Ġesù Kristu jġib l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja u lill-Umanità

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 12 ta’ Awwissu 1987

23. Ġesù Kristu jġib l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja u lill-Umanità

  1. Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla, li jiġi mibgħut mill-Missier fid-dinja. Isir bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu fil-ġuf ta’ Marija, il-Verġni ta’ Nażżaret, u bis-saħħa tal-Ispirtu Santu jwettaq bħala bniedem il-missjoni messjanika tiegħu sas-salib u l-qawmien mill-imwiet.

B’riferenza għal din il-verità (li kienet tikkostitwixxi l-oġġett tal-katekeżi preċedenti), hemm bżonn li niftakru it-test ta’ Sant’Irinew li jikteb: “L-Ispirtu Santu niżel fuq l-Iben ta’ Alla, li sar Bin il-bniedem, waqt li jidra flimkien miegħu li jabita fil-ġeneru uman, li jistrieħ fil-bnedmin, opri ta Alla, waqt li jwettaq fihom ir-rieda tal-Missier u waqt li jibdel ix-xjuħija tagħhom fin-novità ta Kristu” (S. Irinew, Adversus haereses, III, 17,1).

Dan huwa pass tassew sinifikattiv li jtenni flimkien ma’ kliem ieħor dak li fhimna mit-Testment il-Ġdid, jiġifieri li l-Iben ta’ Alla sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu u fil-qawwa tiegħu wettaq il-missjoni messjanika, biex hekk iħejji li jintbagħat u jinżel fl-erwieħ umani ta’ dan l-ispirtu,  li “jindaga l-profondità ta’ Alla” (cf. 1 Kor 2, 10), biex iġedded u jikkonsolida l-preżenza tiegħu u l-azzjoni santifikanti tiegħu fil-ħajja tal-bniedem. Hija nteressanti dik l-espressjoni ta’ Sant’Irinew, skont liema l-Ispirtu Santu, waqt li jaħdem f’Bin il-bniedem “kien jidra flimkien miegħu li jabita fil-ġeneru uman”.

  1. Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni naqraw li “fl-aħħar jum, il-jum il-kbir tal-festa, Ġesù waqt li qam bilwieqfa għajjat b’leħen għoli: “Min għandu l-għatx jiġi għandi, min jemmen fija, bħal ma tgħid l-Iskrittura, xmajjar ta’ ilma ħaj jgelglu minn sidru”. Dan huwa qalu b’riferenza għall-Ispirtu, għaliex Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikata” (Ġw7, 37-39). Ġesù jħabbar il-miġja tal-Ispirtu Santu billi nqeda bil-metafora tal-“ilma ħaj”, għaliex huwa “l-Ispirtu li jagħti l-ħajja . . .” (Ġw6, 63). Id-dixxipli jirċievu dan l-Ispirtu mingħand Ġesù nnifsu fiż-żmien opportun, meta Ġesù jkun “igglorifikat”: L-Evanġelista għandu f’moħħu l-glorifikazzjoni paskwali permezz tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet.
  2. Meta tali żmien – jiġifieri “s-siegħa” ta’ Ġesù – huwa issa fil-qrib, waqt id-diskors fiċ-ċenaklu, Kristu jerġà jaqbad it-tħabbira tiegħu, u diversi drabi jwiegħed lill-appostli l-miġja tal-Ispirtu Santu bħal l-Konsolatur il-ġdid (Paraklitu).

Jgħidilhom hekk: “Jien se nitlob lill-Missier u hu se jagħtikom Konsolatur ieħor sabiex jibqà magħkom dejjem, l-Ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tirċievi għaliex la tarah u linqas tafu. Intom tafuh għaliex hu jgħammar qribkom u jkun fikom” (Gv 14, 16-17). “Il-Konsolatur, l-Ispirtu Santu, li l-Missier se jibgħatilkom f’ismi, hu jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14, 26). U iktar ‘il quddiem: Meta jiġi l-Konsolatur li jien se nibgħatilkom mingħand Missieri, l-Ispirtu tal-verità li ġej mingħand il-Missier, huwa jixhed għalija…” (Ġw 15, 26).

Ġesù jikkonkludi hekk: “Jekk jiena ma nmurx ma jiġix għandkom il-Konsolatur: imma meta jien inkun mort nibgħatulkom. U meta jkun ġie, huwa jikkonvinċi lid-dinja kemm għad-dnub, kif ukoll għall-ġustizzja u għall-ħaqq. . .” (Ġw 16, 7-8).

  1. Fl-imsemmija testi, hemm miġbura b’mod dens ir-rivelazzjoni tal-verità dwar l-Ispirtu Santu, li joħroġ mill-Missier u mill-Iben (dwar dan l-argument jien waqaft b’mod wiesà fl-enċiklika Dominum et Vivificantem). Fil-qosor waqt li jitkellem mal-appostli fiċ-ċenaklu, lejlet il-passjoni tiegħu, Ġesù jgħaqqad it-tluq tiegħu issa fil-qrib mal-miġja tal-Ispirtu Santu. Għal Ġesù dan huwa rapport każwali: hu jinħtieġ li jmur permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet, sabiex l-Ispirtu tal-verità jkun jistà jinżel fuq l-appostli u fuq il-Knisja kollha kemm hi bħala l-Konsolatur. Allura l-Missier jibgħat l-Ispirtu “fl-isem tal-Iben” jibagħtu fil-qawwa tal-misteru tal-fidwa, li trid titwettaq permezz ta’ dan l-Iben, Ġesù Kristu. Għalhekk huwa ġust li nsostnu, bħal Ġesù, li wkoll l-Iben innifsu se jibagħtu: “il-Konsolatur li jien se nibgħatilkom mingħand il-Missier” (Ġw15, 26).
  2. Din il-wegħda magħmula lill-appostli lejlet il-passjoni u l-mewt tiegħu, Ġesù wettaqha fl-istess jum tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Infatti l-Vanġelu ta’ Ġwanni jirrakkonta li, waqt li ppreżenta ruħu lid-dixxipli li kien għadhom rifuġjati fiċ-ċenaklu, Ġesù sellmilhom u waqt li kienu mħawdin bil-ġrajja straordinarja, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Irċievu l-Ispirtu Santu; u dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura u dawk li żzommulhom dnubiethom ikunu miżmuma”” (Ġw20, 22-23).

Fit-test ta’ Ġwanni hemm  enfasi tejoloġika li aħjar nagħmluha ċara: il-Kristu rxuxtat huwa dak li jippreżenta ruħu lill-appostli u “jġibilhom” l-Ispirtu Santu, dak li f’ċertu sens “jagħtih” lilhom fis-sinjali tal-mewt tiegħu fuq is-salib (“Urihom jdejh u l-kustat” (Ġw 20, 20)). U billi huwa “l-Ispirtu li jagħti l-ħajja” (Ġw 6, 63), l-appostli jirċievu flimkien bl-Ispirtu Santu il-ħila u l-poter li jaħfru d-dnubiet.

  1. Dak li jseħħ b’mod hekk sinifikattiv fl-istess jum tal-qawmien mill-imwiet, mill-evanġelisti l-oħrajn jiġi b’xi mod mifrux fil-jiem ta’ wara, li fihom Ġesù jkompli jħejji lill-appostli għall-waqt il-kbir, meta bis-saħħa tat-tluq tiegħu l-Ispirtu Santu kellu jinżel fuqhom b’mod definittiv, hekk li l-miġja tiegħu kellha tiġi manifestata lid-dinja. Dan kellu jkun ukoll il-waqt tat-twelid tal-Knisja: “Ikollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqkom u tkunuli xhieda f’Ġerusalem u fil-Ġudea kollha u fis-Samarija sa fit-trufijiet tal-art” (At1, 8). Din il-wegħda li tirrigwarda b’mod dirett il-miġja tal-Paraklitu, twettqet f’jum Għid il-Ħamsin (il-Pentekoste).
  2. Fil-qosor nistgħu ngħidu li Ġesù Kristu huwa dak li jiġi mill-Missier bħala l-Iben etern, u dak li mill-Missier “ħareġ” waqt li sar bniedem bl-opra tal-Ispirtu Santu. U wara li wettaq il-missjoni messjanika tiegħu bħala Bin il-bniedem bis-saħħa tal-Ispirtu Santu “jmur għand il-Missier” (cf.Ġw14, 12). Waqt li jmur hemm bħala l-feddej tad-dinja, “jagħti” lid-dixxipli tiegħu u jibgħat fuq il-Knisja għaż-żmenijiet kollha, l-istess Spirtu, li fil-qawwa tiegħu huwa kien jaġixxi bħala bniedem. B’dan il-mod Ġesù Kristu, bħala dak li “jmur għand il-Missier”, permezz tal-Ispirtu Santu jmexxi “lejn il-Missier” lil dawk kollha li jsegwuh tul il-korsa kollha tas-sekli.
  3. “Għalhekk imtellà fil-lemin ta’ Alla u, wara li kien irċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu Santu li huwa kien wiegħed, (Ġesù Kristu) ferrxu” (At2, 33), jgħid l-appostlu Pietru f’jum Għid il-Ħamsin. “U li intom ulied huwa prova l-fatt li Alla bagħat f’qalbna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abbà, Missier. (Gal 4, 6), jikteb l-appostlu Pawlu. L-Ispirtu Santu li “ġej mingħand il-Missier” (cf. Ġw 15, 26), huwa fl-istess ħin l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu: L-Ispirtu tal-Iben.
  4. Alla ta lil Kristu l-Iapirtu Santu “mingħajr qies”, jipproklama Ġwanni l-Battista, skont ir-IV Vamġelu. U San Tumas D’Aquino jispjega fil-kumment ċar tiegħu li l-profeti kienu jirċievu l-Ispirtu “b’qies”, u għalhekk kienu jipprofetizaw “parzjalment”. Kristu iżda għandu l-Ispirtu Santu “bla qies”: kemm bħala Alla, minħabba li l-Missier permezz tal-ġenerazzjoni eterna, jagħtih li jispira l-Ispirtu bla tarf: kif ukoll bħala bniedem, minħabba li permezz tal-grazzja, Alla fawru bl-Ispirtu Santu, sabiex jgħaddsu f’kull wieħed li jemmen (San Tumas, Super Evang. S. Ioannis Lectura, c. III, 1. 6, n. 541-544). Id-Duttur Anġleliku jirreferi għat-test ta’ Ġwanni (Ġw3, 34): “Infatti dak li Alla bagħat jesprimi l-kliem ta’ Alla li jagħti (lilu) l-Ispirtu bla qies” (skont it-traduzzjoni proposta minn bibblisti llustri).

Verament nistgħu nesprimu b’kommozzjoni ntima, flimkien mal-evanġelista Ġwanni: “Mill-milja tiegħu aħna lkoll irċivejna” (Ġw 1, 16); verament sirna parteċipi tal-ħajja ta’ Alla fl-Ispirtu Santu.

U fuq din id-dinja ta’ wlied tal-ewwel Adam iddestinati għall-mewt, naraw jikber possenti l-Kristu, l-“aħħar Adam”, li sar “Spirtu donator tal-ħajja” (1 Kor 15, 45).

 

Migjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading