Il-fatt u s-sinifikat tal-mirakli ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Erbgħa, 11 ta’ Novembru  1987

34. Il-fatt u s-sinifikat tal-mirakli ta’ Kristu.

  1. Il-jum tal-Pentekoste, wara li kien irċieva d-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu Santu, Pietru jagħti xhieda franka u qalbenija lil Kristu msallab u rxuxtat: “Irġiel ta’ Iżrael isimgħu dan il-kliem: Ġesù ta’ Nażżaret, bniedem ikkonfermat minn Alla qribkom permezz tal-mirakli, għeġubijiet u sinjali, intom sammartuh fuq is-salib . . . u qtiltuh. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u b’hekk ħallu mill-ansjetajiet tal-mewt” (At2, 22-24).

F’din ix-xhieda hemm miġbura sintesi tal-attività messjanika kollha ta’ Ġesù ta’ Nazzaret li Alla kkonfermah “permezz ta’ mirakli għeġubijiet u sinjali”. Din tikkostitwixxi wkoll abbozz tal-ewwel katekeżi nisranija, li joffrilna l-istess mexxej tal-kulleġġ tal-appostli, Pietru.

  1. Wara madwar elfejn sena is-suċċessur preżenti ta’ Pietru, fl-iżvolġiment tal-katekeżi tiegħu dwar Ġesù, irid jiffaċċja l-kontenut ta’ dik l-ewwel katekeżi apostolika magħmula fl-istess jum tal-Pentekoste. S’issa tkellimna dwar Bin il-bniedem, li bit-tagħlim tiegħu kien qed jagħmel magħruf li huwa veru Alla Iben, li huwa mal-Missier “ħaġa waħda” (cf.Ġw10, 30). Kelmtu kienet akkumpanjata minn “mirakli, għeġubijiet u sinjali”. Dawn il-fatti kienu jakkumpanjaw il-kliem mhux biss billi jsegwuh biex jikkonfermaw l-awtentiċità tiegħu, imma spiss kien jasal qabilhom, bħal ma jġagħluna nifhmu l-Atti tal-appostli meta jitkellmu “dwar dak kollu li Ġesù għamel u għallem sa mill-bidu” (At1, 1). Kienu dawk l-istess opri u b’mod partikolari l-“għeġubijiet u s-sinjali” biex jixhdu li s-saltna ta’ Alla kienet fil-qrib” (cf. Mk 1, 15), kienet jiġifieri daħlet ma’ Ġesù fl-istorja terrena tal-bniedem u kienet timbotta biex tidħol f’kull spirtu uman. Fl-istess ħin kienu jixhdu li Dak li kien qed iwettaq kien tassew l-Iben ta’ Alla. Hekk hu għaliex jinħtieġ li norbtu l-preżenti katekeżi dwar il-mirakli, sinjali ta’ Kristu ma’ dawk preċedenti, li kienu jikkunċernaw il-filjolanza divina tiegħu.
  2. Qabel ma nkomplu b’mod gradat fl-analiżi tas-sinifikat ta’ dawn “l-għeġubijiet u sinjali” (bħal ma ddefinihom b’mod speċifiku San Pietru fil-jum tal-Pentekoste, jinħtieġ nosservaw li huma (għeġubijiet u sinjali) jappartjenu b’mod sikur għall-kontenut integrali tal-Vanġeli bħala xhidiet dwar Kristu, li jiġu minn xhieda li raw b’għajnejhom. Mhuwiex affattu possibbli li teskludi l-mirakli mit-test u mill-kuntest evanġeliku.L-analiżi mhux biss tat-test imma wkoll tal-kuntest titkellem favur il-karattru “storiku” tagħhom, tixhed li huma huma fatti li seħħew fir-realtà, u tassew imwettqa minn Kristu. Min  jersaq lejhom b’onestà intellettwali u ħila xjentifika ma jistax jeħles minnhom b’xi kelma bħal ta’ sempliċi invenzjonijiet  posterjuri.
  3. Għal dan il-għan ikun aħjar nosservaw li tali fattihuma mhux biss iċċertifikati u rrakkuntati mill-appostli u mid-dixxipli ta’ Ġesù imma jiġu kkonfermati f’bosta każi mill-avversarji tiegħu. Per eżempju, huwa ferm sinifikattiv li dawn tal-aħħar ma ċaħdux il-mirakli mwettqa minn Ġesù, imam pjuttost ippretendew li jattribwuhomlu għall-qawwa tax-“xitan”. Infatti kienu jgħidu: “Dan possedut minn Belżebub u jkeċċi x-xjaten permezz tal-prinċep tax-xjaten  ” (Mk 3, 22; cf. ukoll Mt 8, 32; 12, 24; Lq 11, 14-15). U hija magħrufa t-tweġiba ta’ Ġesù għal din l-oġġezzjoni, ta’ liema turi l-intima kontradizzjoni. “Jekk Satana jirribella kontra tiegħu nnifsu u huwa maqsum ma jistax jirreżisti, imma wasal biex jintemm” (Mk 3, 26). Imma dak li jgħodd l-iktar f’dan il-waqt għalina huwa l-fatt li wkoll l-avversarji ta’ Ġesù ma jistgħux jiċħdu il-“mirakli, l-għeġubijiet u s-sinjali” tiegħu bħala realtà, bħala “fatti”  li tassew seħħu.

Elokwenti hija wkoll iċ-ċirkostanza li l-avversarji kienu josservaw lil Ġesù sabiex jaraw jekk kienx ifejjaq fil-jum tas-Sibt u biex hekk ikunu jistgħu jakkużawh bi vjolazzjoni tal-Liġi tat-Testment il-Qadim. Hekk kien per eżempju, fil-każ tar-raġel li kellu id niexfa (cf. Mc 3, 1-2).

5.Wieħed irid ukoll jikkonsidra t-tweġiba mogħtija minn Ġesù, mhux iktar lill-avversarji tiegħu, imma din id-darba lill-messaġġiera ta’ Ġwanni l-Battista, minnu mibgħutin biex jistaqsuh: “Huwa int dak li għandu jiġi jew irridu nistennew ieħor?” (Mt 11, 3). Allura Ġesù jwieġeb: “Morru u rreferu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi mfejqa; it-torox jirkupraw is-smigħ; il-mejtin iqumu, lill-foqra mwassla l-bxara t-tajba” (Mt 11, 4-5; cf. ukoll Lq 7, 22). Ġesù fit-tweġiba jfakkar il-profezija ta’ Iżaija dwar il-futur Messija (cf.  35, 5-6), li bla ebda dubju ta’ xejn se tkun mifhuma fis-sens ta’ tiġdid u ta’ fejqan spiritwali ta’ Iżrael u tal-umanità, imma li fil-kuntest evanġeliku li fih tiġi mpoġġiha f’fomm Ġesù, tindika xi fatti magħrufa b’mod komuni u li d-dixxipli tal-Battista jistgħu jirreferuhomlu bħala sinjali tal-messjanità ta’ Kristu.

  1. L-evanġelisti kollha juru l-fatti li għalihom aċċenna Pietru fil-Pentekoste: “Mirakli, għeġubijiet sinjali” (At2, 22). Is-Sinottiċi jirrakkuntaw bosta ġrajjiet singoli, imma kultant jużaw ukoll diversi formuli ġeneralizzanti. Hekk, per eżempju, fil-Vanġelu ta’ Marku  (Mc 1, 34): “Fejjaq bosta li kienu milquta minn mard differenti u keċċa bosta xjaten”. Similment Mattew (Mt 4,23): “Waqt li kkura kull tip ta’ mard u ta’ inkapaċità fil-poplu”; u Luqa (Lq 6, 19): “Minnu kienet toħroġ qawwa li kienet tfejjaq lil kulħadd”. Dawn huma espressjonijiet li jġagħluna nifhmu in-numru kbir ta’ mirakli mwettqa minn Ġesù. Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni ma nsibux forom simili, imma pjuttost id-deskrizzjoni partikolareġġata ta’ sebà grajjiet li l-evanġelista jsejjaħ “sinjali” (u mhux mirakli). B’tali espressjoni huwa jrid jindika dak li hu l-iktar essenzjali f’dawk il-fatti: il-wirja tal-azzjoni ta’ Alla innifsu, preżenti fi Kristu, waqt li l-kelma “miraklu” tindika pjuttost l-aspett “straordinarju” li dawk il-ġrajjiet għandhom fl-għajnejn ta’ dawk li rawhom jew li semgħu dwarhom. Madankollu ukoll Ġwanni, qabel ma jtemm il-vanġelu tiegħu, jasal li jgħid li “bosta sinjali oħra għamel Ġesù fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu, imma ma ġewx miktuba f’dan il-ktieb” ( 20, 30). U jġib ir-raġuni tal-għażla minnu mwettqa: “Dawn inkitbu sabiex temmnu li Ġesù huwa il-Kristu, l-Iben ta’ Alla, u sabiex, waqt li temmnu, jkollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw20, 31). Għal dan jimmiraw kemm is-Sinottiċi kif ukoll ir-rabà Vanġelu: li juru permezz tal-mirakli l-verità tal-Iben ta’ Alla u jwasslu għall-fidi li hija l-bidu tas-salvazzjoni.
  2. Mill-bqija meta l-appostlu Pietru, il-jum tal-Pentekoste, jagħti xhieda lill-missjoni kollha ta’ Ġesù ta’ Nażżaret ikkreditatha minn Alla permezz ta’ “mirakli, għeġubijiet u sinjali”, ma jistax jonqos li niftakru li l-istess Ġesu kien ġie msallab u rxuxtat (cf.At 2, 22-24). Hekk jindika b’dan il-mod il-ġrajja paskwali li fiha kien offrut is-sinjal l-iktar sħiħ tal-azzjoni feddejja u redentriċi ta’ Alla fl-istorja tal- umanità. F’dan is-sinjal hemm miġbura, nistgħu ngħidu, l-“anti miraklu” tal-mewt fuq is-salib u l-“miraklu” tal-qawmien mill-imwiet (miraklu tal-mrakli) li jitħalltu f’miraklu wieħed, għaliex fih il-bniedem jistà jaqra sal-qiegħ nett l-awtorivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu u waqt li jingħaqad bil-fidi jidħol fit-triq tal-fidwa.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading