Ġesù Kristu jiġi bil- qawwa tal-Ispirtu s-Santu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 5 ta’ Awissu 1987

22. Ġesù Kristu jiġi bil- qawwa tal-Ispirtu s-Santu

  1. “Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; issa se nħalli mill-ġdid id-dinja, u se nmur għand il-Missier (Ġw16, 28). Ġesù Kristu kien jaf dwar l-oriġini tiegħu mill-Missier: huwa l-iben għaliex jiġi mill-Missier. Bħala Iben ġie fid-dinja mibgħut mill-Missier. Din il-missjoni (“missio”), li tibbaża ruħha fuq l-oriġini eterna tal-Kristu-Iben mill-Missier, hija ngranata fih. Għalhekk f’din il-missjoni l-Missier jirrivela l-Iben u jagħti xhieda lil Kristu bħala Ibnu, waqt li l-Iben jirrivela lill-Missier. Infatti ħadd ma “jaf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jirrivelahulu”   (Mt 11, 27). L-Iben, li “ħareg mingħand il-Missier”, jesprimi u jikkonferma l-filjolanza propja minħabba li “jirrivela lill-Missier” quddiem id-dinja. U dan jagħmlu mhux biss bil-kliem tal-Vanġelu, imma wkoll b’ħajtu, minħabba li hu “jgħix” kompletament “għall-Missier”, u dan sas-sagrifiċċju tal-ħajja fuq is-salib.
  2. Din il-missjoni feddejja tal-Iben ta’ Alla bħala Bniedem, titwettaq “fil-qawwa” tal-Ispirtu Santu. Dan jixhduh il-passi numerużi tal-Vanġeli u t-Testment il-Ġdid kollu. Fit-Testment il-Qadim, il-verità rigward ir-relazzjoni stretta bejn il-missjoni tal-Iben u l-miġja tal-Ispirtu Santu (li hija wkoll il-“missjoni” tiegħu) kienet moħbija, ukoll jekk f’ċertu mod diġa mħabbra. Sinjal partikolari huwa l-kliem ta’ Iżaija, għal liema Ġesù jiġbed l-attenzjoni fil-bidu tal-attività messjanika ġewwa Nażżaret: L-Ispirtu tal-Mulej fuqi; għal dan huwa kkonsagrani bid-dlik, u bagħatni biex inħabbar lill-fqajrin messaġġ ta’ ferħ, biex nipproklama lill-ħabsin il-ħelsien u lill-għomja d-dawl: biex nerġà npoġġi fl-libertà lill-magħkusin u nippridka sena ta’ grazzja tal-Mulej” (Lq4, 17-19; cf. 61, 1-2).

Dan il-kliem jirrigwarda lill-Messija: kelma li tfisser “Ikkonsagrat bid-dlik” (“midluk”) – jiġiferi dak li ġej fil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej -. Ġesù jiddikjara quddiem il-kompajeżani tiegħu li dan il-kliem jirreferi għalih: “Illum twettqet din l-Iskrittura li intom għadkom kemm smajtu b’widnejkom” (cf. Lq 4, 21).

  1. Tali verità dwar il-Messija li jiġi fil-qawwa tal-Ispirtu Santu ssib il-konferma tagħha waqt il-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan dejjem fil-bidu tal-attività messjanika tiegħu. B’mod partikolari dens huwa t-test ta’ Ġwanni li jirraporta l-kliem tal-Battista: Rajt l-Ispirtu jinżel bħal ħamiema mis-sema u jistrieħ fuqu. Jien ma kontx nafu, imma min bagħatni biex ngħammed bl-ilma kien qalli: “Il-bniedem li fuqu tara jinżel u jibqà l-Ispirtu huwa dak li jgħammed bl-Ispirtu Santu”. U jiena rajt u xhedt li dan huwa l-Iben ta’Alla” (Ġw1, 32-34).

Mela Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, dak li “ħareġ mingħand il-Missier u ġie fid-dinja” (cf. Ġw 16, 28) biex iġib l-Ispirtu Santu: “biex jgħammed bl-Ispirtu Santu” (cf. Mk 1, 8), jiġifieri biex jistabilixxi r-realtà l-ġdida tat-twelid mill-ġdid mnn Alla tal-ulied ta’ Adam mtaqqla bid-dnub. Il-miġja tal-Iben ta’ Alla fid-dinja, il-konċepiment uman u t-twelid verġinali tiegħu twettqu bl-opra tal-Ispirtu Santu. L-Iben ta’ Alla sar Bniedem u twieled mill-Verġni Marija bl-opra tal-Ispirtu Santu, fil-qawwa tiegħu.

  1. Ix-xhieda li Ġwanni jagħti lil Ġesù ta’ Nażżaret bħala Bin Alla, hija f’relazzjoni stretta mat-test tal-Vanġelu ta’ Luqa fejn naqraw li fl-annunzjazzjoni Marija tismà min jgħidilha li hija “tnissel u twelled iben li jkun jissejjaħ bin l-Iktar Għoli” (cf.Lq1, 31-32). U meta tistaqsi: “Dan kif iseħħ? Ma għaraft ebda raġel”, tirċievi t-tweġiba: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek tifrex dellha il-qawwa tal-Iktar Għoli. Dak li jitwieled minnek ikun mela qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,34-35).

Jekk mela l-“ħruġ minn Alla u l-miġja fid-dinja” tal-Iben ta’ Alla bħala bniedem (bin il-bniedem), sar fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, dan juri l-misteru tal-ħajja trinitarja ta’ Alla. U din il-qawwa vivifikanti tal-Ispirtu Santu tiġi mwettqa sa mill-bidu tal-attività messjanika ta’ Ġesù, bħal ma jirriżulta mit-testi tal-Vanġeli, kemm minn dawk sinottiċi (Mk 1, 10; Mt 3, 16; Lq 3, 22) kif ukoll minn dak ta’ Ġwanni (Ġw 1, 32-34).

  1. Diġa fil-Vanġelu tal-infanzja, meta dwar Ġesù jingħad li “il-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (Lc2, 40), b’mod indirett tingħata xhieda tal-preżenza santifikanti tal-Ispirtu Santu. Iżda huwa mill-waqt tal-magħmudija fil-Ġordan li l-vanġeli jitkellmu b’mod iktar espressiv dwar l-attività ta’ Kristu fil-qawwa tal-Ispirtu: “eżatt wara (l-magħmudija) l-Ispirtu ħadu fid-deżert . . .”, jgħid Marku (Mk1,12). U fid-deżert, wara perijodu ta’ erbgħin jum ta’ sawm, l-Ispirtu ta’ Alla ippermetta li jkun ittentat mill-ispirtu tad-dlamijiet, b’mod li jġib fuqu l-ewwel rebħa messjanika (cf. Lq 4, 1-14). Ukoll waqt l-attività pubblika, Ġesù jimmanifesta diversi drabi l-istess qawwa tal-Ispirtu Santu fir-rigward tal-imxajtna. Huwa stess jenfasizza dan b’dan il-kliem: “Jekk jien inkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu ta’ Alla, żgur li waslet f’nofskom is-saltna ta’ Alla” (Mt 12, 28). Il-konklużjoni tal-kumbattiment messjaniku kollu kontra l-qawwiet tad-dlamijiet kienet il-ġrajja paskwali: il-mewt fuq is-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ dak li ġie mingħand il-Missier fil-qawwa tal-Ispirtu Santu.
  2. Ukoll wara t-Tlugħ is-Sema Ġesù baqà fil-kuxjenza tad-dixxipli tiegħu, bħala dak li “Alla kkonsagra fi Spirtu Santu qawwa” (At10, 38). Huma kienu jiftakru li grazzi għal din il-qawwa l-bnedmin, waqt li kienu jisimgħu t-tagħlim ta’ Ġesù, kienu jfaħħru lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna u Alla żar il-poplu tiegħu” (Lq7,16), “Qatt bniedem ma tkellem bħal ma jitkellem dan ir-raġel” (Ġw  7,46), u kienu jsostnu li, grazzi għal din il-qawwa, Ġesù “kien jagħmel il-mirakli, l-għeġubijiet u s-sinjali” (At 2, 22), hekk li “il-folla kollha kienet tfittex li tmissu, għaliex minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd” (Lq 6, 19). F’dak kollu li Ġesù ta’ Nażżaret, bin il-bniedem, kien jagħmel u kien jgħallem, kien jitwettaq l-kliem tal-profeta Iżaija (cf.  42, 1) dwar il-Messija: “Hawn hu l-qaddej tiegħi li jien għażilt; il-maħbub tiegħi, li fih tgħaxxaqt. Inqiegħed l-ispirtu tiegħi fuqu . . .” (Mt 12, 18).
  3. Din il-qawwa tal-Ispirtu Santu immanifestat ruħha sal-aħhar fis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu u fil-qawmien mill-imwiet tiegħu. Tassew Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla “li l-Missier ikkonsagra u bagħat fid-dinja” (cf.Ġw10, 36). Waqt li wieġeb għar-rieda tal-Missier, huwa offra lilu nnifsu lil Alla permezz tal-Ispirtu bħala vittma bla tebgħa u din il-vittma tippurifika l-kuxjenza tagħna mill opri tal-mewt, sabiex nistgħu naqdu lil Alla l-ħaj (cf. Eb 9, 14). L-istess Santu Spirtu – bħal ma jixhed l-appostlu Pawlu – “qajjem mill-imwiet lil Ġesù” (Rm 8, 11), u permezz ta’ dan “il-qawmien mill-imwiet” Ġesù Kristu jirċievi l-milja tal-qawwa messjanika u jiġi rivelat b’mod definittiv mill-Ispirtu Santu bħala “bin Alla b’qawwa”, litteralment “kostitwit Iben ta’ Alla b’qawwa skont l-Ispirtu ta’ santifikazzjoni permezz tal-qawmien mill-imwiet” (Rm 1, 4).
  4. Mela Ġesù Kristu, L-Iben ta’ Alla, jiġi fid-dinja bl-opra tal-Ispirtu Santu, u bħala Bin il-bniedem iwettaq sal-aħħar il-missjoni messjanika tiegħu bis-saħħa tal-Ispirtu Santu. Iżda jekk Ġesù Kristu jaġixxi permezz ta’ din il-qawwa waqt l-attività feddejja kollha tiegħu u fl-aħħar fil-passjoni u l-qawmien mill-mewt tiegħu, allura huwa l-Ispirtu stess li jirrivela li huwa hu l-Iben ta’ Alla. Hekk illum, grazzi għall-Ispirtu Santu, id-divinità tal-Iben, Ġesù ta’ Nażżaret, tiddi quddiem id-dinja. U “ħadd – bħal ma jikteb San Pawl – ma jistà jgħid: “Ġesù hu l-Mulej” jekk mhux taħt l-influwenza tal-Ispirtu Santu” (1 Kor12, 3)

Miġjub għall-Mlati mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading