Ġesù Kristu huwa l-bidu u l-milja tas-saltana ta’ Alla 

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 18 ta’ Marzu 1987

9. Ġesù Kristu huwa l-bidu u l-milja tas-saltana ta’ Alla 

  1. “Iż-żmien għadda u s-saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (Mk1, 15). B’dan il-kliem Ġesù ta’ Nażżaret jagħti bidu għall-predikazzjoni messjanika tiegħu. Is-saltna ta’ Alla, li f’Ġesù tidħol bil-qawwa kollha fil-ħajja u fl-istorja tal-bniedem, tikkostitwixxi t-twettiq tal-wegħdiet tal-fidwa li Iżrael kien irċieva mingħand il-Mulej.

Ġesù jirrivela ruħu l-Messija mhux biss għaliex jimmira għal dominju temporali u politiku skont il-konċezzjonijiet tal-kontemporanji tiegħu, imma għaliex bil-missjoni tiegħu, li tilħaq il-quċċata tagħha bil-passjoni – il-mewt – il-qawmien mill-imwiet,, “il-wegħdi kollha ta’ Alla saru “iva””  (2 Kor 1, 20).

  1. Biex nifhmu għal kollox il-missjoni ta’ Ġesù hemm bżonn li nergġħu nmorru lura għall-messaġġ tat-Testment il-Qadim li jxandar ir-regalità feddejja tal-Mulej. Fil-kantiku ta’ Mosè (Es15, 1-18), il-Mulej huwa pproklamat “sultan” għaliex b’mod meraviljużi ħeles lill-poplu tiegħu u mexxieh, b’qawwa u mħabba, għall-għaqda miegħu u ma’ ħutu fil-ferħ tal-libertà. Ukoll is-salm l-iktar qadim 28/29 jixhed l-istess fidi: il-Mulej huwa kkontemplat fil-qawwa tar-regalità tiegħu, li tiddomina l-ħolqien kollu u tikkomunika l-poplu tiegħu qawwa, barka u sliem (Sal 29, 10). Huwa b’mod speċjali fil-vokazzjoni ta’ Iżaija li l-fidi fil-Mulej “sultan” tidher għal kollox mixruba mit-tema tal-fidwa. Is-“Sultan”, li l-profeta jikkontempla bl-għajnejn tal-fidi “fuq tron għoli o mgħolli” (Iż 6,1), huwa Alla tal-misteru ta’ qdusitu traxxendenti u ta’ tjubitu ħanina li biha jirrendi lilu nnifsu preżenti għall-poplu tiegħu, bħala front ta’ mħabba li tippurifika, taħfer u tifdi: “Qaddis, Qaddis, Qaddis huwa l-Mulej Alla tal-eżerċti, l-art kollha tkun mimlija bil-glorja tiegħu” ( 6, 3).

Din il-fidi fir-regalità feddejja tal-Mulej timpedixxi li, fil-poplu tal-patt, il-monarkija tiżviluppa lilha nfisha b’mod awtonomu bħal fost il-ġnus l-oħra: is-sultan huwa l-elett, il-midluk tal-Mulej u, bħala tali, huwa l-istrument permezz ta’ liema Alla stess jeżerċità s-sovranità tiegħu fuq Iżrael (cf. 1 Sam 12, 12-15). “Il-Mulej isaltan”, ixandru kontinwament is-salmi (cf. Sal 5, 3; 9, 6; 29, 10; 93, 1; 97, 1-4; 146, 10).

  1. Quddiem din l-esperjenza doloruża tal-limiti umani u tad-dnub il-profetijħabbru patt ġdid li fih il-Mulej stess se jkun il-gwida feddej u rjali tal-poplu mġedded (cf. Ġer 31 ,31-34; Ez 34, 7-16; 36, 24-28).

F’dan il-kuntest tqum il-mistennija ta’ David  ġdid, li l-Mulej  iqajjem sabiex ikun l-istrument tal-esodu, tal-ħelsien, tal-fidwa (Es 34, 23-25; cf. Ġer 23, 5-6). Minn dan il-waqt il-figura tal-Messija se tidher f’rapport intimu mal-inawgurazzjoni tar-regalità sħiħa ta’ Alla.

Wara l-eżilju, ukoll jekk f’Iżrael jiġi nieqes l-istitut tal-monarkija, tkompli tkun approfondita l-fidi fir-regalità li Alla jeżerċita fil-poplu tiegħu u li se jestendiha sat-“trufijiet tal-art”. Is-salmi li jkantaw lill-Mulej sultan jikkostitwixxu x-xhieda l-iktar sinifikattiva ta’ din it-tama  (cf. Sal 96 u Sal 99).

 Din it-tama tmiss l-aqwa intensità tagħha meta l-ħarsa tal-fidi, waqt li tidderiġi ‘l hemm miż-zmien tal-istorja umana, tifhem li fl-eternità futura biss tas-saltna ta’ Alla tistabilixxi ruħha għal kollox il-qawwa tiegħu: allura, permezz tal-qawmien mill-imwiet, il-mifdijin ikunu fl-għaqda sħiħa ta’ ħajja u ta’ mħabba mal-Mulej (cf. Dn 7, 9-10; 12, 2-3).

  1. Ġesù jaġhmel referenza għal din it-tama tat-Testment il-Qadim u jxandarha mwettqa. Is-saltna ta’ Alla tikkostitwixxi t-tema ċentrali tal-predikazzjoni tiegħu kif juru b’mod partikolari il- parabboli.

Il-parabbola taż-żerriegħ (Mt 13, 3-8) tipproklama li s-saltna ta’ Alla diġa operanti fil-predikazzjoni ta’ Ġesù, u fl-istess ħin torjenta biex wieħed iħares għall-abbundanza tal-frott li jikkostitwixxi l-għana sovrabbundanti tas-Saltna fi tmiem iż-żmien. Il-parabbola taż-żerriegħali tikber weħedha (Mk 4, 26-29) tenfasizza li s-Saltna mhix opra tal-bnedmin imma unikament rigal tal-imħabba ta’ Alla li jaġixxi fil-qalb tal-kredenti u tiggwida l-istorja umana għat-twettiq definittiv tagħha fl-għaqda eterna mal-Mulej. Il-parabbola tas-sikrana f’nofs il-qamħ (Mt 13, 24-30) u dik tax-xibka tas-sajda jindikaw (Mt 13, 47-52) qabel xejn il-preżenza diġa operanti tal-fidwa ta’ Alla. Flimkien ma’ “wlied is-Saltna”, però, hemm ukoll preżenti “ulied il-Ħażen” l-operaturi tal-ħażen: huwa biss fi tmiem l-istorja li l-qawwiet tal-ħażen jiġu meqruda u min irċieva s-Saltna jkun dejjem mal-Mulej. Il-parabboli tat-teżor moħbi u tal-perla prezzjuża   (Mt 13, 44-46), fl-aħhar, jesprimu il-valur suprem u assolut tas-saltna ta’ Alla: min jifhimha huwa dispost biex jiffaċċja kull sagrifiċċju u rinunzja biex jidħol hemm.

  1. Mit-tagħlim ta’ Ġesù tfiġġ għana tassew illuminanti.

Is-saltna ta’ Alla, fir-rejalizzazzjoni sħiħa u totali tagħha, hija bla dubju futur, “trid tiġi” (cf. Mk 9, 1; Lq 22, 18); it-talba tal-Missierna tgħallem biex insejħu l-miġja: “tiġi Saltnatek” (Mt 6, 10).

Fl-istess ħin però, Ġesù jenfasizza li s-saltna ta’ Alla “diġa ġiet” (Mt 12, 28), “tinsab f’nofskom” (Lq 17, 21) permezz tal-predikazzjoni u l-opri ta’ Ġesù. Barra minn dan mit-Testment il-ġdid kollu jirriżulta li l-Knisja, mwaqqfa minn Ġesù, hija l-post fejn ir-regalità ta’ Alla tirrendi ruħha preżenti, fi Kristu, bħala don ta’ fidwa fil-fidi, ta’ ħajja ġdida fl-Ispirtu, ta’ għaqda fil-karità.

Hekk jidher ir-rapport intimu bejn is-Saltna u Ġesù, rapport hekk qawwi li s-Saltna ta’ Alla tistà wkoll tissejjaħ “saltna ta’ Ġesù” (Ef 5, 5; 2 Pt 1, 11), Bħal mill-bqija Ġesù nnifsu jenfasizza quddiem Pilatu, , waqt li jsostni li s-saltna “tiegħu” mhix ta’ din id-dinja (Gw 18, 36).

  1. F’dan id-dawl nistgħu nifhmu il-kondizzjonijiet li Ġesù jindika biex nistgħu nidħlu fis-Saltna. Huma jistgħu jinġabru fil-kelma “konverżjoni”. Permezz tal-konverżjoni l-bniedem jiftaħ lilu nnifsu għad-don ta’ Alla (cf.Lq12, 32), li “jsejjaħ għas-saltna tiegħu u għall-glorja tiegħu” (1 Ts 2, 12); jilqà s-Saltna bħal tfajjel (Mk 10, 15) u huwa dispost għal kwalunkwè rinunzja biex ikun jistà jidħol hemm  (cf. Lq18, 29; Mt 19, 29; Mk 10, 29).

Is-saltna ta’ Alla tesiġi “ġustizzja” profonda jew ġdida (Mt 5, 20); titlob impenn fl-għemil tar-“rieda ta’ Alla” (Mt 7, 21); titlob sempliċità nterna “bħat-tfal żgħar” (Mt 18, 3; Mk 10, 15); tinvolvi s-superament tal-ostaklu kostitwit mill-għana (cf. Mk10, 23-24).

  1. Il- beatitudinimxandra minn Ġesù (cf. Mt 5, 3-12) jfiġġu bhall-“magna charta” tas-saltna tas-smewwiet li hija mogħtiha lill-foqra tal-ispirtu, lill-batuti, lill-mansweti, lil min hu bilġuħ u bilgħatx tal-ġustizzja, lil dawk li jħennu, lill-puri tal-qalb, lil dawk li jaħdmu għall-paċi, lill-ippersegwitati għall-kawża tal-ġustizzja. Il-beatitudini ma jindikawx biss l-esiġenzi tas-Saltna; huma jimmanifestaw qabel xejn l-opra li Alla jwettaq fina waqt li jirrendina nixbħu lil Ibnu (Rm 8, 29) u kapaċi li jkollna s-sentimenti tiegħu (Fil 2, 5ss.) ta’ mħabba u maħfra (cf.Ġw 13, 34-35; Kol 3, 13).
  2. It-tagħlim ta’ Ġesù dwar is-saltna ta’ Alla huwa mixhud mill-Knisja tat-Testment il-Ġdid, li għexitu fil-ferħ tal-fidi tagħha paskwali. Hija hi l-komunità taż-“żgħar” li l-Missier “ħelishom mill-poter tad-dlamijiet u ttrasferihom fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub” (Kol1, 13); hija l-komunità ta’ dawk li jgħixu “fi Kristu”, waqt li jħallu lilhom infushom jiġu ggwidati mill-Ispirtu fit-triq tal-paċi (Lq1, 79), u li jissieltu biex ma “jaqgħux fit-tentazzjoni” u biex jevitaw l-opri tal-“ġisem”, meta jafu tajjeb li “min iwettaqhom ma jiritx is-saltna ta’ Alla” (Gal 5, 21). Il-Knisja hija l-komunità ta’ dawk li jħabbru, bil-ħajja u l-kelma, l-istess messaġġ ta’ Ġesù: “Hija qribkom is-saltna ta’ Alla” (Lq 10, 9).
  3. Il-Knisja, li tul is-sekoli tipprova bla taqtà għat-totalità tal-verità divina, sakemm fiha jitwettaq il-kliem ta’ Alla” (Dei Verbum, 8), f’kull ċelebrazzjoni tal-ewkaristija titlob lill-Missier sabiex “tiġi saltnatu”. Hija tġħix f’mistennija mħeġġa tal-miġja glorjuża tal-Mulej u Salvatur Ġesù, li joffri lill-Majjesta divina “is-saltna eterna u universali; saltna ta’ verità u ta’ ħajja, saltna ta’ qdusija u ta’ grazzja, saltna ta’ ġustizzja, ta’ mħabba u ta’ paċi” (Prefazju fis- sollennità tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers).

Din l-istennija tal-Mulej hija sors ma jaqtà xejn ta’ fiduċja u ta’ enerġija. Hija tistimola l-imgħammdin, li saru parteċipi tad-dinjità rjali ta’ Kristu, biex jgħixu kull jum “fis-saltna tal-iben maħbub”, biex jixhdu u jħabbru il-preżenza tas-Saltna bl-istess opri ta’ Ġesù (cf. Ġw 14, 12). Bis-saħħa ta’ din ix-xhieda ta’ fidi u ta’ mħabba, jġħallem il-Konċilju, id-dinja tkun mixruba mill-ispirtu ta’ Kristu u tilħaq b’mod iktar effikaċi l-iskop tagħha fil-ġustizzja, fil-karità u fil-paċi (cf. Lumen Gentium, 36).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading