Ġesù Kristu jieħu għalih nnifsu attributi ta’ divinità

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 9 ta’ Settembru 1987

27. Ġesù Kristu jieħu għalih nnifsu attributi ta’ divinità

  1. Iċ-ċiklu tal-katekeżi dwar Ġesù Kristu għandu bħala ċentru r-realtà rivelata mill-Alla-Bniedem. Ġesù Kristu huwa veru Alla u veru bniedem. Din hija r-realtà li tesprimi ruħha b’mod koerenti fil-verità tal-unità li ma tinħallx tal-persuna ta’ Kristu. Dwar din il-verità ma nistgħux nitrattaw b’mod diżartikolat, lanqas, tant inqas, billi nisseparaw aspett mill-ieħor. Madankollu minħabba l-karattru analitiku u progressiv tal-għarfien uman, u f’parti minnu wkoll minħabba l-mod ta’ kif tipproponi din il-verità li nsibu fis-sors stess tar-rivelazzjoni – speċjalment l-Iskrittura Mqaddsa – hawn irridu nfittxu li nindikaw, l-ewwelnett, dak li turi d-divinità, u allura dak li turi l-umanità tal-uniku Kristu.
  2. Ġesù Kristu huwa veru Alla. Huwa Alla-Iben konsustanzjali għall-Missier (u għall-Ispirtu Santu), fl-espressjoni “Jiena Jien”, li Ġesù Kristu jutilizza fir-rigward tal- persuna propja, insibu eku tal-isem b’liema Alla immanifesta lilu nnifsu waqt li kellem lil Mosè (cf.Es 3, 14). Billi Kristu applika għalih innifsu l-istess “Jiena Jien” (cf. Ġw 13, 19), jeħtieġ niftakru li dan l-isem jiddefenixxi lil Alla mhux biss bħala Assolut (eżistenza fiha tal-Esseri għalih innifsu), imma dak li stipula l-patt ma’ Abraham u mad-dixxendenza tiegħu u li, bis-saħħa tal-patt, jibgħat lil Mosè biex jeħles lill-Iżrael (jiġifieri d-dixxendenti ta’ Abraham) mill-jasar tal-Eġittu. Hekk mela dik il-“Jiena Jien” tiġbor fiha wkoll sinifikat soterjoloġiku, titkellem dwar l-Alla tal-patt li huwa mal-bniedem (bħal ma ma’ Iżrael) biex isalvah. B’mod indirett titkellem dwar l-Immanuel  (cf.  7, 14), l-“Alla magħna”.
  3. Il-“Jiena Jien” ta’ Kristu (speċjalment fil-Vanġelu ta’ Ġwanni) trid tkun mifhuma bl-istess mod. Bla dubju ta’ xejn dan jindika l-preeżistenza divina tal-Verb-Iben (dwar dan tkellimna fil-katekeżi preċedenti), iżda, fl-istess ħin tfakkar it-twettiq tal-profezija ta’ Iżaija dwar l-Immanuel, l-“Alla magħna”. “Jiena Jien” tfisser mela – kemm fil-Vanġelu ta’ Ġwanni kif ukoll fil-Vanġeli Sinottiċi – wkoll “jiena jien magħkom” (cf.Mt 28, 20). “Jien ħriġt mill-Missier u ġejt fid-dinja” (Ġw 16, 28) “. . . biex infittex u biex insalva dak li kien mitluf” (Lq 19, 10). Il-verità dwar il-fidwa (is-soterjoloġija), diġa preżenti fit-Testment il-Qadim fir-rivelazzjoni tal-isem ta’ Alla, tiġi kkonfermata u espressa sal-qiegħ mill-awtorivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu. Propju f’tali sens “Bin il-bniedem”  huwa veru Alla: Iben mill-istess sustanza tal-Missier, li ried ikun “magħna” biex isalvana.
  4. Dawn il-konsiderazzjonijiet preliminari rridu nżommuhom preżenti b’mod kostanti meta nfittxu li nisiltu mill-Vanġelu dak kollu li jirrivela d-divinità ta’ Kristu. Hawn għandna diversi passi evanġeliċi mportanti f’din il-prospettiva. Qabel xejn l-aħħar djalogu tal-Imgħallem mal-appostli, lejlet il-passjoni, meta jitkellem dwar “id-dar tal-Missier”, li fiha huwa se jmur biex iħejjilhom post (cf.Ġw14, 1-3). Lil Tumas li jistaqsih it-triq, Ġesù jwieġbu: “Jien huwa t-triq, il-verità u l-ħajja”, Ġesù huwa t-triq għaliex ħadd ma jiġi għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu. Anzi: min jara lilu, jara l-Missier. “Ma temminx int li jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija?” (Ġw 14, 6.9.10).

Huwa faċli biżżejjed li tagħti kont, li f’tali kuntest, dik il-proklama tiegħu nnifsu ta’ “verità” u ta’ “ħajja” hija ekwivalenti għal referenza għalih innifsu ta’ attributi tal-Esseri divin: Esseri-Verità, Esseri-Ħajja.

L-għada li Ġesù jgħid lil Pilatu: “Għal dan jien twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda għall-verità” (Ġw 18, 37). Ix-xhieda tal-verità tistà tkun mogħtija mill-bniedem , imma “li tkun il-verità” huwa attribut divin b’mod esklussiv. Meta Ġesù, bħala veru bniedem, jagħti xhieda lill-verità, tali xhieda għandha s-sors tagħha fil-fatt li huwa nnifsu “huwa l-verità” fil-verità  eżistenti ta’ Alla: “Jiena Jien . . . il-verità”. Għalhekk huwa jistà wkoll jgħid li huwa “id-dawl tad-dinja”, hekk li kull min isegwih “ma jimxix fid-dlamijiet, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8, 12).

  1. Similment, dan jgħodd ukoll għall-parti l-oħra tal-kelma l-oħra ta’ Ġesù: “Jien Jien . . . il-ħajja” (Ġw14, 6). Il-bniedem li huwa krejatura, jistà “jkollu” l-ħajja, jistà wkoll “jagħti” ħajtu għall-fidwa tad-dinja (Mk10, 45 e par.). Meta Ġesù jitkellem dwar dan “l-għoti tal-ħajja”, jesprimi ruħu bħala veru bniedem. Imma hu “huwa l-ħajja” għaliex huwa veru Alla. Dan isostnih huwa stess qabel ma jqajjem mill-imwiet lil Lażżru, meta jgħid lill-oħt il-mejjet, Marta: “Jiena l-qawmien mill-imwiet u l-ħajja”.  Fil-qawmien mill-imwiet jikkonferma b’mod definittiv li l-ħajja li huwa għandu bħala Bin il-bniedem mhijiex suġġetta għall-mewt. Għaliex hu huwa l-ħajja, u allura huwa Alla. Billi hu huwa l-Ħajja, huwa jistà jipparteċipaha wkoll lill-oħrajn: “Min jemmen fija, ukoll jekk imut jgħix” (Ġw 11,25). Kristu jistà wkoll isir – fl-Ewkaristija – “il-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6, 35.48), “il-ħobż ħaj li niżel mis-sema (Ġw 6, 51). Ukoll f’dan is-sens Kristu jipparaguna lilu nnifsu mad-dielja, li tgħajjex liż-żraġen ingastati ġo fih  (Ġw 15, 1), jew aħjar dawk kollha li jagħmlu parti mill-ġisem mistiku.
  2. Ma’ dawn l-espressjonijiet hekk trasparenti dwar il-misteru tad-divinità moħbija f’Bin il-bniedem, nistgħu nżidu xi oħrajn, fejn l-istess kunċett huwa mlibbes b’immaġnijiet li diġa appartenenti għat-Testment il-Qadim u b’mod speċjali għall-profeti, u li Ġesù jirreferihom għalih nnifsu.

Huwa l-każ, per eżempju, tal-immaġni tar-ragħaj. Hija magħrufa sew il-parabbola tar-ragħaj it-tajjeb li fiha Ġesù jitkellem dwaru stess u dwar il-missjoni feddejja tiegħu: “Jiena jien ir-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ” (Ġw 10, 11). Fil-Ktieb ta’ Eżekjel naqraw: “Għaliex jgħid il-Mulej Alla: Hekk hu li jiena stess infittex in-nagħag tiegħi u nieħu ħsiebhom . . . Jiena stess  nieħu n-nagħaġ tiegħi lejn il-mergħa . . .Inmur infittex n-nagħġa l-mitlufa u neħodha lura lejn il-maqjel; ninfaxxa lil dik il-feruta u nikkura lil dik marida . . . nitmagħhom b’ġustizzja” ( 34, 11.15-16). “Intom, nagħaġ tiegħi, intom il-merħla tal-mergħa tiegħi u jiena jien l-Alla tagħkom” ( 34, 31). Xbiha simili nsibuha wkoll f’Ġeremija (Ġer 23, 3).

  1. Waqt li jitkellem dwaru nnifsu bħala r-ragħaj it-tajjeb, Kristu jindika l-missjoni redentriċi tiegħu (“Noffri ħajti għan-nagħaġ”); fl-istess ħin waqt li jdur lejn is-semmiegħa li kienu jafu l-profeziji ta’ Eżekjel u ta’ Ġeremija, jindika b’mod ċar biżżejjed l-identità tiegħu ma’ Dak li fit-Testment il-Qadim kien tkellem dwaru nnifsu bħala ragħaj konsideranti, waqt li jiddikjara: Jiena jien l-Alla tagħkom ” (34, 31).

L-Alla tal Patt l-Qadim fit-tagħlim tal-profeti ippreżenta ruħu wkoll bħala l-għarus ta’ Iżrael, il-poplu tiegħu. “Ġaladarba l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, Mulej tal-eżerċti huwa ismu, il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael” ( 54, 5 u wkoll Os 2, 21-22). Għal din is-similitudni Ġesù jagħmel referenza ferm iktar drabi fit-tagħlim tiegħu (Cf. Mk 2, 19-20; Mt 25, 1-12; Lq 12, 36; Ġw 3, 27-29). Hija tiġi żviluppata suċċessivament minn San Pawl li fl-ittri tiegħu jippreżenta lil Kristu bħala l-għarus tal-Knisja tiegħu (cf. Ef 5, 25-29).

  1. Dawn l-espressjonijiet kollha u oħrajn bħalhom użati minn Ġesù fit-tagħlim tiegħu jakkwistaw is-sinifikat kollu tagħhom, jekk nerġgħu naqrawhom fil-kuntest ta’ dak li huwa kien jagħmel u jgħid. Huma jikkostitwixxu diversi unitajiet tematiċi li fiċ-ċiklu tal- katekeżi dwar Ġesù Kristu, hemm bżonn li nżommuhom il-ħin kollu marbutin mat-totalità tal-meditazzjonijiet dwar il-Bniedem-Alla.

Kristu: veru Alla u veru bniedem. “Jiena Jien” bħala isem ta’ Alla jindika l-Essenza divina, li l-propjetajiet tagħha jew l-attributi huma: il-Verità, id-Dawl, il-Ħajja, u wkoll dak li tesprimi permezz tal-immaġni tar-Ragħaj it-Tajjeb u tal-Għarus. Dak li qal dwaru nnifsu: “Jiena jien dak li jien” (Es 3, 14), jippreżenta lilu nnifsu wkoll bħala l-Alla tal-Patt, bħala l-ħallieq u wkoll il-feddej, bħala l-Immanuel: Alla li jsalva. Dan kollu jsib it-twettiq u l-attwazzjoni tiegħu fl-inkarnazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading