Il-qalba tax-xhieda tal-Evanġelju

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 20 ta’ Mejju 1987

13. Il-qalba tax-xhieda tal-Evanġelju

  1. Iċ-ċiklu tal-katekeżi dwar Ġesù Kristu qorob b’mod gradat għan-nofs tiegħu waqt li baqà f’relazzjoni kostanti mal-artikolu tas-Simbolu, li fih nipprofessaw : “Nemmen f’ . . .Ġesù Kristu, Iben uniġenitu ta’ Alla”. Il-katekeżi preċedenti ħejjewna għal din il-verità ċentrali billi wrewna qabel xejn il-karattru messjaniku ta’ Ġesù ta’ Nazzaret. U fis-sewwa il-wegħda tal-Messija – preżenti fir-rivelazzjoni kollha tal-patt il-qadim bħala kontenut ewlieni tal-istennija ta’ Iżrael – issib it-twettiq tagħha f’dak li ssoltu kien isejjaħ lilu nnifsu Bin il-bniedem.

Fid-dawl tal-opra u tal-kliem ta’ Ġesù, isir dejjem iktar ċar li hu huwa fl-istess ħin il-veru Iben ta’ Alla. Din hija verità li kien jirnexxilha diffiċilment tappella għal mentalità radikata f’monoteiżmu riġidu reliġjuż. U tali kienet il-mentalità Iżraelita tal-kontemporanji ta’ Ġesù. Il-katekeżi tagħna dwar Ġesù Kristu jidħlu propju issa fil-qasam  ta’ din il-verità li tiddeċiedi n-novità essenzjali tal-Vanġelu – u tiddeċiedi dwar l-oriniġinalità kollha tal-Kristjaneżmu bħala reliġjon mibnija fuq il-fidi fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina.

  1. Is-simboli tal-fidijikkunċentraw f’din il-verità fundamentali rigward Ġesù Kristu.

Fis-Simbolu Apostoliku nistqarru: “Jiena nemmen f’Alla, Missier li jistà kollox . . . u f’Ġesù Kristu, Ibnu uniku (uniġenitu)”. Huwa biss suċcessivament li s-Simbolu apostoliku jenfasizza l-fatt li l-Iben uniġenitu tal-Missier huwa l-istess Ġesù Kristu bħala Bin il-bniedem, “liema kien ikkonċeput mill-Ispirtu Santu, twieled minn Marija Verġni”.

Is-Simbolu nicen-kostantinopolitan  jesprimi l-isess ħaġa bi kliem ftit li xejn differenti: “Għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna niżel mis-sema, u bl-opra tal-Ispirtu Santu ħa l-ġisem (Latin: incarnatus est) fil-ġuf tal-Verġni Marija u sar bniedem”.

Jerġà qabel, però, l-istess Simbolu jippreżenta b’mod iktar wiesà l-verità tal-filjolanza divina ta’ Ġesù Kristu, Bin il-bniedem: “Nemmen f’Alla wieħed,  Missier li jistà kollox… Nemmen f’Mulej wieħed, Ġesù Kristu, Iben uniġenitu ta’ Alla, imwieled mill-Missier qabel kull żmien: Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru, iġġenerat, mhux maħluq, mill-istess sustanza tal-Missier; permezz tiegħu kollox ġie maħluq”. Dan l-aħħar kliem jenfasizza ferm iktar l-unità fid-divinità, tal-Iben mal-Missier, li huwa “l-ħallieq tas-sema u tal-art, ta’ dak kollu viżibbli u inviżibbli”.

  1. Is-Simboli jesprimu l-fidi tal-Knisja b’mod konċiż – imma propju grazzi għall-konċiżjoni tagħhom jiskolpixxu l-veritajiet l-iktar essenzjali: dawk li jikkostitwixxu kważi l-“mudullun” stess tal-fidi nisranija, it-totalità u l-quċċata tal-awtorivelazzjoni ta’ Alla. Mela skont l-espressjoni tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud, Alla “kien diġa tkellem” mal-umanità “permezz tal-Iben” (cf.Ebiżjoni 1, 1-2). Diffiċli ma nagħrfux kif hija ndikata hawn it-totalità awtentika tar-Rivelazzjoni. Alla mhux biss jitkellem dwaru permezz tal-bnedmin imsejħin biex jitkellmu f’ismu. Imma f’Ġesù Kristu, Alla nnifsu waqt li jitkellem “permezz ta’ Ibnu”, isir is-suġġett tal-kelma li jirrivela. Huwa nnifsu jitkellem dwaru nnifsu. Il-kelma tiegħu tiġbor ġo fiha l-awtorivelazzjoni ta’ Alla – l-awtorivelazzjoni fis-sens strett u immedjat.
  2. Tali awtorivelazzjoni ta’ Alla tikkostitwixxi n-novità l-kbira u l-“oriġinalità” tal-Vanġelu. Waqt li tipprofessa l-fidi bil-kliem tas-Simboli, kemm dak apostoliku kif ukoll dak niċen-konstantinopolitan, il-Knisja tikseb l-formazzjoni kollha tagħha mix-xhieda evanġelika u hekk tilħaq il-profondità essenzjali. Fid-dawl ta’ din ix-xhieda, hija tipprofessa u tagħti xhieda dwar Ġesù Kristu bħala Iben, li huwa “tal-istess sustanza tal-Missier”. L-isem “Bin Alla” setà kien – u kien – użat ukoll f’sens wiesà, bħal ma hu nnotat f’xi testi tat-Testment il-Qadim (Sap2, 18;Sir 4, 11; Sal 82, 6 u b’mod iktar ċar 2 Sam 7, 14; Sal 2, 7; Sal 110, 3). It-Testment il-Ġdid, u l-Vanġeli b’mod partikolari, jitkellmu minn Ġesù Kristu bħala Bin Alla f’sens strett u sħiħ. Huwa hu “ġgenerat, mhux maħluq”, huwa “tal-istess sustanza tal-Missier”.
  3. Nitfgħu issa l-attenzjoni tagħna fuq din il-verità ċentrali tal-fidi nisranija billi nanalizzaw ix-xhieda tal-Vanġelu minn dan il-punt di vista. Hija hi qabel xejn ix-xhieda tal-Iben dwar il-Missier u, b’mod partikolari, ix-xhieda ta’ relazzjoni filjali li hija propja tiegħu u tiegħu biss.

Infatti tant huwa sinifikattiv il-kliem ta’ Ġesù: “Ħadd ma jaf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jirrivela” (Mt 11, 27), daqstant ieħor huwa l-kliem l-ieħor: “Ħadd ma jaf lill-Iben jekk mhux il-Missier” (Mt 11, 27). Difatti huwa l-Missier li jirrivela lill-Iben. Tajjeb ta’ min josserva li fl-istess kuntest jiġi rrappurtat il-kliem ta’ Ġesù: “Imbierkek, o Missier, Sid is-sema u l-art, għaliex żammejt moħbija dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u mill-intelliġenti u rrivelajthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25; u wkoll Lq 10, 21-22). Dan huwa kliem li Ġesù jtenni – kif  jinnota l-evanġelista – b’ferħ tal-qalb partikolari: “waqt li jifraħ fl-Ispirtu Santu” (cf. Lq 10, 21).

  1. Il-verità dwar Ġesù Kristu, Bin Alla, mela tappartjeni lill-essenza nfisha tar-rivelazzjoni trinitarja. Fiha u permezz tagħha Alla jirrivela lilu nnifsu bħala unità tal-inskrutabbli Trinità: tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

Hekk mela s-sors definittiv tax-xhieda, li l-Vanġeli (u t-Testment il-Ġdid kollu) jagħtu dwar Ġesù Kristu bħal l-Iben ta’ Alla, huwa l-Missier stess: il-Missier li jaf lill-Iben, u hu stess fl-Iben. Ġesù waqt li jirrivela l-Missier, jaqsam b’ċertu mod magħna l-għarfien li l-Missier għandu tiegħu nnifsu fl-Iben etern u uniġenitu tiegħu. Permezz ta’ din il-filjolanza eterna Alla huwa eternament Missier. Verament bi spirtu ta’ fidi u ta’ ferħ, ammirati u mqanqla nagħmlu tagħna l-istqarrija ta’ Ġesù: “Kull ħaġa ġiet afdata lilek mill-Missier, o Ġesù, Bin Alla, u ħadd ma jaf min hu l-Iben jekk mhux il-Missier, linqas min hu l-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu int, o Iben, trid tirrivelahulu”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading