Il-konoxenza ta’ Ġesù dwar ir-relazzjoni unika tiegħu mal-Missier

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 1° ta’ Lulju 1987

17. Il-konoxenza ta’ Ġesù dwar ir-relazzjoni unika tiegħu mal-Missier

  1. Forsi mhemmx kelma li tesprimi iktar l-awtorivelazzjoni ta’ Alla fl-Iben, daqs il-kelma “Abbà-Missier”. “Abbà” hija espressjoni aramajka li nżammet fit-test Grieg tal-Vanġelu ta’ Marku (Mk14, 36). Hija preċiżament tidher hemm fejn Ġesù jdur lejn il-Missier. U jekk ukoll din il-kelma hija traduċibbli f’kull lingwa, madankollu fuq ix-xuftejn ta’ Ġesù ta’ Nazaret tippermetti biex tavża bl-aħjar mod il-kontenut uniku tagħha, irrepetibbli.
  2. Infatti, “Abbà” tesprimi mhux biss it-tifħir tradizzjonali lil Alla “Inbierkek o Missier, Sid is-sema u l-art” (cf.Mt 11, 25), Imma fuq fomm Ġesù tirrivela wkoll il-kuxjenza tar-relazzjoni unika u esklussiva li teżisti bejn il-Missier u bejnu, bejnu u bejn il-Missier. Tesprimi l-istess realtà li għaliha jalludi Ġesù b’mod hekk sempliċi u fl-istess ħin straordinarju bil-kliem ikkonservat fit-test tal-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 11, 27) kif ukoll f’dak ta’ Luqa (Lq 10, 22): “Ħadd ma jaf lill-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li l-Iben irid jirrivelahulu”. Jew aħjar, il-kelma “Abbà” mhux biss timmanifesta il-misteru tar-rabta reċiproka  bejn il-Missier u l-Iben, imma tirrijassumi b’xi mod il-verità kollha tal-ħajja intima ta’ Alla fil-profondità trinitarja tagħha: dak l-għarfien reċiproku tal-Missier u tal-Iben, li minnu tispira l-Imħabba eterna.
  3. Il-kelma “Abbà”tappartjieni għal-lingwaġġ tal-familja u tixhed dik l-għaqda partikolari ta’ persuni, li sseħħ bejn il-missier u l-iben minnu ġġenerat, bejn l-iben li jħobb lill-missier u hu minnu maħbub. Meta Ġesù biex jitkellem dwar Alla kien jinqeda b’din il-kelma, kien irid jgħaġġeb u saħansitra jiskandelizza lis-semmiegħa tiegħu. Iżraelit żgur li qatt ma kien jasal biex jużaha linqas fit-talb . Kien biss min kien iqis lilu nnifsu bin Alla fis-sens propju li setà jitkellem hekk dwaru u lilu bħala Missier. “Abbà”, jew aħjar “Missieri”, “Babbo”, “Papà”!
  4. F’test ta’ Ġeremija wieħed jitkellem dwar Alla li jistenna li jkun imsejjaħ bħala Missier: “Intom tgħiduli: “Missieri”” (Ġer3, 19). Din hija bħal profezija li setà jkollha t-twettiq tagħha fiż-żmenijiet messjaniċi. Attwaha u ssuperaha Ġesù ta’ Nazaret fit-taħdit dwaru ma’ Alla bħala dak li “jaf lill-Missier”, billi jinqeda bl-espressjoni filjali “Abbà”. Huwa kostantament jitkellem dwar il-Missier, u jsejjaħ lill-Missier bħal wieħed li għandu dritt idur lejh sempliċement bl-appellattiv: “Abbà – Missieri”.
  5. Dan kollu kien imniżżel mill-evanġelisti. B’mod partikolari fil-Vanġelu ta’ Marku naqraw li waqt it-talb tal-Ġetsemani Ġesù qal: “Abbà, Missier! Kollox huwa possibbli għalik, biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk14, 36). Il-pass parallel ta’ Mattew idoqq: “Missieri”, jiġifieri “Abbà”, alavolja l-kelma aramajka ma tiġix ikkwotata litteralment (cf. Mt 26, 39-42). Ukoll meta t-test evanġeliku jillimita ruħu biss għal “Missier” (Lq 22, 42; u wkoll f’kuntest ieħor, fi  Ġw 12, 27), il-kontenut essenzjali huwa identiku.
  6. Ġesù eżerċita lis-semmiegħa tiegħu biex jifhmu f’fommu l-kelma “Alla”, u b’mod partikolari dik ta’ “Missier”, kienet tfisser “Abbà – Missieri”. Hekk sa mit-tfulija, Ġesù hekk kif kien għad kellu tnax-il sena jgħid lill-ġenituri tiegħu li kienu ilhom tlett ijiem ifittxuh: “Ma kontux tafu li jien irrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (Lq2,49).” U fl-aħħar ta’ ħajtu, fit-talba saċerdotali li biha jikkonkludi l-missjoni tegħu, jinsisti li jitlob lil Alla: “Missier, waslet is-siegħa, igglorifika lil Ibnek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek” (Ġw17,1). “Missier qaddis, ħares f’ismek lil dawk li inti tajtni” (Ġw 17,11). “Missier ġust, id-dinja ma għarfitekx imma jiena għaraftek…” (Ġw 17,25). Diġa fit-tħabbira tal-aħħar ħwejjeġ, magħmula mal-parabbola dwar il-ġudizzju finali, jidher bħala dak li jħabbar: “Ejjew, imberkin minn Missieri…” (Mt 25,34). Fuq is-salib huwa jippronunzja dawk l-aħħar kelmiet: “Missier, f’idejk nerħi ruħi” (Lq 23, 46). Irxuxtat, fl-aħharnett, iħabbar lid-dixxipli:, “U jiena nibgħat fuqkom dak li Missieri wegħedni” (Lq 24, 49).
  7. Ġesù Kristu, li b’tant profondità “jaf lill-Missier” ġie biex “jgħarraf ismu lill-bnedmin dak li l-Missier ta lilu” (cf.Ġw17, 6). Minn din ir-rivelazzjoni tal-Missier mument partikolari hija t-tweġiba li huwa jagħti lid-dixxipli tiegħu meta jitolbuh: “Għallimna nitolbu” (cf. Lq 11, 1). Allura huwa jiddettalhom il-talba li tibda bil-kliem “Missierna” Mt 6, 9-13) jew inkella “Missier” (Lq 11, 2-4). Permezz tar-rivelazzjoni ta’ din it-talba d-dixxipli jiskopru partiċipazzjoni speċjal tagħhom fil-filjolanza divina, minn liema l-appostlu Ġwanni jgħid fil-Prologu tal-Vanġelu: “Lil dawk… li laqgħu (u jiġifieri: lil dawk li laqgħu il-Verb li “sar laħam”, Ġesù ta l-qawwa li jsiru ulied Alla” (Ġw 1, 12). Bir-raġun għalhekk, skont l-istess tagħlim tiegħu, huma jitolbu: “Missierna”.
  8. Ġesù però dejjem jagħmel distinzjoni bejn “Missieri” u “Missierkom”. Għal darb’oħra wara l-qawmien mill-imwiet jgħid lil Marija ta’ Magdala: “Mur għand ħuti u għidilhom: Jiena nitlà għand Missieri u Missierkom” (Ġw20, 17). Barra minn hekk tajjeb ninnutaw li fl-ebda pass tal-Vanġelu ma naqraw li Ġesù irrakkomanda lid-dixxipli biex jitolbu bil-kelma “Abbà”. Din tirrigwarda b’mod esklussiv lir-rapport personali filjali tiegħu mal-Missier. Fl-istess ħin, iżda, l-Abbà ta’ Ġesù fir-realtà hija dik li hija wkoll “Missierna”, bħala riżultat tat-talba mgħallma lid-dixxipli. Dan huwa minħabba parteċipazzjoni jew aħjar, minħabba adozzjoni, bħalma jgħallmu t-tejoloġi fl-iskola ta’ San Pawl, li fl-Ittra lill-Galatin jikteb: “Alla bagħat lil Ibnu… sabiex nirċievu l-adozzjoni ta’ wlied” (Gal4, 4-5; cf. Summa theologiae, III, q. 23, aa.1 e 2).
  9. F’dan il-kuntest jeħtieġ naqraw u ninterpretaw ukoll il-kliem suċcessiv tal-Ittra ta’ Pawlu lill-Galatin: “U li intom ulied huwa prova l-fatt li Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat:“Abbà. Missier!”(Gal4, 6); u ta’ dik lir-Rumani “Intom ma rċivejtux spirtu ta’ lsiera… imma rċivejtu spirtu ta’ wlied addottivi permezz ta’ liema ngħajtu: “Abbà, Missier!”” (Rm 8, 15). Mela meta bħala wlied addottivi (addottati fi Kristu): “ulied fl-Iben”, jgħid San Pawl: (Rm8, 29) ngħajtu lil Alla “Missier”, dan il-kliem jirreferi għall-istess Alla, lil liema Ġesù b’intimità inkomparabbli kien jgħid “Abbà…, Missieri”.

Migjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading