Ġesù Kristu irrivela lilu nnifsu bħala Dak li stabilixxa s-saltna ta’ Alla fl-istorja tal-umanità

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 4 ta’ Novembru  1987

33. Ġesù Kristu irrivela lilu nnifsu bħala Dak li stabilixxa s-saltna ta’ Alla fl-istorja tal-umanità

  1. Nerġgħu nirrivedu t-temi tal-katekeżi dwar Ġesù “Bin il-bniedem”, li fl-istess ħin jagħmel lilu nnifsu magħruf bħala tassew “Bin Alla”: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw10, 30). Rajna li huwa kien jirreferi għalih innifsu l-isem u l-attributi divini, kien jitkellem dwar il-prieżistenza divina fl-għaqda mal-Missier (u mal-Ispirtu Santu, kif sejrin nispjegaw f’ċiklu ulterjuri ta’ katekeżi); kien jattribwixxi lilu nnifsu il-poter fuq il-Liġi li Iżrael kien irċieva mingħand Alla permezz ta’ Mosè fil-patt il-Qadim (speċjalment fid-“Diskors tal-Muntanja”, cf.Mt  5); u flimkien ma’ dan il-poter, kien jattribwixxi lilu nnifsu ukoll dak li jaħfer id-dnubiet (cf. Mk 2,1-12; Lq 7,48; Ġw 8,11) u li jagħmel il-ħaqq finali fuq il-kuxjenzi u l-opri tal-bnedmin kollha (cf. Mt 25,31-46;Ġw 5, 27-29). Fl-aħħarnett kien jgħallem bħal wieħed li għandu awtorità u kien jitlob fidi fi kliemu, kien jistieden biex isegwuh sal-mewt u kien iwiegħed bħala ħlas il-“ħajja li ma tintemmx”. Meta wasalna f’dan il-punt għandna għad-dispożizzjoni l-elementi kollha u r-raġunjiet kollha biex insostnu li Ġesù Kristu irrivela lilu nnifsu bħala Dak li stabilixxa s-saltna ta’ Alla fl-istorja tal-umanità.
  2. Il-bażi tar-rivelazzjoni tas-saltna ta’Alla kien ġie mħejji diġa fit-Testtment il-Qadim, b’mod partikolari fit-tieni fażi tal-istorja ta’ Iżrael, irrakkuntata fit-testi tal-Profeti u tas-Salmi, segwiti fl-eżilju u fl-esperjenzi dolorużi l-oħra tal-poplu magħżul. Niftakru b’mod speċjali il-kanti tas-salmisti lil Alla li huwa Sultan tal-art kollha, li “jsaltan fuq il-popli” (Sal47, 8-9); u l-għarfien eżultanti: “Is-saltna tiegħek hija saltna tas-sekli kollha, id-dominju tiegħek jinfirex għal kull ġenerazzjoni” (Sal 145, 13). Minn naħa tiegħu l-profeta Danjel jitkellem dwar is-saltna ta’ Alla “li qatt ma jinqered . . . li jeqred u jġib fix-xejn is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqà għal dejjem”. Din is-saltna li kellha titwaqqaf mill-“Alla tas-sema” (is-saltna tas-smewwiet), se tibqà taħt id-dominju ta’ Alla nnifsu u “ma tkun mgħoddija qatt lill-poplu ieħor” (cf. Dn 2, 44).
  3. Waqt li jinserixxi ruħu f’din it-tradizzjoni u waqt li jaqsam din l-idea tal-patt il-qadim, Ġesù ta’ Nażżaretsa mill-bidu tal-missjoni messjanika tiegħu jipproklama propju din is-saltna: “Iż-żmien wasal u s-saltna ta’ Alla hija fil-qrib” (Mk1, 15). B’dan il-mod huwa jaqbad wieħed mill-mottivi kostanti tal-istennija ta’ Iżrael, imma jagħti lit-tama eskatoloġika, li fl-aħħar fażi tat-Testment il-Qadim kienet ġiet imfassla, direzzjoni ġdida, waqt li pproklama li hi għandha t-twettiq inizjali tagħha diġa hawn, fl-art, għaliex Alla huwa l-Mulej tal-istorja: is-saltna tiegħu hija, bla dubju, ipproġettata lejn twettiq finali ‘il hemm miż-żmien, imma tibda titwettaq diġa hawn fl-art u tiżvolġi ruħha, f’ċertu sens, “ġewwa” l-istorja. F’din il-prospettiva Ġesù jħabbar u jirrivela li ż-żmien tal-wegħdiet antiki, stennija u tama “intemm”, u li “hi filqrib is-saltna ta’ Alla:  anzi hija diġa preżenti fl-istess Persuna tiegħu.
  4. Ġesù Kristu, infatti, mhux biss jgħallem dwar is-saltna ta’ Alla, billi jagħmel il-verità ċentrali tat-tagħlim tiegħu, imma jistabilixxi din is-saltna fl-istorja ta’ Iżrael u tal-umanità kollha. U f’dan jirrivela qawwietu divina, is-sovranità tiegħu fir-rigward ta’ dak kollu li fiż-żmien u fl-ispazju jġorr fih is-sinjali tal-ħolqien antik u tas-sejħa biex ikunu “krejaturi ġodda” (cf.2 Kor 5, 17; Gal 6, 15), li fihom fi Kristu u ma’ Kristu jintrebaħ dak kollu li jgħaddi u l-effimeru jiġi stabbilit għal dejjem il-veru valur tal-bniedem u tal-ħolqien kollu.

Din hija qawwa unika u eterna, li Ġesù Kristu – msallab u rxuxtat – jattribwixxi lilu nnifsu għall-fini tal-missjoni terrena tiegħu, meta jiddikjara lill-appostli: “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art”, u bis-saħħa ta’ tali poter tiegħu jordnalhom: “Morru mela u għallmu lin-nazzjonijiet kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom biex josservaw dak kollu li jien ikkmandajtkom. Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28, 18-20).

  1. Qabel ma wasal għal da nil-att definittiv fil-proklamazzjoni u r-rivelazzjoni tas-sovranità divina ta’ “Bin il-bniedem” diversi drabi Ġesù jħabbar li s-saltna ta’Alla ġiet fid-dinja. Anzi, fil-konflitt mal-avversarji li ma jaħsbuhiex li jattribwixxu għal poter imxajtan l-opri li Ġesù jwettaq, hu jiddiżapprovahom b’argumentazzjoni li tikkonkludi ruħha bl-affermazzjoni: “Jekk (iżda)jien inkeċċi x-xjaten bis-sebgħa ta’ Alla, allura waslitilkom is-saltna ta’ Alla” (Lq11, 20). Fih u għalih, mela, l-ispazju spiritwali tad-dominju divin jieħu l-konsistenza tiegħu: is-saltna ta’ Alla tidħol fl-istorja ta’ Iżrael u tal-umanità kollha u hu jistà jirrivela u juri li għandu poter jiddeċiedi dwar l-attwazzjoni tiegħu. Dan jurih bil-ħelsien mix-xjaten: l-ispazju kollu psikoloġiku u spiritwali akkwistat mill-ġdid għal Alla.
  2. Ukoll il-mandat definittiv, li Kristu msallab u rxuxtat jagħti lill-appostli (cf.Mt28, 18-20), kien imħejji minnu minn kull aspett. Waqt-propizju tat-tħejjija kienet il-vokazzjoni tal-appostli: “Għażel tnax li kienu dejjem miegħu ukoll biex jibgħathom jippridkaw u sabiex ikollhom il-poter li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3, 14-15). F’nofs it-Tnax, Xmun Pietru jsir destinatarju ta’ poter speċjali fir-rigward tas-saltna: “U jiena ngħidlek: inti Pietru u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi u l-bibien tal-infern ma jirbħux kontra tagħha. Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u dak kollu li torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet u dak kollu li tħoll fl-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 18-19). Min jitkellem b’dan il-mod, juri ruħu konvint li jippossiedi s-saltna, li għandu s-sovranità totali, u li jistà jafda l-“imfietaħ” f’idejn rappreżentant u vigarju, bħal u iktar minn dak li jagħmel sultan tad-dinja mal-logutenent jew prim ministru tiegħu.
  3. Din il-konvinzjoni evidenti ta’ Ġesù tispjega għaliex hu, waqt il-ministeru tiegħu, jitkellem dwar l-opra tiegħu preżenti u futura bħala ta’ saltna ġdida introdotta fl-istorja umana: mhux biss bħala verità mħabbra imma bħala realtà ħajja, li tiżviluppa, tikber u tiffermenta l-għaġina umana kollha, bħal ma naqraw fil-parabbola tal-ħmira (cf.Mt13, 33; Lq 13, 21). Din u l-parobboli l-oħra tas-saltna (cf. Mt 13) jsostnu kif din kienet l-idea ċentrali ta’ Ġesù, imma wkoll is-sustanza tal-opra messjanika tiegħu, li huwa jrid li testendi fl-istorja ukoll wara r-ritorn tiegħu għand il-Missier, permezz ta’ struttura viżibbli taħt it-tmexxija ta’ Pietru (cf. Mt16, 18-19).
  4. L-instawrazzjoni ta’ tali struttura tas-saltna ta’ Alla tixbaħ t-trasmissjoni li Kristu jagħmel lill-appostli magħżula minnu: “Jien inħejji (lat. “dispono”; oħrajn jittraduċu: nittrasmetti) għalikom saltna, bħal ma l-Missier ħejja għalija” (Lq22, 29). U t-trasmissjoni tas-saltna hija fl-istess ħin missjoni: “Bħal ma inti bgħatt lili fid-dinja, jiena wkoll bgħatthom fid-dinja” (Ġw 17, 18). Wara l-qawmien mill-imwiet, waqt li jidher lill-appostli, Ġesù jtenni: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibgħat lilkom . . . irċievu l-Ispirtu Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u lil dawk li ma taħfrulhomx dnubiethom jibqgħu mhux maħfura” (Ġw 20, 21-23).

Żommu f’moħħkom: fil-ħsieb ta’ Ġesù, fl-opra tiegħu messjanika, fil-mandat tiegħu lill-appostli, l-inawgurazzjoni tas-saltna f’din id-dinja hija marbuta b’mod strett mal-qawwa tiegħu li jirbaħ id-dnub, li jannulla l-poter ta’ Satana fid-dinja u f’kull bniedem. Mela huwa marbut mal-misteru paskwali, mas-salib u l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu, “Agnus Dei qui tollit peccata mundi . . .”, u bħala tali jintiseġ fil-missjoni storika tal-appostli u tas-suċċessuri tagħhom.. L-instawrazzjoni tas-saltna ta’ Alla għandha s-sies tagħha fir-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’ Alla imwettqa fi Kristu u għal Kristu fil-ministeru paskwali (cf. 2 Kor 5, 19; Ef 2, 13-18; Kol 1, 19-20).

  1. L-instawrazzjoni tas-saltna ta’ Alla fl-istorja tal-umanità hija l-għan tal-vokazzjoni u tal-missjoni tal-appostli – u allura tal-Knisja – fid-dinja kollha (cf.Mk 16, 15; Mt 28, 19-20). Ġesù kien jaf li din il-missjoni, flimkien mal-missjoni messjanika tiegħu, kienet se tiltaqà u tqanqal oppożizzjonijiet qawwija. Sa mill-jiem li fihom ġew mibgħuta għall-ewwel esperimenti ta’ kollaborazzjoni miegħu, huwa kien wissa lill-appostli : Hekk hu, jien se nibgħatkom bħal nagħaġ fost l-ilpup; kunu mela għaqlin daqs is-sriep u umli bħall-ħamiem” (Mt 10, 16).

Fit-test ta’ Mattew hemm fil-qosor ukoll dak li Ġesù kien qal wara dwar ix-xorti tal-missjunarji tiegħu (cf. Mt 10, 17-25); tema li fuqha jerġà lura f’wieħed mill-aħħar diskorsi kontroversjali mal-“iskribi” u l-“fariżej”,  waqt li reġà kkonferma: “Hekk hu, jien se nibgħatilkom profeti, għorrief u skribi: minn dawn uħud toqtluhom u ssalbuhom, oħrajn tifflaġellawhom fis-sinagogi tagħkom u tippersegwitawhom minn belt għall-oħra . . .” (Mt 23, 34). Xorti li mill-bqija kienet diġa messet lill-profeti u lill-personaġġi oħra tal-patt il-qadim, li dwarhom jaċċenna t-test (cf.Mt 23, 35). Imma Ġesù kien jagħti lis-segwaċi tiegħu s-sikurezza dwar it-tul tal-opra tiegħu u tagħhom: “et portae inferi non praevalebunt . . .”.

Minkejja l-oppożizzjonijiet u l-kontradizjonijiet li kellha tħabbat wiċċha magħhom tul l-iżvolġiment storiku, is-saltna ta’ Alla nstawratha darba għal dejjem fid-dinja bil-qawwa ta’ Alla nnifsu, permezz tal-Vanġelu u l-misteru paskwali tal-Iben, kellha dejjem iġġorr mhux biss is-sinjali tal-passjoni u l-mewt tiegħu, imma wkoll  is-siġill tal-qawwa divina, imdawla fil-qawmien mill-imwiet. Dan kellha turih l-istorja. Imma ċ-ċertezza tal-appostli u ta’ dawk kollha li jemmnu hija msejsa fuq ir-rivelazzjoni tal-poter divin ta’ Kristu, storiku, eskatoloġiku u etern, dwar min il-Konċilju Vatikan II jgħallem: “Kristu,  għamel lilu nnifsu ubbidjenti sal-mewt u għalhekk mgħolli mill-Missier (cf. Fil 2, 8-9), daħal fil-glorja tas-saltna tiegħu; lilu huma sottommessi l-ħwejjeġ kollha, sakemm huwa jissottometti lill-Missier lilu nnifsu u l-krejaturi kollha sabiex Alla jkun kollu f’kulħadd (cf. 1 Kor 15, 27-28)” (Lumen Gentium, 36).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading