Ġesù Kristu huwa l-Iben mibgħut mill-Missier 

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 24 ta’Ġunju 1987

16. Ġesù Kristu huwa l-Iben mibgħut mill-Missier 

  1. Il-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni li għalih kienet iddedikata l-katekeżi preċeenti. Waqt li jitkellem dwar Ġesù bħala Logos, Verb, Bin Alla, jesprimi bla ebda dubju ta’ xejn in-nukleju essenzjali tal-verità dwar Ġesù Krisu. Verità li tifforma il-kontenut ċentrali tal-awtorivelazzjoni ta’ Alla fil-patt il-Ġdid u bħala tali tiġi pprofessata b’mod solenni mill-Knisja. Din hija l-fidi fl-Iben ta’ Alla,li huwa “ta’ l-istess sustanza tal-Missier” bħala Verb etern, eternament “iġgenerat”, Alla minn Alla u Dawl minn Dawl”, bl-ebda mod “maħluq” (u addottat). Il-Prologu juri l-pura verità dwar il-“pre-eżistenza” divina ta’ Ġesù Kristu bħala “Iben uniġenitu” li jinsab “fi ħdan il-Missier”. Fuq din il-bażi tenfasizza ruħha b’mod sħiħ il-verità dwar il-miġja tal-Alla-iben fid-dinja (“il-Verb sar laħam u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw1, 14)), biex iwettaq missjoni partikolari  minn naħa tal-Missier. Din il-missjoni (mission Verbi) tippossiedi importanza essenzjali fil-pjan divin tal-fidwa. Fiha hemm miġbura l-attwazzjoni suprema u definittiva tal-pjan feddej ta’ Alla fir-rigward tad-dinja u tal-bniedem.

2.Fit-Testment il-Ġdid kollu nsibu espressa l-verità ta’ meta l-Iben intbagħat mill-Missier, li tirrejalizza ruħha fil-missjoni messjanika ta’ Ġesù Kristu. Għal dan il-għan, partikolarment sinifikattivi huma s-siltiet numerużi tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, għal-liema hemm bżonn li qabel xejn nirrikorru.

Jgħid Ġesù waqt li jitkellem mad-dixxipli u mal-avversarji tiegħu stess: “Minn Alla ħriġt u niġi: ma ġejtx minn rajja, imma bagħatni hu” (Ġw 8, 42). “Miniex waħdi, imma jien u l-Missier li bagħatni” (Ġw 8, 16). “Huwa jien li nagħti xhieda tiegħi nnifsi, imma wkoll il-Missier li bagħatni” (Ġw 8, 18). “Min bagħatni huwa veritjer, u intom ma tafuhx. Jien però nafu, għaliex  niġi minnu u hu bagħatni” (Gv 7, 28-29). “L-istess opri li qiegħed nagħmel jixhdu dwari li l-Missier bagħatni” (Ġw 5, 36). “L-ikel tiegħi huwa li nagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu” (Ġw 4, 34).

  1. Bosta drabi, bħal ma naraw fil-Vanġelu ġovannesk, Ġesù jitkellem dwaru – fl-ewwel persuna – bħal wieħed mibgħut mill-Missier. L-istess verità toħroġ, b’mod partikolari fit-talba saċerdotali, fejn Ġesù jirrakkomanda lill-Missier id-dixxipli tiegħu, huwa jenfasizza: “Huma . . . jafu verament li jien ħriġt minnek u emmnu li inti bgħattni” (Ġw17, 8). U waqt li jkompli din it-talba lejlet il-passjoni tiegħu, Ġesù jgħid: “Bħal ma int bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja” (Ġw17, 18). Kważi b’referenza diretta għat-talba saċerdotali l-ewwel kliem indirizzati lid-dixxipli filgħaxija ta’ jum il-qawmien mill-imwiet, idoqqu: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20, 21).

4.Jekk il-verità dwar Ġesù Kristu bħala Iben mibgħut mill-Missier, tiġi enfasizzata speċjalment fit- testi ġovanneski, hija hija miġbura wkoll fil-Vanġeli sinottiċi. Minnhom jirriżulta, per eżempju, li Ġesù qal: “Hemm bżonn li jiena nxandar is-saltna ukoll lill-bliet l-oħra; għal dan jien ġejt mibgħut  ” (Lq 4, 43). Partikolarment illuminanti hija l-parabbola tal-ħaddiema tad-dwieli qattiela. Huma jittrattaw ħażin lill-qaddejja mibgħuta mis-sid tal-għalqa tad-dwieli “biex jiġbru mingħand dawk il-ħaddiema l-frott tal-għalqa tad-dwieli” u joqtlu ħafna minnhom. Fl-aħħar is-sid tal-għalqa jiddeċiedi li jibgħatilhom lill-ibnu stess: “kien għad fadallu wieħed, lill-ibnu l-għażiż: bagħatulhom l-aħħar wieħed, waqt li qal: Ikollhom rispett lejn ibni! Imma dawk il-ħaddiema qalu bejniethom: Dan huwa l-werriet, noqtluh, u l-wirt ikun tagħna. U qabduh u qatluh u tefgħuh barra mill-għalqa tad-dwieli” (Mk 12, 6-8). Waqt li jikkummenta l-parabbola, Ġesù jfakkar l-espressjoni tas-salm 118/(117) dwar il-ġebla mwarrba mill-bennejja: Propju din il-ġebla saret il-ġebla tax-xewka (jiġifieri l-ġebla kantuniera) (cf. Sal 118, 22).

  1. Il-parabbola tal-iben mibgħut lill-ħaddiema tad-dwieli hija rrakkuntata mis-sinottiċi kollha (cf.Mk12, 1-12; Mt 21, 33-46; Lq 20, 9-19). Minnha tidher ċara l-verità dwar Kristu bħala l-iben mibgħut mill-Missier. Anzi huwa pjuttost enfasizzat il-karattru sagrifikali u feddej ta’ dan il-misteru. L-Iben verament huwa “. . . dak li l-Missier ikkonsagra u bagħat fid-dinja” (Ġw 10, 35). Hekk mela, Alla mhux biss kellimna permezz tal-iben . . . f’dawn il-jiem” (cf. Eb 1, 1-2) – imma ta għalina dan l-iben, f’att ta’ mħabba inkonċepibbli, billi bagħtu fid-dinja.
  2. B’dan il-lingwaġġ jitkellem mill-ġdid b’mod partikolarment intens il-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Alla infatti tant ħabb id-dinja li jagħti lil ibnu uniġenitu sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3, 16). U jżid: “Il-Missier bagħat lil Ibnu bħala feddej tad-dinja”. Band’oħra Ġwanni jikteb “Alla huwa mħabba”. F’dan immanifestat ruħha l-imħabba ta’ Alla għalina: Alla bagħat lil ibnu uniġenitu fid-dinja, sabiex aħna jkollna l-ħajja għalih”; Ma konniex aħna li ħabbejna lil Alla, imma huwa hu li ħabbna u bagħat lil ibnu bħala vittma ta’ tpattija għal dnubietna”. U għalhekk iżid li, waqt li nilqgħu lil Ġesù, il-Vanġelu tiegħu, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, “aħna għarafna u emminna fl-imħabba li Alla għandu għalina. Alla huwa mħabba; min jinsab fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla jgħammar fih” (cf. 1 Ġw 4, 8-16).
  3. Pawlu jesprimi l-istess verità fl-Ittra lir-Rumani: “Huwa (Alla) li ma ħelishiex lill-propju ibnu, imma tah għalina lkoll, bħal ma ma jagħtinix kull ħaġa flimkien miegħu?” (Rm8, 32). Kristu kien “mogħti” għalina bħalma naqraw fi Ġw 3, 16; huwa kien “mogħti” b’sagrifiċċju għalina lkoll” (Rm 8, 32). Il-Missier “bagħat lil ibnu bħala vittma ta’ tpattija għal dnubietna  (1 Ġw 4, 10). Is-Simbolu jipprofessa din l-istess verità: “Għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna (Il-Verb ta’ Alla) niżel mis-smewwiet”.

8.Il-verità dwar Ġesù Kristu, bħala iben mibgħut mill-Missier għall-fidwa tad-dinja, għas-salvazzjoni  u l-liberazzjoni tal-bniedem priġunier tad-dnub (u allura tal-qawwiet tad-dlamijiet), tikkostitwixxi l-kontenut ċentrali tal-Bxara t-Tajba. Kristu Ġesù huwa l-“iben uniġenitu”  (Ġw 1, 18), li, biex iwettaq il-missjoni messjanika, “ma qagħadx iqis bħala teżor ġeluż l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla; imma neżża lilu nnifsu waqt li ħa fuqu l-kondizzjoni ta’ qaddej u sar jixbaħ lill-bnedmin . . . billi baqà ubbidjenti sal-mewt” (Fil 2, 6-8). U f’din il-kondizzjoni aċċettata minnu liberament bħala bniedem, bħala Qaddej tal-Mulej, iddikjara: “Il-Missier huwa akbar minni” (Ġw 14, 28), u wkoll: “Jien dejjem nagħmel dawk il-ħwejjeġ li jogħġbu lilu” (Ġw 8, 29).

Imma propju din l-ubbidjenza lejn il-Missier, aċċettata b’mod liberu, din is-sottomissjoni lejn il-Missier, bħala alternattiva għad-“diżubbidjenza” tal-ewwel Adam, tibqà l-espressjoni tal-għaqda l-iktar profonda bejn il-Missier u l-iben, rifless tal-għaqda trinitarja: “Hemm bżonn li d-dinja tkun taf li jien inħobb lill-Missier u nagħmel dak li l-Missier amarli” (Ġw 14, 31). Anzi, din l-għaqda ta’ rieda a bażi tal-fidwa tal-bniedem, tirrivela b’mod definittiv il-verità dwar Alla, fl-Essenza intima tiegħu: l-Imħabba; u fl-istess ħin tirrivela s-sors oriġinarju tal-fidwa tad-dinja u tal-bniedem: Il-“ħajja li hija d-dawl tal-bnedmin” (cf. Ġw 1, 4).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading