Min jitlef ħajtu minħabba fija u fl-Evanġelju jsalvha


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 28 t’Ottubru 1987

32. Min jitlef ħajtu minħabba fija u fl-Evanġelju jsalvha.

  1. Fir-riċerka tagħna tas-sinjali evamġeliċi rivelaturi tal-kuxjenza li Kristu kellu tad-divinità tiegħu, enfasizzajna fil-katekeżi preċeenti it-talba, minnu mogħtija lid-dixxipli tiegħu, li jkollhom fidi fih: “Ikollkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija” (Ġw14, 1): talba li Alla biss jistà jipproponiha. Din il-fidi Ġesù jesiġi meta jimmanifesta  qawwa divina li tissupera l-qawwiet kollha tan-natura per eżempju fil-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru (cf. Ġw 11, 38-44); jesiġiha wkoll fis-siegħa tal-prova, bħala fidi fil-qawwa feddejja tas-salib tiegħu, bħal ma ddikjara sa mid-djalogu ma’ Nikodemu (cf. Ġw 3, 14-15); u hija fidi fid-divinità tiegħu: “Min ra lili ra l-Missier” (Ġw 14, 9).

Il-fidi tirreferi għal realtà inviżibbli, li hija ‘l fuq mis-sensi u mill-esperjenza, u tissupera il-limiti tal-istess intellett uman (“argumentum non apparentium”; “prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma jidhrux” (cf. Eb 11, 1); tirreferi, bħal ma jgħid Pawlu, għal “dawk il-ħwejjeġ li għajn ma tara, linqas widna tismà, li qatt ma jidħlu f’qalb il-bniedem”, imma li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh (cf. 1 Kor 2, 9). Ġesù jesiġi tali fidi, meta fil-jum ta’ qabel mewtu fuq is-salib, umanament iddisgrazzjata, jgħid lill-appostli li se jmur iħejjilhom post f’dar il-Missier (cf. Ġw 14, 2).

  1. Dawn il-ħwejjeġ misterjużi, din ir-realtà inviżibbli, tidentifika ruħha mat-Tajjeb infinit ta’ Alla. Imħabba eterna, immensament dehen li jkun maħbub fuq kwalunkwè ħaġa. Għalhekk, flimkien mat-talba tal-fidi, Ġesù jimponi il-kmandament tal-imħabba ta’ Alla “’il fuq minn kull ħaġa”, propju diġa fit-Testment il-Qadim, iżda mtenni u msaħħah minn Ġesù multilateralment. Huwa minnu  li meta wieġeb għall-mistoqsija “Liema hu l-ikbar kmandament tal-Liġi?”, Ġesù  jikkwota l-kliem tal-Liġi Możajka: “Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” (Mt 22, 37; cf. Dt 6, 5). Imma s-sens sħiħ li l-kmandament jieħu minn fomm Ġesù joħroġ mir-referenza għal elementi oħra tal-kuntest li fih huwa jimxi u jgħallem. Bla ebda dubju ta’ xejn huwa jrid jistampa li Alla biss jistà u għandu jkun maħbub ‘il fuq mill-ħolqien kollu: u biss sabiex Alla jkun jistà jkun fil-bniedem l-esiġenza ta’ mħabba ‘l fuq minn kwalunkwè ħaġa. Alla biss,  bis-saħħa ta’ din l-esiġenza  ta’ mħabba radikali u totali, jistà jsejjaħ lill-bniedem sabiex “isegwih” bla riservi, bla limitazzjonijiet, b’mod inviżibbli, bħal ma naqraw diġa fit-Testment il-Qadim: “Segwu lill-Mulej Alla tagħkom, osservaw il-kmandamenti tiegħu, isservuh u tibqgħu fidili lejh” (Dt 13, 5). Infatti Alla biss “huwa twajjeb” fis-sens assolut (cf. Mk 10, 18; ukoll Mt 19, 17). Huwa biss “huwa mħabba” (1 Ġw  4, 16) fis-sustanza u fid-definizzjoni. Imma hekk hu element li jidher ġdid u sorprendenti fil-ħajja u fit-tagħlim ta’ Kristu.

3.Ġesù jsejjaħ biex isegwuh hu personalment. Din is-sejħa tinsab, wieħed jistà jgħid, fiċ-ċentru stess tal-Vanġelu. Minn banda Ġesù jagħmel din is-sejħa, mill-oħra nisimgħu l-evanġelisti jitkellmu dwar bnedmin li jsegwuh, u anzi dwar xi wħud minnhom li jħallu kollox biex isegwuh.

Naħsbu dwar dawk is-sejħiet kollha li dwarhom għaddewlna l-aħbar l-evanġelisti: “Wieħed mid-dixxipli qallu: Mulej, ippermettili nmur l-ewwel nidfen lill-missieri. Imma Ġesù wieġbu: Imxi warajja u ħalli lill-mejtin jidfnu l-mejtin” (Mt 8, 21-22): mod drastiku li tgħid; ħalli kollox minnufih, għalija. Hekk ukoll fil-kitba ta’ Mattew. Luqa jżid id-dimensjoni apostolka ta’ din il-vokazzjoni: “Inti mur u ħabbar is-saltna ta’ Alla” (Lq 9, 60). Darb’oħra, waqt li kien għaddej qrib il-bank  tat-taxxi, qal u kważi mpona fuq Mattew, li jirrakkonta l-fatt: “Imxi warajja. U hu qam u segwih” (Mt 9, 9; cf. Mk 2, 13-14).

Issegwi lil Ġesù spiss ifisser itlaq mhux biss l-okkupazzjonijiet u  aqtà l-irbit li għandek fid-dinja, imma wkoll li wieħed jinqatà mill-kondizzjoni ta’  prosperità li fiha jkun jinsab, u anzi li jagħti ġidu lill-foqra. Mhux kulħadd iħoss li lest jagħmel dan il-qtugħ radikali: iż-żagħżugħ għani, li saħansitra kien osserva l-Liġi sa minn ċkunitu u li forsi kien fittex bis-serjetà triq ta’ perfezzjoni, dan ma jħossux. Imma “meta samà (jiġifieri s-sejħa ta’ Ġesù, telaq imdejjaq, minħabba li kellu bosta rikkezzi” (Mt 19, 22; cf. Mk 10, 22).Oħrajn, iżda, mhux biss aċċettaw dik l-“Imxi warajja”, imma, bħal Filippu ta’ Betsajda, ħassew il-bżonn li jikkomunikaw lil oħrajn il-konvinzjoni tagħhom li kienu sabu l-Messija  (Ġw 1, 43ss.). L-istess Xmun jisimgħu jgħidlu sa mill-ewwel laqgħa tiegħu “Inti kefa (jiġifieri Pietru)” (Ġw 1, 42). L-evanġelista Ġwanni jinnota li Ġesù “iffissa ħarstu fuqu”: f’dik il-ħarsa qawwija kien hemm l-“imxi warajja” l-iktar qawwija u akkantivanti daqs qatt qabel. Imma donnu li Ġesù, meta wieħed iqis l-vokazzjoni ta’ Pietru ( forsi wkoll it-temperament naturali tegħu) ried iġiegħel lil Pietru jimmatura gradatament il-ħila tiegħu li jevalwa u jaċċetta dik l-istedina. L-“imxi warajja” litterali għal Pietru infatti tiġi wara l-ħasil tar-riġlejn fl-okkażjoni tal-aħħar ċena (cf. Ġw 13, 36), u mbagħad, b’mod definittiv, wara l-qawmien mill-imwiet, fuq ix-xatt tal-Lag ta’ Tiberijade (Ġw 21, 19).

  1. Bla ebda dubju ta’ xejn Pietru u l-appostli l-oħra – minbarra Ġuda – fehmu u aċċettaw is-sejħa biex isegwu lil Ġesù bħala donazzjoni totali tagħhom infushom u tal-ħwejjeġ l-oħra għall-kawża tal-aħbar tas-saltna ta’ Alla. Huma stess ifakkru lil Ġesù, b’fomm Pietru: “Hawn, aħna ħallejna kollox u ġejna warajk” (Mt19, 27). Luqa jiżviluppa: “il-ħwejjeġ tagħna kollha” (Lq18, 28). U Ġesù stess donnu jrid jippreċiża dwar liema ħwejjeġ” riedu jfissru, meta wieġeb lil Pietru: “fis-sewwa ngħidlek, mhemm ħadd li ħalla daru, jew mara jew aħwa jew ġenituri jew ulied għas-saltna ta’ Alla, li ma jirċevix ferm iktar fil-preżent u l-ħajja eterna fiż-żmien li għad irid jiġi” (Lc 18, 29-30).

F’Mattew (Mt 19, 29) jiġi speċifikat ukoll  l-abbandun ta’ aħwa bniet, omm, rabà “minħabba f’ismi”, min ikun għamel dan, iwiegħed Ġesù, “jirċievi mitt darba iktar u jkollu bħala wirt il-ħajja eterna.”

F’Marku speċifikazzjoni ulterjuri dwar l-abbandun ta’ dawk il-ħwejjeġ kollha “minħabba fija u minħabba l-Vanġelu” u dwar ir-rikumpensa: “Diġa fil-preżent mitt darba iktar f’każijiet ta’ aħwa subien u bniet u ommijiet u wlied u rabà, flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u fil-ġejjieni l-ħajja li ma tintemmx” (Mk 10, 29-30).

Mingħajr ma ninkwetaw għal issa dwar il-lingwaġġ figurattiv użat minn Ġesù, nistaqsu lilna nfusna: Min hu dak li jsejjaħ biex isegwuh u jwiegħed lil min isegwih li jagħtih tant premji u saħansitra l-“ħajja li ma tintemmx”? Jistà qatt sempliċi bin il-bniedem iwiegħed daqstant, u jkun emmnut u segwit, u jkollu tant ħafna(qabda)  mhux biss fuq dawk id-dixxipli kuntenti, imma fuq eluf u miljuni ta’ bnedmin fis-sekoli kollha?

  1. Fir-realtà dawk id-dixxipli ftakru sewwa l-awtorità li biha Ġesù kien sejħilhom biex isegwuh, waqt li ma ħasibhiex biex jitlobhom radikalità ta’ mpenn, espress f’termini li setà jidher paradossali, bħal meta kien jgħid li kien ġie “mhux biex iġib il-paċi imma x-xabla”, u jiġifieri biex joħloq firda u qasma fl-istess familji biex isegwuh, u mbagħad sostna : “Min iħobb lill-Missier u lill-omm iktar minni, mhuwiex dehen tiegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iktar minni, mhuwiex dehen tiegħi, min ma jerfax salibu u ma jsegwinix, mhuwiex dehen tiegħi” (Mt10, 37-38). Ferm iktar qawwi u kważi iebes l-mod ta’ kitba ta’ Luqa: “Jekk wieħed jiġi għandi u ma jobgħodx (ebraiżmu li jfisser: ma jinqatax minn) lil missieru, lil ommu, lil uliedu, lil ħutu subien, lil ħutu bniet, u saħansitra lil ħajtu, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi ” (Lc 14, 26).

Quddiem dawn l-espressjonijiet ta’ Ġesù ma tistax ma tirriflettix dwar l-għoli u l-kuraġġ tal-vokazzjoni nisranija. Bla ebda dubju ta’ xejn il-forom konkreti ta’ sekwenza ta’ Kristu huma minnu stess  iggradati skont il-kondizzjonijiet, il-possibiltajiet, il-missjonijiet, il-kariżmi tal-persuni u tal-klassijiet. Il-kliem ta’ Ġesù, bħal ma jgħid hu stess, huwa “spirtu u ħajja”” (cf. Ġw 6, 63), u ma tistax tippretendi li timmaterjalizzahom b’mod identiku għal kulħadd. Imma skont San Tumas D’Aquino it-talba evanġelika ta’ rinunzji erojċi, bħal dawk tal-pariri evanġeliċi ta’ faqar, kastità u ċaħda tiegħek innifsek biex issegwi lil Ġesù – u l-istess nistgħu ngħidu dwar l-oblazzjoni tiegħek innifsek għall-martirju pjuttost milli tittradixxi l-fidi u s-sekwenza ta Kristu – timpenja lil kulħadd “secundum praeparationem animi” (cf. S. Thomae, Summa Theologiae; II-II, q. 184, a. 7, ad 1), jew aħjar inkwantu għad-disponibiltà tal-ispirtu biex iwettaq dak li hu mitlub f’każ  li nkunu msejħin, u allura jinħtieġu għal kulħadd distakk inferjuri, oblazzjoni, awto donazzjoni lil Kristu, li mingħajrha ma jkunx hemm tassew spirtu evanġeliku.

  1. Mill-istess Vanġelu jirriżulta li hemm xi vokazzjonijiet partikolari, dipendenti minn għażla ta’ Kristu: bħal dik tal-appostli u ta’ bosta dixxipli ndikata b’mod ċar biżżejjed minn Marku meta jikteb: “Telà mbagħad fuq il-muntanja, sejjaħ madwaru lil dawk li huwa ried u huma marru ħdejh. Għażel tnax minnhom li baqgħu miegħu . . .” (Mk3, 13-14). Ġesù stess, skont Ġwanni, fid-diskors finali jgħid lill-appostli: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom . . .” (Ġw15, 16).

Ma jirriżultax li hu kkundanna b’mod definittiv lil min ma jaċċettax li jsegwih fi triq ta’ mpenn totali għall-kawża tal-Vanġelu (cf. il-każ taż-żagħżugħ għani) (Mk 10, 17-27). Hemm ħaġa iktar li tidentifika l-ġenerożità libera ta’ dak li jkun. Hija ħaġa ċerta però li l-vokazzjoni għall-fidi u għall-imħabba nisranija hija universali u obbliganti: fidi fil-kelma ta’ Ġesù, imħabba ta’ Alla fuq kull ħaġa u tal-proxxmu bħalna nfusna, ukoll għaliex “min. . . ma jħobbx lill-propju ħuh li jarah, ma jistax iħobb lil Alla li ma jarahx” (1 Ġw 4, 20).

  1. Fl-istabiliment tal-esiġenza tat-tweġiba għall-vokazzjoni biex issegwih, Ġesù ma jaħbi lil ħadd li s-sekwenza tiegħu titlob sagrifiċċju, kultant ukoll dak suprem. Infatti huwa jgħid lid-dixxipli: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfà salibu u jsegwini. Għaliex min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha . . .” (Mt16, 24-25).

Marku jenfasizza li mad-dixxipli Ġesù kien sejjaħ ukoll lill-folla u lil kulħadd kellem dwar iċ-ċaħda mitluba minn min irid isegwih, dwar l-irfigħ tas-saib u t-telf tal-ħajja “minħabba fija u tal-Vanġelu” (Mk 8, 34-35). U dan wara li kien tkellem dwar il-passjoni u l-mewt li kienu fil-qrib! (cf. Mk 8, 31-32).

  1. Fl-istess ħin, iżda, Ġesù jipproklama l-bejatitudni ta’ dawk li jkunu ppersegwitati “minħabba Bin il-bniedem” (Lq6, 22): “Ifirħu u ċapċpu jdejkom għaliex kbir huwa l-ħlas tagħkom fis-smewwiet” (Mt5, 12).

U aħna għal darb’oħra nistaqsu: Min hu dan li jsejjaħ b’mod awtorevoli biex insegwuh, iħabbar bil-quddiem mibegħda, insulti u persekuzzjoni ta’ kull tip (cf. Lq 6, 22), u jwiegħed “ħlas fis-smewwiet”? Setà jitkellem hekk biss bin il-bniedem li kellu l-kuxjenza li jkun Iben ta’ Alla. F’tali sens fehmuh l-appostli, li tttrasmettewlna ir-rivelazzjoni tiegħu u l-messaġġ tiegħu. F’tali sens irridu nifhmuh aħna wkoll, waqt li ntennulu mal-apposltu Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.