Ġesù Kristu jirrivela t-Trinità

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 19 ta’ Awissu 1987

24. Ġesù Kristu jirrivela t-Trinità

  1. Il-katekeżi dwar Ġesù Kristu jsibu n-nukleju tagħhom f’din it-tema ċentrali li toħroġ mir-rivelazzjoni: Ġesù Kristu, il-bniedem imwieled mill-Verġni Marija, huwa l-Iben ta’ Alla. Il-Vanġeli kollha u l-kotba l-oħra tat-testment il-Ġdid jiddokumentaw din il-verità nisranija fundamentali li fil-katekeżi preċedenti fittixna li nillustraw billi żviluppajna l-aspetti differenti. Ix-xhieda evanġelika tinsab fil-pedament tal-maġisteru sollenni tal-Knisja fil-Konċilji, li tirrifletti ruħha fis-simboli ta’ fidi (l-ewwelnett f’dak niċen-kostantinoplitan) u wkoll naturalment fit-tagħlim ordinarju kostanti tal-Knisja, fil-liturġija tagħha u fil-ħajja spiritwali minnha promossa u ggwidata.
  2. Il-verità dwar Ġesù Kristu Bin Alla tikkostitwixxi fl-awtorivelazzjoni ta’ Alla, il-punt-ewlieni permezz ta’ liema jiżvela ruħu l-misteru inkredibbli ta’ Alla wieħed fit-Trinità Mqaddsa. Infatti, skont l-Ittra lil-Lhud, meta Alla “ultimament f’dawn il-jiem, tkellem magħna permezz tal-Iben” (Eb1, 2), żvela r-realtà ta’ ħajtu ntima – ta’ dik il-ħajja li fiha huwa jibqà unità assoluta fid-divinità, u fl-istess ħin huwa Trinità jiġifieri komunjoni divina ta’ tliet Persuni. Għal din il-komunjoni jagħti xhieda b’mod dirett l-Iben li “ħareġ mill-Missier u ġie fid-dinja” (cf.Ġw 16, 28). Huwa biss. It-Testment il-Qadim, meta Alla, “kien . . . tkellem permezz tal-profeti” (Eb 1, 1) ma kienx jaf dan il-misteru ntimu ta’ Alla. Bla dubju xi elementi tar-rivelazzjoni veterotestamentarja kienu jikkostitwixxu l-preparazzjoni ta’ dik evanġelika u bdankollu l-Iben biss setà jintroduċina f’dan il-misteru. Billi lil “Alla ħadd qatt ma rah” ħadd ma kien jaf l-intimu ta’ ħajtu. L-Iben biss: “l-Iben uniġenitu, li jinsab f’ġuf il-Missier, huwa irrivelah” (Ġw 1, 18).
  3. Matul il-katekeżi preċedenti ikkonsidrajna l-aspetti ewlenin ta’ din ir-rivelazzjoni, grazzi għal liema l-verità dwar il-filjolanza divina ta’ Ġesù Kristu dehritilna b’ċarezza sħiħa. Waqt li issa nagħlqu dan iċ-ċiklu ta’ meditazzjonijiet, ikun tajjeb li niftakru xi waqtiet, li fihom, flimkien mal-verità dwar il-filjolanza divina ta’ bin il-bniedem, bin Marija, tiżvela l-misteru tal-Missier u tal-Ispirtu Santu.

L-ewwel b’mod kronoloġiku huwa diġa il-waqt tal-annunzjazzjoni ġewwa Nażżaret. Infatti skont l-anġlu, dak li għandu jitwieled mill-Verġni huwa Bin l-Iktar Għoli, l-Iben ta’ Alla. B’dan il-kliem, Alla jiġi rrivelat bħala Missier u l-Iben ta’ Alla jiġi ppreżentat bħala dak li għandu jitwieled bl-opra tal-Ispirtu Santu (“L-Ispirtu Santu jinżel fuqek” (Lq 1, 35)). Hekk fir-rakkont tal-annunzjazzjoni hemm miġbur il-misteru trinitarju: Missier, Iben u Spirtu Santu.

Tali misteru huwa preżenti wkoll fit-tejofanija li seħħet waqt il-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan, meta il-Missier, permezz ta’ leħen mill-għoli, jagħti xhieda lill-Ibnu “l-għażiż”, u din tiġi segwita mill-Ispirtu “li jinżel taħt forma ta’ ħamiema” (Mt 3, 16). Din it-tejofanija hija kważi konferma “viżiva” tal-kliem tal-profeta Iżaija, għal liema Ġesù irrifera ġo Nażżaret meta ta bidu għall-attività messjanika: “L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; għal dan ikkonsagrani bid-dlik u bagħatni . . .” (Lq 4, 18; cf.  61, 1).

  1. Wara dan waqt il-ministeru, niltaqgħu mal-kliem li bihom l-istess Ġesù jintroduċi lis-semmiegħa tiegħu fil-misteru tat-Trinità divina, fejn fosthom hemm “id-dikjarazzjoni ferrieħa” li nsibu fil-Vanġeli ta’ Mattew u ta’ Luqa. Ngħidulha “ferrieħa” minħabba li, kif naqraw fit-test ta’ Luqa, “f’dak l-istess ħin Ġesù feraħ fl-Ispirtu Santu” (Lq10, 21) u qal: “Niżżik ħajr, o Missier, Mulej tas-sema u l-art, talli żammejt moħbija dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u mill-intelliġenti u rrivelajthom liċ-ċkejknin. Iva, o Missier, għaliex hekk għoġbok. Kollox ingħatali minn Missieri: ħadd ma jaf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li l-Iben irid jirrivelahulu” (Mt 11, 25-27).

Hawn, grazzi għal din l-“eżultanza ta’ Ġesù fl-Ispirtu Santu”, niġu ntrodotti fil-“profondità ta’ Alla” – fil-“profondità” li biss l-Ispirtu  jiskrutinizza: fl-għaqda ntima tal-ħajja ta’ Alla, fil-komunjoni  inskrutibbli tal-Persuni.

  1. Dan il-kliem, rappurtat minn Mattew u minn Luqa, jarmonizza b’mod perfett ma’ bosta affermazzjonijiet ta’ Ġesù li nsibu fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, bħal ma diġa rajna fil-katekeżi preċedenti. Fuq dawn kollha tiddomina l-asserzjoni ta’ Ġesù li tiżvela l-għaqda tiegħu mal-Missier: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw10, 30). Din terġà tittieħed u tiżvolġi ruħha fit-talba saċerdotali (Ġw17) u fid-diskors kollu li bih Ġesù fiċ-ċenaklu jħejji l-appostli għat-tluq tiegħu fil-kors tal-ġrajjiet paskwali.
  2. U propju hawn, fid-dawl ta’ dan it-“tluq”, Ġesù jippronunzja l-kliem li b’mod definittiv jirrivela l-misteru tal-Ispirtu Santu u r-rapport li fih huwa jibqà lejn il-Missier u l-Iben. Il-Kristu li jgħid: “Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija”, fl-istess ħin iħabbar lill-appostli il-miġja tal-Ispirtu Santu u jsostni: dan huwa “l-Ispirtu ta’ verità li ġej mill-Missier” (Ġw15, 26). Ġesù jżid li “se jitlob lill-Missier” sabiex dan l-Ispirtu ta’ verità jiġi mogħti lid-dixxipli, sabiex “jibqà magħhom għal dejjem” bħala “Konsolatur” (cf.Ġw 14, 16). U jassikura lill-appostli: “Il-Missier se jibgħat l-Ispirtu Santu f’ismi” (cf. Ġw 14, 26), biex “jagħti xhieda għalija” (cf. Ġw 15, 26). Dan kollu, jikkonkludi Ġesù, se jseħħ wara t-tluq tiegħu waqt il-ġrajjiet paskwali, permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet: “meta jien nkun tlaqt, nibgħatulkom” (Ġw 16, 7).i
  3. “F’dak il-jum intom tkunu tafu li jien fil-Missier . . .”, isostni mill-ġdid Ġesù, jew aħjar bl-opra tal-Ispirtu Santu jiċċara għal kollox il-misteru tal-għaqda tal-Missier u tal-Iben: “Jien fil-Missier u l-Missier fija”. Tali misteru, infatti, jistà jiċċarah biss “l-Ispirtu li jiskrutinja l-profonditajiet ta’ Alla” (cf.1 Kor 2, 10), fejn fil-komunjoni tal-persuni hija kostitwita l-għaqda tal-ħajja divina ta’ Alla. Hekk jiddawwal ukoll il-misteru tal-inkarnazzjoni ta’ l-Iben,  in konnessjoni ma’ dawk li jemmnu u mal-Knisja, għal darb’oħra bl-opra tal-Ispirtu Santu. Infatti Ġesù jgħid: “F’dak il-jum (meta l-appostli jirċievu l-Ispirtu tal-verità) intom issiru tafu (mhux biss) li jien fil-Missier, (imma wkoll li) intom fija u jiena fikom” (Ġw 14, 20). L-inkarnazzjoni hija għalhekk is-sies tal-filjolanza tagħna divina  permezz ta’ Kristu, hija l-bażi tal-misteru tal-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu.
  4. Biss hawn huwa mportanti li ninnutaw li l-inkarnazzjoni wkoll għalkemm tirrigwarda b’mod dirett lill-Iben, hija “opra” ta’ Alla wieħed u tlieta (Konċ. Lat. IV). Dan diġa jixhdu l-istess kontenut tal-annunzjazzjoni (cf.Lq 1, 26-38). Imbagħad permezz tat-tagħlim kollu tiegħu Ġesù poġġiena “quddiem orizzonti  diffiċli għar-raġuni umana” (bħal ma naqraw fil- Gaudium et Spes, 24), dawk tal-ħajja ntima ta’ Alla Wieħed u Tlieta fit-Trinità Tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.  Finalment, imwettqa l-missjoni messjanika tiegħu, Ġesù, fit-tluq tal-appostli b’mod definittiv, fl-erbgħin jum wara l-qawmien mill-imwiet, wettaq sal-aħħar dak li kien ħabbar: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, ukoll jien nibgħat lilkom”  (Ġw 20, 21). Infatti qalilhom: “Morru mela u għallmu l-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28, 19).

F’dan il-kliem konklussivi tal-Vanġelu, u qabel il-bidu tal-mixja tal-Knisja fid-dinja, Ġesù Kristu għaddhielha l-verità suprema tar-rivelazzjoni tiegħu: l-unità indivizibbli fit-Trinità.

U minn dak il-waqt il-Knisja, mistagħġba u adoranti, tistà tistqarr mal-evanġelista Ġwanni bħala konklużjoni tal-Prologu tar-IV Vanġelu, dejjem bi tqanqil intimu: “Alla qatt ħadd lilu ma rah: Ibnu uniġenitu propju, li hu fil-ġuf tal-Missier, hu rrivelah” (Ġw 1, 18).

 

Migjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: