Il-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni huwa sintesi tal-Fidi tal-Knisja Appostolika

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 3 ta’ Ġunju 1987

15. Il-Prologu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni huwa sintesi tal-Fidi tal-Knisja Appostolika

  1. Fil-katekeżi preċedenti wrejna, a bażi tal-Vanġeli sinottiċi, kif il-fidi fil-filjolanza divina ta’ Kristu tifforma ruħha permezz tar-rivelazzjoni tal-Missier fil-kuxjenza tad-dixxipli u s-semmiegħa tiegħu, u qabel kollox fil-kuxjenza tal-appostli. Biex tinħoloq il-konvinzjoni li Ġesù huwa Bin Alla fis-sens strett u sħiħ (mhux metaforiku) ta’ din il-kelma, tikkontribwixxi qabel kollox ix-xhieda tal-istess Missier, li “jirrivela” fi Kristu lil Ibnu (“Ibni”) permezz tat-tejofaniji li seħħew fil-magħmudija fil-Ġordan u mbagħad waqt it-trasfigurazzjoni fuq il-muntanja. Rajna wkoll kif ir-rivelazzjoni tal-vrità dwar il-filjolanza divina ta’ Ġesù tilħaq bl-opra tal-Missier l-imħuħ u l-qlub tal-appostli, kif jidher fil-kliem ta’ Ġesù lil Pietru: “La l-laħam u linqas id-demm ma rrivelalek dan, imma Missieri li jinsab fis-smewwiet” (Mt 16, 17).
  2. Fid-dawl ta’ din il-fidi li Kristu huwa l-Iben Divin, fidi li wara l-qawmien mill-imwiet akkwistat forza ferm ikbar, hemm bżonn li naqraw il-Vanġelu ta’ Ġwanni kollu, u b’mod partikolari il-Prologu tiegħu (Ġw1, 1-18). Dan huwa sintesi singolari li tesprimi l-fidi tal-Knisja apostolika: ta’ dik l-ewwel ġenerazzjoni ta’ dixxipli, lil liema kien mogħti li jkollha ma’ Kristu, kemm b’mod dirett, kif ukoll permezz tal-appostli li kienu jitkellmu dwar dak li kienu semgħu u raw personalment u li fih skoprew l-attwazzjoni ta’ dak kollu li t-Testment il-Qadim kien qal minn qabel dwaru. Dak li diġa kien rivelat preċedentement, imma f’ċertu sens kien mgħotti bi star, issa fid-dawl tal-fatti ta’ Ġesù, u b’mod speċjali a bażi tal-ġrajjiet paskwali, kien akkwista trasparenza, kien sar ċar u komprensibbli.

B’dan il-mod il-Vanġelu ta’ Ġwanni ( li fost l-erbgħa nkiteb l-aħħar) jikkostitwixxi f’ċertu sens l-iktar xhieda sħiħa dwar Kristu bħala l-Iben ta’ Alla – Iben “konsostanzjali” għall-Missier. L-Ispirtu Santu, mwiegħed minn Ġesù lill-appostli, li kellu “jgħallimhom kollox” (cf. Ġw 14, 26), “jippermetti tassew lill-evanġelista “li jeżamina il-profondità ta’ Alla” (cf. 1 Kor 2, 10) u li jesprimiha fit-test ispirat tal-Prologu.

  1. “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ħdejn Alla u l-Verb kien Alla. Huwa kien fil-bidu ħdejn Alla: kollox sar permezz tiegħu, u mingħajru ma sar xejn minn dak kollu li jeżisti” (Ġw1, 1-3). “U l-Verb sar laħam u ġie jgħammar f’nofsna: u aħna rajna l-glorja tiegħu, ġlorja ta’ uniġenitu mill-Missier, mimlija grazzja u verità” (Ġw1, 14) . . . “Huwa kien fid-dinja u d-dinja saret permezz tiegħu, bdanakollu d-dinja m’għarfitux. Ġie fost niesu, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1, 10-11). “Però lil dawk li laqgħuh, tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla: lil dawk li jemmnu f’ismu, liema mhux mid-demm, linqas mix-xewqa tal-laħam, linqas mix-xewqa ta’ bniedem, imma  minn Alla ġew iġġenerati” (Ġw 1, 12-13). “Lil Alla ħadd ma rah: propju l-Iben uniġenitu, li jinsab fi ħdan il-Missier, hu rrivelah” (Ġw 1, 18).
  2. Il-Prologu ta’ Ġwanni huwa bla dubju it-test ewlieni li fih il-verità dwar il-filjolanza divina ta’ Kristu ssib l-espressjoni sħiħa tagħha. Dak li fiż-żmien “sar laħam” jiġifieri bniedem, huwa sa mill-eternità il-Verb stess, jiġifieri l-Iben uniġenitu: l-Alla “li jinsab fi ħdan il-Missier”. Huwa l-Iben “tal-istess sustanza tal-Missier”, huwa “Alla minn Alla”. Mill-Missier irċieva l-milja tal-glorja. Huwa hu l-Verb “permezz ta’ liema sar kollox”. U għalhekk dak kollu li jeżisti jaf lilu dak il-“bidu”, li dwaru jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi (cf.Ġen 1, 1) il-bidu tal-opra tal-ħolqien. L-istess Iben etern, meta jiġi fid-dinja bħala “Verb li jsir laħam” iġib miegħu lill-umanità il-milja tal-“grazzja u l-verità”. U jġib il-milja tal-grazzja għaliex jgħallem dwar l-Alla veru li “ħadd qatt ma rah”. U jġib il-milja tal-verità, għaliex lil dawk kollha li jilqgħuh, jagħti l-qawwa li jitwieldu mill-ġdid minn Alla: li jsiru wlied Alla. Sfortunatament, josserva l-evanġelista, “id-dinja m’għarfitux” u alavolja “ġie fost niesu”, ħafna “ma laqgħuhx”.
  3. Il-verità miġbura fil-Prologu ġovannesk hija l-istess li nsibu f’kotba oħra tat-Testment il-Ġdid. Hekk per eżempju naqraw fl-Ittra “Lil-Lhud” li Alla “f’dawn il-jiem kellimna permezz tal-Iben, li hu kkostitwixxa eredi tal-ħwejjeġ kollha permezz ta’ liema għamel ukoll id-dinja. Dan l-Iben li huwa l-irradjazzjoni tal-glorja tiegħu u timbru tas-sustanza tiegħu u jsostni kollox bil-qawwa ta’ kelmtu, wara li wettaq il-purifikazzjoni tad-dnubiet, qagħad fil-lemin tal-majjesta fil-għoli tas-smewwiet” (Eb1, 2-3).
  4. Il-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (kif madankollu l-Ittra lil-Lhud), jesprimi mela taħt forma ta’ allużonijiet bibbliċi, it-twettiq ta’ Kristu ta’ dak kollu li kien migħud fil-patt il-qadim, billi beda mill-Ktieb tal-Ġenesi il-Liġi ta’ Mosè (cf. Ġw 1, 17) u l-profeti sal-kotba sapjenzjali. L-espressjoni “il-Verb” (li “fil-bidu kien għand Alla”) tikkorrispondi mal-kelma Ebrajka  “dabar”. Ukoll jekk fil-Grieg insibu t-terminu “logos”, madankollu il-matriċi hija l-ewwel fil-veterotestamentarja kollha. Mit-Testment il-Qadim jinstilfu fl-istess ħin żewġ dimensjonijiet: dik ta’ “hochma” jiġifieri għerf, mifhum bħala “pjan” ta’ Alla rigward il-ħolqien, u dik ta’ “dabar” (logos), mifhuma bħala r-rejalizzazzjoni ta’ tali pjan. Il-koinċidenza mal-kelma “logos”, meħuda mill-filosofija Griega iffaċilitat imbagħad l-avviċinament ta’ dawn il-veritajiet għall-imħuħ iffurmati minn dik il-filosofija.
  5. Waqt li issa nibqgħu fl-isfera tat-Testment il-Qadim b’mod preċiż f’Iżaija naqraw: “il-kelma li ħarġet minn fommi ma terġax lura għandi mingħajr effett, mingħajr ma tkun ħadmet dak li nixtieq u mingħajr ma tkun wettqet dak li għalih inkun bgħattha” (55, 11). Minn hawn jidher li l-bibblika “dabar-kelma” mhijiex biss “kelma” iżda wkoll “rejalizzazzjoni” (att). Wieħed jistà jgħid li diġa fil-kotba tal-patt il-qadim tidher xi personifikazzjoni tal-“Verb” (dabar, logos), kif ukoll tal-“Għerf” (sofia).

Naqraw infatti fil-Ktieb tal-Għerf:

(L-Għerf) “beda fix-xjenza ta’ Alla u għażel l-opri tiegħu” (Sap 8, 4), u band’oħra: “Miegħek huwa l-għerf li jaf l-opri tiegħek, li kien preżenti meta int ħloqt id-dinja; hu jaf  biex tgħaxxqu għajnejk u dak li hu konformi . .  . ibagħtu mis-smewwiet imqaddsa, mit-tron glorjuż tiegħek, sabiex jgħinni u jissapportjani fix-xogħol iebes tiegħi u jien inkun naf dak li jgħaxxqek” (Għerf 9, 9-10).

  1. Hekk ninsabu ferm qrib tal-ewwel kliem tal-Prologu ta’ Ġwanni. Ferm iktar qrib huma dawk il-versetti tal-Ktieb tal-Għerf li jgħidu: “Waqt li skiet profond kesa l-ħwejjeġ kollha, u l-lejl kien wasal f’nofs triqtu, il-kelma omnipotenti tiegħek mis-smewwiet, mit-tron tiegħek irjali . . . inxteħtet f’nofs dik l-art ta’ qerda, waqt li ġabet bħala xabla msinna l-amar inflessibli tiegħek” (Għerf18, 14-15). Madankollu din “il-kelma” li għaliha jalludu l-kotba sapjenzjali, dak l-għerf li sa mill-bidu kien jinsab għand Alla, hija meqjusa f’relazzjoni għad-dinja maħluqa li hija tordna u tmexxi (cf.Pr 8, 22-27). “Il-Verb” fil-Vanġelu ta’ Ġwanni iżda mhuwiex biss “fil-bidu”, iżda huwa rrivelat bħala kollox indirizzat lil Alla (pros ton Theon) u waqt li huwa nnifsu hu Alla! “Il-Verb kien Alla”. Huwa hu l”Iben uniġenitu, li jinsab fi ħdan il-Missier” – jiġifieri Alla-Iben. Huwa l-espressjoni pura ta’ Alla in persona, l-“irradjazzjoni tal-glorja tiegħu  ” (cf. Eb 1, 3), “konsustanzjali mal-Missier”.
  2. Propju dan l-Iben – il-Verb li sar laħam – huwa dak li lilu ta xhieda Ġwanni fil-Ġordan. Dwar Ġwanni Battista naqraw fil-Prologu: “Gie raġel mibgħut minn Alla u ismu kien Ġwanni. Huwa ġie bħala xhud biex jagħti xhieda lid-dawl . . .” (Ġw1, 6-7). Tali dawl huwa propju Kristu – bħala Verb. Naqraw iktar fil-Prologu: “Fih kien hemm il-ħajja u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin” (Ġw 1, 4). Dan huwa “d-dawl veru, dak li jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1,9). Id-dawl li “jiddi fid-dlamijiet, imma d-dlamijiet ma semgħuhx” (Ġw 1, 5).

Mela, skont il-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, Ġesù Kristu huwa Alla, għaliex Iben uniġenitu ta’ Alla Missier. Il-Verb. Huwa ġie fid-dinja bħala sors ta’ ħajja u qdusija. Tassew hawn ninsabu fl-punt ċentrali u deċiżiv tal-professjoni tal-fidi tagħna: “Il-Verb sar laħam u ġie jgħammar f’nofsna”.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading