Ġesù Kristu imħallef ta’ kulħadd

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 30 ta’ Settembru 1987

28. Ġesù Kristu imħallef ta’ kulħadd

  1. Alla l-imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. L-aħħar imħallef. L-imħallef ta’ kulħadd.

Diġa fil-katekeżi li tiġi qabel l-inżul tal-Ispirtu Santu fuq il-pagani San Pietru jgħid dwar Kristu: “Huwa hu l-Imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin maħtur minn Alla” (At 10, 42). Dan il-poter divin (“exousía”) huwa, diġa fit-tagħlim ta’ Kristu, marbut ma’ Bin il-bniedem. It-test magħruf dwar il-ġudizzju finali fil-Vanġelu ta’ Mattew jibda bil-kliem: “Meta Bin il-bniedem jiġi fil-glorja tiegħu flimkien mal-anġli kollha, joqgħod bilqiegħda fuq it-tron tal-glorja tiegħu. U jinġabru quddiemu l-bnedmin kollha u huwa jifred l-uħud mill-oħrajn, bħal ma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż” (Mt 25, 31-33). It-test imbagħad jitkellem dwar l-iżvolġiment tal-proċess u jħabbar bil-quddiem is-sentenza, dik ta’ approvazzjoni: “Ejjew, imberkin minn Missieri, irċievu b’wirt is-saltna mħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja” (Mt 25, 34); u dik ta’ kundanna: “Morru, ‘il bogħod minni, misħutin, fin-nar etern, imħejji għax-xitan u għall-anġli tiegħu” (Mt 25, 41).

  1. Ġesù Kristu, li hu Bin il-bniedem, huwa fl-istess ħin veru Alla għaliex għandu l-poter divin li jiġġudika l-opri u l-kuxjenzi umani, u dan il-poter huwa definittiv u universali. Huwa nnifsu jispjega għaliex propju hu għandu dan il-poter meta jgħid: “Infatti l-Missier ma jiġġudika lil ħadd, iżda għadda kull ġudizzju lill-Iben, biex kulħadd jonora lill-Iben bħal ma jonora lill-Missier” (Ġw5, 22-23).

Dan il-poter huwa marbut minn Ġesù mal-fakultà li tagħti l-ħajja, “Bħal ma l-Missier iqajjem il-mejtin u jagħti l-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid” (Ġw 5, 21). “Infatti kif il-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ippermetta li jkollu l-ħajja l-Iben fih innifsu; u tah il-poter li jiġġudia, għaliex hu Bin il-bniedem” (Ġw 5, 26-27). Mela, skont din l-istqarrija ta’ Ġesù, il-poter divin tal-ġudizzju huwa mogħti b’rabta mal-missjoni ta’ Kristu, bħala Salvatur, bħala Redentur tad-dinja. U l-ġudizzju stess jappartjeni għall-opra tal-fidwa, għall-ordni tas-salvazzjoni: huwa att feddej definittiv. Infatti l-iskop tal-ġudizzju huwa s-sehem sħiħ fil-ħajja divina bħala l-aħħar don mogħti lill-bniedem: it-twettiq definittiv tal-vokazzjoni eterna tiegħu. Fl-istess ħin il-poter tal-ġudizzju jintrabat mar-rivelazzjoni esterna tal-glorja tal-Missier f’Ibnu bħala Redentur tal-bniedem. “Ġaladarba Bin il-bniedem jiġi fil-glorja ta’ Missieru . . .  u jagħti lil kull wieħed skont l-azzjonijiet tiegħu” (Mt 16, 27). L-ordni tal-ġustizzja inkitbet, sa mill-bidu, fl-ordni tal-grazzja. Il-ġudizzju finali għandu jkun il-konferma mill-ġdid definittiva ta’ din ir-rabta: Ġesù jgħid b’mod ċar li “il-ġusti jkunu jiddu bħax-xemx fis-saltna tal-Missier” (Mt 13, 43), imma xejn inqas b’mod ċar iħabbar ukoll it-twarrib ta’ dawk li ħadmu l-inġustizzji (cf. Mt 7, 23).

Infatti, bħal ma jirriżulta mill-parabbola tat-talenti (Mt 25, 14-30) il-kejl tal-ġudizzju se jkun il-kollaborazzjoni mad-don riċevut mingħand Alla, kollaborazzjoni mal-grazzja inkella ċ-ċaħda tagħha.

  1. Il-poter divin li jiġġudika lil kulħadd u lil kull wieħed jappartjeni lil Bin il-bniedem. It-test klassiku fil-Vanġelu ta’ Mattew (cf.Mt25, 31-46) jenfasizza l-fatt li Kristu jeżerċita dan il-poter mhux biss bħala Alla-Iben, imma wkoll bħala Bniedem, Jeżerċitah – u jippronunzja s-sentenzi – f’isem is-solidarjetà ma’ kull bniedem, li mingħand l-oħrajn jirċievi t-tajjeb jew inkella l-ħażin: “Jiena kont bilġuħ u intom tajtuni x’niekol” (Mt 25, 35), jew inkella “Jiena kont bilġuħ u intom ma tajtunix x’niekol” (Mt 25, 42). “Materja” fondamentali tal-ġudizzju huma l-opri ta’ karità fir-rigward tal-bniedem-proxxmu. Kristu jidentifika ruħu propju ma’ dan il-proxxmu. “Kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ lil wieħed minn dawn ħuti iżgħar, kontu qegħdin tagħmluh miegħi” (Mt 25, 40); “Kull darba li m’għamiltux . . . ma kontux qegħdin tagħmluh miegħi” (Mt 25, 45).

Skont dan it-test ta’ Mattew, kull wieħed minna se jkun iġġudikat b’mod speċjali fuq l-imħabba. Iżda mhemmx dubju li l-bnedmin se jkunu ġġudikati wkoll dwar il-fidi tagħhom: “Kull min jistqarrni quddiem il-bnedmin, ukoll Bin il-bniedem jistqarru quddiem l-anġli ta’ Alla” (Lq 12, 8). Min jistħi minni u minn kliemi, minnu jistħi Bin il-bniedem, meta jkun fil-glorja tiegħu u tal-Missier” (Lq 9, 26; cf. ukoll Mk 8, 38).

  1. Mill-Vanġelu nitgħallmu mela din il-verità – li hija waħda mill-veritajiet fundamentali tal-fidi – jiġifieri li Alla huwa mħallef tal-bnedmin kollha b’mod definittiv u universali, u li dan il-poter huwa mgħoddi mill-Missier għall-Iben (cf. Ġw 5, 22) f’rapport strett mal-missjoni tiegħu ta’ fidwa. Dan isostnih b’mod partikolarment elokwenti il-kliem ippronunzjat minn Ġesù waqt id-djalogu notturn ma’ Nikodemu: Alla ma bagħatx lill-Iben fid-dinja biex jiġgudika d-dinja, imma sabiex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 17).

Jekk inhu minnu li Kristu, bħal ma jirriżulta b’mod speċjali mis-Sinottiċi, huwa mħallef fis-sens eskatoloġiku, huwa daqshekk ieħor li il-poter divin tal-ħaqq  jiġi mqiegħed b’konnessjoni mal-volontà feddejja ta’ Alla, li timmanifesta ruħha fil-missjoni messjanika ta’ Kristu kollha kemm hi, bħal ma jiġi enfasizzat b’mod speċjali minn Ġwanni: “Jiena ġejt f’din id-dinja biex niġgudika, sabiex dawk li ma jarawx jaraw ( u dawk li jaraw isiru għomja)” (Ġw 9, 39). “Jekk xiħadd jismà kliemi u ma josservahx, jien ma nikkundannahx: għaliex ma ġejtx biex nikkundanna lid-dinja, imma biex insalva d-dinja” (Gv 12, 47).

  1. Bla dubju ta’ xejn, Kristu huwa u jippreżenta ruħu speċjalment bħala Salvatur. Ma jqisx il-missjoni tiegħu bħala li jiġġudika l-bnedmin skont il-prinċipji umani biss (cf.Ġw8, 15).Huwa hu, qabel xejn, Dak li jgħallem it-triq tal-fidwa u mhux l-akkużatur tal-ħatja. “La temmnux li huwa jien l-akkużatur quddiem il-Missier; hemm diġa min jakkużakom, Mosè . . . għaliex dwari huwa kiteb” (Ġw 5, 45-46). Fiex, mela, jikkonsisti l-ġudizzju? Ġesù jwieġeb: “U l-ġudizzju huwa dan: id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ippreferew id-dlamijiet għad-dawl, għaliex l-opri tagħhom kienu  ħżiena” (Ġw 3, 19).

6.Jinħtieġ, mela, ngħidu li quddiem dan id-Dawl li huwa Alla rivelat fi Kristu, quddiem tali Verità, f’ċertu sens l-istess opri jiġgudikaw kull wieħed u waħda minna. Ir-rieda li jsalva l-bniedem minn naħa ta’ Alla għandha l-manifestazzjoni definittiva tagħha fil-kelma u fl-opra ta’ Kristu, fil-Vanġelu kollu kemm hu sal-misteru paskwali tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet. Hija ssir fl-istess ħin, is-sies l-iktar profond, biex ngħidu hekk, il-kriterju ċentrali tal-ġudizzju fuq l-opri u l-kuxjenzi umani. Speċjalment f’dan is-sens “il-Missier . . . għadda kull ġudizzju lill-Iben”   (Ġw 5, 22), waqt li fih offra lil kull bniedem il-possibiltà ta’ salvazzjoni.

  1. F’dan is-sens stess, sfortunatament, il-bniedem huwa diġa kkundannat, meta jirrifjuta l-possibiltà li hija offruta lilu: “Min jemmen fih mhux ikkundannat: imam min ma jemminx huwa diġa ġie kkundannat” (Ġw3, 18). Ma temminx propjament ifisser: tirrifjuta s-salvazzjoni offruta lill-bniedem minn Kristu (“Ma emminx fl-isem tal-Iben uniġenitu ta’ Alla”) (Ġw3, 18). Din hija l-istess verità  mdella fil-profezija tax-xwejjaħ Xmun, irrakkuntatha fil-Vanġelu ta’ Luqa, meta ħabbar dwar Kristu: “Huwa jkun ir-rovina u l-qawmien ta’ bosta f’Iżrael” (Lq 2, 34). L-istess nistgħu ngħidu dwar ir-referenza għall-“ġebla mwarrba mill-benejja” (cf. Lq 20, 17-18).
  2. Din hija però ċertezza ta’ fidi li “l-Missier . . . għadda kull ġudizzju lill-Iben” (Ġw5, 22). Issa jekk il-poter divin tal-ħaqq jappartjeni lil Kristu, huwa sinjal li hu – Bin il-bniedem – huwa tassew Alla, għaliex il-ħaqq jappartjeni lil Alla biss. U billi dan il-poter ta’ ħaqq huwa magħqud b’mod profond mar-rieda tal-fidwa, kif jirriżulta mill-Vanġelu, huwa hu rivelazzjoni ġdida ta’ Alla, tal-patt, li jiġi għand il-bnedmin bħala Immanuel, biex jeħlishom mill-iskjavitu tal-ħażen. Din hija r-rivelazzjoni kristjana tal-Alla li huwa Mħabba.

Għalhekk jibqà korrett dak il-mod wisq uman li jikkonċepixxi l-ġudizzju ta’ Alla, meqjus  bħala  ġustizzja kiesħa biss, jekk mhux saħansitra bħala vendetta. Fir-realtà tali espressjoni,  li hija derivazzjoni bibblika ċara, tidher bħala l-aħħar ċurkett tal-imħabba ta’ Alla. Alla jiġġudika għaliex iħobb u fid-dawl tal-imħabba. Il-ġudizzju li l-Missier jafda lil Kristu huwa skont il-kejl tal-imħabba tal-Missier u tal-libertà tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading