Ġesú Kristu li jagħti l-Liġi

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 14 t’Ottubru 1987

30. Ġesú Kristu li jagħti l-Liġi

  1. Fil-Vanġeli nsibu fatt ieħor li jixhed il-kuxjenza ta’ Ġesù li tippossiedi awtorità divina, u l-persważjoni li ta’ tali awtorità kellhom l-evanġelisti u l-ewwel komunità nisranija. Infatti s-Sinottiċi jaqblu fli jgħidu li s-semmiegħa ta’ Ġesù “ kienu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għaliex kien jgħallimhom bħal wieħed li kellu awtorità, u mhux bħall-iskribi” (Mk1, 22; Mt 7, 29;Lq  4, 32). Din hija nformazzjoni prezzjuża li Marku jagħtina sa mill-bidu tal-Vanġelu tiegħu.  Din tixhed li n-nies kienu qabdu minnufih id-differenza bejn it-tagħlim ta’ Kristu u dak tal-iskribi Iżraeliti, u mhux biss fil-mod, imma fl-istess sustanza:  l-iskribi kienu jserrħu t-tagħlim tagħhom fuq it-test tal-Liġi ta’ Mosè, ta’ liema huma kienu interpreti u annotaturi; Ġesù ma kienx affattu jsegwi l-metodu ta’ “għalliem” jew ta’ “kommentatur” tal-liġi antika, imma kien iġib ruħu bħala leġiżlatur u,  finalment bħala wieħed li kellu awtorità fuq il-Liġi. Wieħed jinnota li: is-semmiegħa kienu jafu tajjeb li din kienet il-Liġi divina, mogħtija lil Mosè bis-saħħa ta’ poter li Alla nnifsu kien ippermettielu bħala rappreżentant tiegħu u medjatur fost il-poplu ta’ Iżrael.

L-evanġelisti u l-ewwel komunità nisranija li kienu jirriflettu dwar din l-osservazzjoni tas-semmiegħa dwar t-tagħlim ta’ Ġesù, kienu jagħtu kont għal darb’oħra mill-ġdid tas-sinifikat integrali tagħha, għaliex setgħu jikkonfrontawha mal-ministeru suċċessiv kollu ta’ Kristu. Għas-Sinottiċi u għall-qarrejja tagħhom kien għalhekk loġiku il-passaġġ tal-istqarrija ta’ poter fuq il-Liġi Możajka u fuq it-Testment il-Qadim kollu ma’ dik  tal-pussess ta’ awtorità divina  fi Kristu. U mhux biss bħala f’Mibgħut jew Legat ta’ Alla bħal ma kien fil-każ ta’ Mosè: Kristu waqt li kien jattribwixxi lilu nnifsu l-poter ta’ tkomplija u ta’ interpretazzjoni b’mod awtorevoli jew saħansitra li jagħti b’mod ġdid il-Liġi ta’ Alla, kien juri l-kuxjenza tiegħu li huwa “ugwali għal Alla” (cf. Fil 2, 6).

  1. Li l-poter attribwit lilu nnifsu minn Kristu fuq il-Liġi jinvolvi awtorità divina, jurih il-fatt li hu joħloq Liġi oħra waqt li jabolixxi l-antika: “La taħsbux li jiena ġejt biex nabolixxi l-liġi jew il-profeti: ma ġejtx biex nabolixxi imma bex inwettaq” (Mt5, 17). Huwa ċar li Alla ma jistax “jabolixxi” l-Liġi li hu stess ta. Jistà, iżda – bħal ma jagħmel Ġesù Kristu – jiċċara s-sinifikat sħiħ tagħha, ifiehem is-sens ġust, jikkorreġi l-interpretazzjonijiet foloz u l-applikazzjonijiet arbitrarji, li għalihom il-poplu u l-istess għalliema u mexxejja tagħhom, waqt li ċedew għad-debbolizzi u l-limitazzjonijiet tal- kondizzjoni umana, kienu għawġuha.

Għal dan  Ġesù jħabbar, jipproklama u jerġà jitlob “ġustizzja” superjuri għal dik tal-iskribi u tal-Fariżej (cf. Mt 5, 20), il-“ġustizzja” li Alla nnifsu kien ippropona u jesiġi mal-osservanza fidila tal-Liġi fejn jirrigwarda s-“saltna tas-smewwiet”. Bin il-bniedem jopera mela bħala Alla li jirristabilixxi dak li Alla ried u qiegħed darba għal dejjem.

  1. Difatti dwar il-Liġi ta’ Alla hu qabel xejn jipproklama: “Fis-sewwa ngħidilkom: sakemm ma jgħaddux is-sema u l-art, ma tgħaddix ittra jew sinjal mil-liġi, mingħajr ma kollox ikun imwettaq” (Mt5, 18). Din hija dikjarazzjoni drastika, li biha Ġesù irid jenfasizza kemm in-nuqqas ta’ tibdil sostanzjali tal-Liġi możajka kif ukoll it-twettiq messjaniku li hija tirċievi f’kelmtu. Din hija it-“totalità” tal-Liġi Antika, li hu, waqt li kien jgħallem “bħal wieħed li għandu l-awtorità” fuq il-Liġi, juri li jimmanifesta ruħu  b’mod speċjali fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. “Minn dawn iż-żewġ kmandamenti tiddependi l-Liġi kollha u l-profeti” (Mt 22, 40). Dan huwa “twettiq” korrispondenti għall-“ispirtu” tal-Liġi li diġa jidher fl-“ittra” tat-Testment il-Qadim, li Ġesù jieħu, jissintetizza, u jipproponi bl-awtorità ta’ wieħed li huwa Mulej ukoll tal-Liġi. Il-preċetti tal-imħabba, u wkoll tal-fidi ġeneratriċi ta’ tama fl-opra messjanika, li huwa jżid mal-Liġi antika waqt li jispjega l-kontenut u waqt li jiżviluppa  l-virtwalità moħbija, huma wkoll twettiq.

Ħajtu hija mudell ta’ dan it-twettiq, għalhekk Ġesù jistà jgħid lid-dixxipli mhux biss  u mhux tant: Segwu l-Liġi tiegħi, imma: Segwu lili, imitawni, imxu fid-dawl li jiġi minni.

  1. Id-Diskors tal-muntanja, kif inhu rappurtat minn Mattew, huwa l-post tat-Testment il-Ġdid fejn wieħed jara mwettaq b’mod ċar u eżerċitat b’mod deċiż minn Ġesù l-poter fuq il-Liġi li Iżrael irċieva mingħand Alla bħala sies tal-patt. Huwa hemm li, wara li kien iddikjara l-valur permanenti tal-Liġi u d-dmir li wieħed josservaha (Mt5, 18-19), Ġesù jgħaddi biex isostni l-bżonn ta’ “ġustizzja” superjuri għal “dik tal-iskribi u tal-Fariżej”, jew aħjar ta’ osservanza tal-Liġi animata mill-ispirtu evanġeliku l-ġdid ta’ karità u ta’ sinċerità.

L-illustrazzjonijiet konkreti huma magħrufa. L-ewwel waħda tikkonsisti fir-rebħa fuq ir-rabja, ir-risentiment, il-malizzja li faċilment ibejtu fil-qalb umana, ukoll meta tistà turi osservanza esterna tal-preċetti możajċi, fosthom dak li ma toqtolx: “Fhimtu sewwa dak li ingħad lill-missirijietna: La toqtolx; min qatel jiġi sottomess għall-ġudizzju. Imma jiena ngħidilkom: kulmin jinkorla ma’ ħuh ikun sottomess għall-ġudizzju” (Mt 5, 21-22). L-istess ħaġa tgħodd għal min offenda lil xi ħadd ieħor bi kliem inġurjuż, b’ċajt  u tmaqdir. Din hija l-kundanna għal kull ċediment għall-istint tal-avverżjoni, li potenzjalment diġa huwa att ta’ inġurja u saħansitra ta’ qtil, almenu spiritwali, għaliex jikser l-ekonomija tal-imħabba fir-rapporti umani u jagħmel ħsara lill-oħrajn u għal din il-kundanna Ġesù kellu f’moħħu li jopponija bil-Liġi tal-karità li tippurifika u tirrijorganizza l-bniedem sa fis-sentimenti u l-movimenti l-iktar intimi tal-ispirtu tiegħu. Dwar il-fedeltà lejn din il-Liġi Ġesù jagħmel kundizzjoni indispensabbli tal-istess prattika reliġjuża: “Jekk mela tippreżenta l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, ħalli r-rigal tiegħek quddiem l-altar, u l-ewwel mur irranġa ma’ ħuk u mbagħad erġà lura biex toffri r-rigal tiegħek” (Mt 5, 23-24). Billi din hija liġi ta’ mħabba, huwa saħansitra rrilevanti min hu li jistà jkollu f’qalbu xi ħaġa kontra l-ieħor: l-imħabba ppridkatha minn Ġesù tagħraf u tgħaqqad kollox fli trid il-ġid, fl-istabiliment jew l-istabiliment mill-ġdid tal-armonija fir-rapporti mal-proxxmu, saħansitra f’każijiet ta’ kontestazzjonijiet u ta’ proċedimenti ġudizzjarji (cf. Mt 5, 25).

  1. Simplifikazzjoni oħra ta’ eżemplifikazzjoni ta’ perfezzjonament tal-Liġi hija dik dwar is-sebà kmandament tad-Dekalogu, li fih Mosè pprojbixxa l-adulterju. B’lingwaġg esaġerat u saħansitra paradossali, att biex jiġbed l-attenzjoni u biex iqanqal l-istat tar-ruħ tas-semmiegħa, Ġesù jħabbar. “Fhimtu dan li ntqal: La tikkommettix adulterju, iżda jiena ngħidilkom . . .” (Mt5, 27); u jikkundanna wkoll il-ħars u x-xewqat impuri, waqt li jirrakkomanda l-ħrib tal-okkażjonijiet, il-kuraġġ tal-mortifikazzjoni, is-subordinazzjoni tal-atti kollha u l-imġibiet għall-esiġenzi tas-salvazzjoni tar-ruħ u tal-bniedem kollu (cf.Mt 5, 29-30).

Ma’ dan il-każ jerġà jintrabat f’ċertu mod ieħor li Ġesù jiffaċċja minnufih: “Intqal ukoll: Min jibgħat lil martu, itiha l-att tar-ripudju; imma jien ngħidilkom . . .” u jiddikjara m’għadhiex fis-seħħ il-konċessjoni magħmulha fil-Liġi l-antika lill-poplu ta’ Iżrael “minħabba l-għebusija tal-qalb” (cf. Mt 19, 8), waqt li pprojbixxa wkoll din il-forma ta’ vjolazzjoni tal-liġi tal-imħabba skont l-istabbiliment mill-ġdid tal-indissolubiltà taż-żwieġ (cf. Mt 19, 9).

  1. Bl-istess proċediment Ġesù jopponi l-projbizzjoni antika tal-ġurament falz, b’dak li ma taħlef xejn affattu (Mt5, 33-38), U r-raġuni li toħrog b’mod ċar biżżejjed huwa mill-ġdid fl-imħabba: ma nistgħux inkunu ma nemmnux u suspettużi mal-proxxmu, meta huwa normalment ċar u lejali u pjuttost hemm bżonn kemm minn naħa kif ukoll mill-oħra li nsegwu din il-liġi fodamentali tal-nitkellmu u naġixxu: “Il-lingwaġġ tagħkom għandu jkun iva, jekk inhu iva; le jekk inhu le. L-iktar minn hekk jiġi mill-ħażin” (Mt 5, 37).
  2. U iktar: “Fhimtu dak li ntqal: Għajn għal għajn u sinna għal sinna; imma jien ngħidilkom biex ma topponux il-ħażin..” (Mt5, 38-39), u b’lingwaġġ metaforiku Ġesù jgħallem biex toffri l-ħadd l-ieħor, biex iċċedi mhux biss it-tunika imma wkoll il-mantell, biex ma tweġibx bi vjolenza għat-tingiż ta’ ħaddieħor, u b’mod speċjali: “. . . Lil min jitolbok u lil min jixtieq self mingħandek la ddawwarlux spallejk” (Mt5, 42). Esklużjoni radikali tal-liġi tat-tpattija fil-ħajja personali tad-dixxiplu ta’ Ġesù, ikun xi jkun id-dmir tas-soċjetà li tiddefendi l-membri tagħha minn dawk li jagħmlu l-ħażin u li tikkastiga l-ħatja tal-vjolazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-istess Stat.
  3. u hawn hu l-perffezzjonament definittiv, li fih insibu ċ-ċentru dinamiku tal-oħrajn kollha: “Fhimtu dak li ntqal: Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek; imma jien ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom sabiex tkunu wlied il-Missier tagħkom tas-sema, li jtellà x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jagħmel ix-xita fuq il-ġusti u fuq l-inġusti. . .” (Mt5, 43-45). Għall-interpretazzjoni popolari tal-Liġi l-antika li kienet tidentifika l-proxxmu mal-Iżraelita u anzi mal- Iżraelita tajjeb, Ġesù jopponi l-interpretazzjoni awtentika tal-kmandament ta’ Alla u jżid id-dimensjoni reliġjuża tar-referenza għall-Missier ċelesti ħanin u jaħfer, li li jikkumpensa lil kulħadd u allura huwa l-eżempju suprem tal-imħabba universali.

Infatti Ġesù jikkonkludi: “Kunu.. perfetti bħal ma hu perfett Missierkom tas-sema” (Mt 5, 48). Huwa jitlob lis-segwaċi tiegħu l-perfezzjoni tal-imħabba. Din l-imħabba iġġiegħel il-bniedem jissupera fir-rapporti tiegħu mal-oħrajn il-klassiku kuntrast ħabib-għadu,  u tfittex mill-intern tal-qlub tittraduċi ruħha f’forom korrispondenti ta’ solidarjetà soċjali u politika, ukoll istituzzjonalizzata. Tkun mela tassew wiesgħa, fl-istorja  l-irradjazzjoni tal-“kmandament il-ġdid” ta’ Ġesù.

  1. F’dan il-waqt imissna speċjalment ninnutaw li fis-siltiet importanti tad-“Diskors tal-Muntanja”, jirrepeti ruħu l-kuntrast: “Fhimtu dak li ntqal . . . Imma jiena ngħidilkom”; u dan mhux biex “jabolixxi” l-Liġi divina tal-pat il-qadim, imma biex jindika t-“twettiq perfett” skont is-sens mifhum minn Alla-Leġislatur, li Ġesù dawwal b’dawl ġdid u spjega fil-valur rejalizzattiv kollu tiegħu ta’ ħajja ġdida u ġeneratur ta’ storja ġdida: u dan jagħmlu billi jattribwixxi lilu nnifsu awtorità li hija dik stess tal-Alla-Leġislatur. Wieħed jistà jgħid li f’dik l-espressjoni tiegħu ripetuta sitt darbiet: Jiena ngħidilkom, jirbombja l-eku ta’ dik l-awtodefinizzjoni ta’ Alla, li Ġesù attribwiha wkoll lilu nnifsu: “Jiena Jien” (cf.Ġw 8, 58).
  2. Fl-aħħar hemm bżonn li nfakkru t-tweġiba li Ġesù ta lill-Fariżej, li ċanfru lid-dixxipli tiegħu talli qatgħu l-iżbul mill-għelieqi mimlijin qamħ biex jikluhom f’jum is-Sibt, b’hekk kisru l-liġi możajka. Ġesù mill-ewwel ikkwotalhom l-eżempju ta’ David u ta’ sħabu li ma ħasbuhiex darbtejn li jieklu il-“ħobż tal-offerta biex jaqtgħu l-ġuħ, u dak tas-saċerdoti li fil-jum tas-Sibt ma josservawx il-liġi tal-mistrieħ għaliex iwettqu l-funzjonijiet fit-tempju. Imbagħad jikkonkludi b’żewġ stqarrijiet finali, li għall-fariżej qatt ma nstemgħu: “Issa jien ngħidilkom li hawn hawn xi ħaġa ferm ikbar mit-tempju . . .”, u “Bin il-Bniedem huwa Mulej ukoll tas-Sibt” (Mt12, 6.8; cf.Mk 2, 27-28). Dawn huma dikjarazzjonijiet li jirrivelaw b’mod ċar il-kuxjenza li Ġesù kellu tal-awtorità tiegħu divina. Li jiddefenixxi lilu nnifsu bħala “wieħed ‘il fuq mit-tempju” kienet allużjoni ċara biżżejjed tat-traxxendenza divina tiegħu. Li jipproklama lilu nnifsu “Mulej tas-Sibt”, jew aħjar ta’ Liġi mogħtija minn Alla nnifsu lill-Iżrael, kienet proklamazzjoni miftuħa tal-awtorità propja bħala kap tas-saltna messjanika u promulgatur tal-Liġi l-ġdida. Mela dawn ma kinux derogi sempliċi għal-liġi możajka, miżjuda wkoll mir-rabbini f’każijiet tassew ristretti , imma minn riintegrazzjoni, minn twettiq u minn tiġdid li Ġesù jħabbar bħala li ma jgħaddu qatt: “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Mt 24, 35). Dak li jiġi minn Alla huwa etern, bħal ma etern huwa Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading