiżi u fit-toroq tal-Palestina, u mhux biss fis-siegħa tal-ġudizzju eskatoloġiku, wara l-glorifikazzjoni tal-umanità tiegħu. Diġa fuq l-art Ġesù hu l-“Alla magħna”, l-Alla-Bniedem li jaħfer id-dnubiet.

Wieħed jinnota wkoll kif fil-każijiet kollha li fihom Ġesù jitkellem dwar il-maħfra tad-dnubiet, dawk preżenti jimmanifestaw kontestazzjoni u skandlu. Hekk fit-test fejn hu deskritt l-episodju tal-midimba, li tmur għand l-Imgħallem waqt li jkun bilqiegħda mal-mejda f’dar tal-Fariżew. Ġesù jgħid lill-midimba: “Ikunu maħfura lilek dnubietek” (Lq 7, 48). Hija sinifikattiva r-rejazzjoni ta’ dawk mal-mejda miegħu li “bdew jgħidu bejniethom: Min hu dan il-bniedem li jaħfer ukoll id-dnubiet?”” (Lq 7, 49).

  1. Ukoll fl-episodju tal-mara “maqbuda f’adulterju ovvju” u meħudha minn skribi u fariżej quddiem Ġesù biex jipprovokaw ħaqq tiegħu a bażi tal-liġi ta’ Mosè, insibu diversi partikolaritajiet tassew sinifikattivi, li l-evanġelista Ġwanni ried jirreġistra. Diġa l-ewwel tweġiba ta’ Ġesù lill-akkużaturi tal-mara : “Min minnkom huwa bla dnub jitfgħalha l-ewwel ġebla” (Ġw8, 7), iġġegħlna nagħrfu l-konsiderazzjoni tiegħu realistika tal-kondizzjoni umana, nibdew minn dik tal-interlokaturi tiegħu, li fil-fatt jitilqu baxx baxx wieħed wara l-ieħor.  Barra minn hekk ninnotaw l-umanità profonda ta’ Ġesù fit-trattament tiegħu ta’ dik l-iżventurata – ta’ liema bla ebda dubju ta’ xejn kien jiddiżapprova l-imgħoddi; infatti jirrakkomandalha: “Mur u minn issa ‘l hemm la tidnibx iktar” (Ġw 8, 11) -, imma li ma jgħaffiġhiex taħt il-piż ta’ kundanna bla appell. Fil-kliem ta’ Ġesù aħna nistgħu niġbru r-riaffermazzjoni tal-poter tiegħu li jaħfer id-dnubiet u allura tal-perċezzjoni tal-Jien tiegħu divin, meta wara li staqsa lill-mara: “Ħadd ma kkundannak?” u kellu t-tweġiba: “Ħadd, Mulej”, iddikkjara “Linqas jien ma nikkundannak: mur u minn issa ‘l hemm la tidnibx iktar” (Ġw 8, 10-11). F’dik il-“linqas jien” jivvibra l-poter tal-ħaqq u tal-maħfra li l-Verb għandu flimkien mal-Missier u li jeżerċita fl-inkarnazzjoni umana tiegħu għall-fidwa ta’ kull wieħed u waħda minna.
  2. Dak li jimpurtana lkoll f’din l-ekonomija tal-fidwa u tal-maħfra tad-dnubiet, huwa li int tħobb b’ruħek kollha lil Dak li jiġi għandna bħala rieda eterna ta’ mħabba u ta’ maħfra. Dan jgħallimulna Ġesù stess meta, waqt li qagħad bilqiegħda għall-ikel mal-fariżej u waqt li rahom mistagħġbin minħaba l-fatt li huwa aċċetta l-manifestazzjonijiet devoti ta’ venerazzjoni minn naħa tal-midimba, jirrakkontalhom il-parabbola taż-żewġ midjunin, li minnhom wieħed kellu jagħti lill-kreditur ħames mitt dinar, l-ieħor ħamsin, u lit-tnejn jiġi maħfur id-dejn: “Min minnhom mela jħobbu l-iktar?” (Lq7, 42). Iwieġeb Xmun: “Naħseb li dak li nħafirlu l-iktar”. U Hu jżid: “Iġġudikajt sewwa . . . Qed taraha lil din il-mara? . . . Din inħafrulha l-bosta dnubiet tagħha, għalhekk ħabbet ħafna. Għall-kuntrarju dak li lilu jinħafer ftit ftit iħobb” (cf.Lq 7, 42-47).

Il-psikoloġija kumplessa bejn il-kreditur u l-midjun, bejn l-imħabba li tikseb il-maħfra u l-maħfra li tiġġenera mħabba ġdida, bejn il-kejl  aħrax tal-għoti u tal-ksib u l-ġenerożità tal-qalb grata li tfittex li tagħti bla ebda kejl, hija  miġbura f’dan il-kliem ta’ Ġesù li jibqgħu għalina stedina biex nieħdu l-atteġġjament ġust quddiem l-Alla-Bniedem li jeżerċita il-poter tiegħu divin li jaħfer id-dnubiet biex isalvana.

  1. Billi aħna lkoll midjunin ma’ Alla, Ġesù jdaħħal fit-talba mgħallma lid-dixxipli tiegħu u mgħoddija minnhom lil dawk kollha li jemmnu, din it-talba fondamentali lill-Missier: “Aħfrilna dnubietna” (Lq11, 4). Mill-ġdid għal darb’oħra huwa jrid irawwem fina l-verità li Alla biss għandu l-poter li jaħfer id-dnubiet (Mk 2, 7). Imma fl-istess ħin Ġesù jeżerċita dan il-poter divin bis-saħħa tal-verità l-oħra minnu wkoll mgħallma, jiġifieri li l-Missier mhux biss “għadda kull ħaqq lill-Iben” (Ġw 5, 22), imma tah ukoll il-poter li jaħfer id-dnubiet. Ovvjament dan mhuwiex biss sempliċi “ministeru” afdat lill-bniedem pur li jwettqu b’mandat divin: is-sinifikat tal-kliem li bih Ġesù jattribwixxi lilu nnifsu l-poter li jaħfer id-dnubiet – u fil-fatt huwa jaħfirhom f’tant każijiet irrakkuntati mill-Vanġeli – huwa iktar qawwi u iktar impenjattiv għall-intelliġenza tas-semmiegħa ta’ Kristu, li fil-fatt jikkuntestawlu  l-pretensjoni li jagħmel lilu nnifsu Alla u jakkużawh b’dawgħa, b’tali determinazzjoni li twasslu sal-mewt fuq is-salib.
  2. Il-“ministeru” tal-maħfra tad-dnubiet Ġesù jafdah iżda lill-appostli (u lis-suċċessuri tagħhom), meta jippreżenta ruħu lilhom wara l-qawmien mill-imwiet: “Irċievu l-Ispirtu Santu, lil min taħfrulu dnubietu ikunu maħfura” (Ġw20, 22-23). Bħala Bin il-Bniedem, li jidentifika ruħu mal-persuna tal-Iben ta’ Alla, Ġesù jaħfer id-dnubiet bis-saħħa tiegħu nnifsu, ikkomunikatha lilu mill-Missier fil-misteru tal-komunjoni trinitarja u tal-għaqda ipotetika; bħala Bin il-bniedem li fin-natura umana tiegħu ibati u jmut għall-fidwa tagħna, Ġesù  jpatti għal dnubietna u jaqlgħalna l-maħfra mingħand Alla Wieħed u Tlieta, bħala Bin il-bniedem li fil-missjoni messjanika tiegħu jeħtieġ li jtawwal l-azzjoni feddejja tiegħu sa tmiem iż-żmien, Ġesù jgħaddi lill-appostli l-poter li jaħfru d-dnubiet biex jgħinu lill-bnedmin jgħixu  f’sintonija ta’ fidi u ta’ azzjoni ma’ dik ir-rieda eterna tal-Missier, “għani fil-ħniena” (Ef 2, 4).

Fuq din il-ħniena nfinita tal-Missier, fuq is-sagrifiċċju ta’ Kristu, Bin Alla u tal-bniedem li miet għalina, fuq l-opra tal-Ispirtu Santu li, permezz tal-ministeru tal-Knisja, jattwa kontinwament fid-dinja l-“maħfra tad-dnubiet” (cf. Ioannis Pauli PP. II,Dominum et Vivificantem), tistrieħ it-tama tagħna ta’ salvazzjoni.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading