Ġesù Kristu l-Kelma Eterna tal-Missier

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 2 ta’ Settembru 1987

26. Ġesù Kristu l-Kelma Eterna tal-Missier

  1. Fil-Katekeżi preċedenti tfajna attenzjoni partikolari fuq dawk l-affermazzjonijiet, li fihom Kristu jitkellem dwaru nnifsu billi juża l-espressjoni “Jiena Jien”. Il-kuntest li fih jidhru tali affermazzjonijiet, speċjalment fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, jippermettulna naħsbu li, fl-użu tal-imsemmija espressjoni, Ġesù jagħmel referenza għall-Isem li bih l-Alla tal-patt il-qadim ikkwalifika lili nnifsu quddiem Mosè, filwaqt li afdalu l-missjoni li għaliha kien imsejjaħ: “Jien jien dak li jien . . . Mur għid lill-Iżraeliti: Jiena Jien bagħatni għandkom” (Es3, 14).

Ġ.esù jikellem dwaru nnifsu b’dan il-mod, per eżempju fl-isfera tad-diskussjoni dwar Abraham: “Qabel ma Abraham kien, Jiena jien” (Ġw 8, 58). Diġa din l-espressjoni tippermettilna li nifhmu li “Bin il-bniedem” jagħti xhieda lill-preżistenza divina tiegħu. U tali espressjoni mhijiex iżolata.

  1. Iktar minn darba Kristu jitkellem dwar il-misteru tal-Persuna tiegħu, u l-espressjoni l-iktar konċiża donnha li hija din: “Ħriġt mill-Missier u ġejt fid-dinja; issa se nħalli mill-ġdid din id-dinja u sejjer għand il-Missier” (Ġw16, 28). Ġesù jindirizza dan il-kliem lill-appostli fid-diskors tat-tluq lejlet il-ġrajjiet paskwali. Dan jindika bl-iktar mod ċar li qabel ma “ġie” fid-dinja, Kristu “kien” ħdejn il-Missier bħala Iben”. Jindika mela l-preeżistenza tiegħu f’Alla. Ġesù jfiehem b’mod ċar li l-eżistenza tiegħu terrena ma tistax tkun mifruda minn tali preeżistenza f’Alla. Mingħajrha r-realtà tiegħu personali ma tistax tkun  mifhumha b’mod korrett.
  2. Espressjonijiet simili huma numerużi. Meta Ġesù jindika l-miġja tiegħu mill-Missier fid-dinja, kliemu jagħmel ir-referenza tas-soltu għall-preeżistenza divina tiegħu. Dan huwa b’mod partikolari ċar fil-Vanġelu ta’ Ġwanni. Ġesù jgħid quddiem Pilatu: “Għal dan jien twelidt u għal dan jiena ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda għall-verità” (Ġw18, 37); u jistà jkun li mhux mingħajr importanza l-fatt li Pilatu jistaqsih iktar tard: “Minn fejn int?” (Ġw 19, 9). U qabel nerġgħu naqraw: “Ix-xhieda tiegħi hija vera, għaliex naf minn fejn ġejt u fejn sejjer” (Ġw 8, 14). Rigward dik il-“Minn fejn int?” fid-djalogu notturn ma’ Nikodemu nistgħu nisimgħu dikjarazzjoni sinifikattiva: “Ħadd qatt ma telà s-sema, għajr Bin il-bniedem li niżel mis-sema” (Ġw3, 13). Din il-“miġja” mis-sema, mingħand il-Missier, tindika l-“preeżistenza” divina ta’ Kristu ukoll fir-rigward tat-“tluq” tiegħu: “U jekk taraw lil Bin il-bniedem jitlà hemm fejn kien qabel?” – jistaqsi Ġesù fil-kuntest tad-“diskors ewkaristiku” fil-viċinanz ta’ Kafarnaw (cf. Ġw 6, 62).
  3. L-eżistenza terrena kollha ta’ Ġesù bħala l-Messija tirriżulta dik il- “qabel” u magħha tingħaqad bħallikieku ma “dimensjoni” fundamentali skont liema l-Iben huwa “ħaġa waħda” mal-Missier. Kemm huwa elokwenti minn dan il-punt di vista l-kliem tat-“talba saċerdotali” fiċ-ċenaklu: “Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi wettaqt l-opra li inti tajtni biex nagħmel, U issa, Missier, igglorifikani quddiemek, b’dik il-glorja li kelli qribek qabel ma d-dinja kienet” (Ġw17, 4-5).

Ukoll fil-Vanġeli sinottiċi insibu f’bosta bnadi dwar il-“miġja” ta’ Bin il-bniedem għall-fidwa tad-dinja (cf. per eżempju Lq19, 10; Mk 10, 45; Mt 20, 28); bdanakollu t-testi ta’ Ġwanni fihom referenza partikolarment ċara għall-preeżistenza ta’ Kristu.

  1. Is-sintesi l-iktar sħiħa ta’ din il-verità insibuha fil-Prologu tar-rabà Vanġelu. Wieħed jistà jgħid li f’tali test il-verità rigward il-preeżistenza divina ta’ Bin il-bniedem takkwista elaborazzjoni ulterjuri, dik f’ċertu sens definittiva: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien għand Alla u l-Verb kien Alla. Huwa kien fil-bidu għand Alla: kollox sar permezz tiegħu . . . Fih kienet il-ħajja u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin; id-dawl jiddi fid-dlamijiet, imam d-dlamijiet ma laqgħuhx” (Ġw1, 1-5).

F’dawn is-sentenzi l-evanġelista jikkonferma dak li Ġesù kien jgħid dwaru nnifsu, meta kien jiddikjara: “Jiena ħriġt mill-Missier u ġejt fid-dinja” (Ġw 16, 28), jew inkella meta kien jitlob sabiex il-Missier jigglorifikah b’dik il-glorja li huwa kien ħa mingħandu qabel ma kienet id-dinja (cf. Ġw 17, 5). Fl-istess ħin  il-preeżistenza tal-Iben fil-Missier tintrabat b’mod strett mar-rivelazzjoni tal-misteru trinitarju ta’ Alla: l-Iben huwa l-Verb etern, huwa “Alla minn Alla”, tal-istess sustanza tal-Missier (bħal ma jesprimi il-Konċilju ta’ Niċea fis-Simbolu tal-fidi). Il-formula konċiljari tirrifletti b’mod preċiż il-Prologu ta’ Ġwanni: “Il-Verb kien għand Alla u l-Verb kien Alla”. Li tiddikjara l-preeżistenza ta’ Kristu fil-Missier hija ekwivalenti għall-għarfien tad-Divinità. Għas-sustanza tiegħu, hekk bħal ma għas-sustanza tal-Missier, tappartjeni l-eternità.  Huwa dan li jiġi ndikat bir-referenza għall-preeżistenza eterna fil-Missier.

  1. Il-Prologu ta’ Ġwanni, permezz tar-rivelazzjoni tal-verità dwar il-Verb, hemm miġbura, tikkostitwixxi bħala il-kompletament definittiv ta’ dak li diġa t-Testment il-Qadim kien qal dwar l-Għerf. Jidhru, per eżempju, l-affermazzjonijiet li ġejjin: “Qabel is-sekoli, sa mill-bidu, huwa ħalaqni; għal kollha kemm hi l-eternità ma niġix nieqes” (Sir24, 9), “Il-ħallieq tiegħi, ġagħalni nwaqqaf tinda  u qalli: iffissa t-tinda f’Ġakobb” (Sir 24, 8). L-Għerf, li minnu jitkellem  it-Testment il-Qadim, huwa krejatura  u fl-istess ħin għandu l-attributi li jpoġġuh ‘l fuq mill-maħluq kollu: “Għalkemm uniku, hu jistà kollox: minkejja li jibqà fih innifsu, iġedded kollox” (Għerf 7, 27).

Il-verità dwar il-Verb, miġbura fil-Prologu ta’ Ġwanni, tikkonferma mill-ġdid f’ċertu sens ir-rivelazzjoni dwar l-għerf preżenti fit-Testment il-Qadim, u fl-istess ħin tieħdu ‘l hemm b’mod definittiv. Il-Verb mhux biss “huwa għand Alla”, imma “huwa Alla”. Waqt li ġie f’din id-dinja fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, il-Verb “ġie fost niesu”, billi “id-dinja saret permezz tiegħu” (cf. Ġw1, 10-11). Ġie fost “niesu” għaliex huwa “d-dawl veru, dak li jdawwal lil kull bniedem” (cf. Ġw 1, 9). L-awtorivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu tikkonsisti f’din il-“miġja” fid-dinja tal-Verb li huwa l-Iben etern.

  1. Il-Verb sar laħam u ġie jgħammar f’nofsna; u aħna rajna l-glorja tiegħu, ġlorja bħal ta’ uniġenitu tal-Missier, mimli grazzja u verità” (Ġw1, 14). Ngħiduha mill-ġdid darb’oħra: il-Prologu ta’ Ġwanni huwa l-eku etern tal-kliem li bih Ġesù jgħid: “Ħriġt mill-Missier u ġejt fid-dinja” (Ġw16, 28), u ta’ dak li bih jitlob sabiex il-Missier jigglorifikah b’dik il-glorja li huwa kellu qribu qabel ma kienet id-dinja (cf. Ġw 17, 5). L-Evanġelista għandu quddiem għajnejh ir-rivelazzjoni veterotestamentarja dwar l-Għerf, u fl-istess ħin il-ġrajja kollha paskwali: it-tluq permezz tas-salib u l-qawmien mill-imwiet, li fiha l-verità dwar Kristu, Bin il-bniedem u veru Alla, saret kompletament ċara għal dawk li kienu x-xhieda okulari tiegħu.
  2. F’rapport strett mar-rivelazzjoni tal-Verb, jiġifieri mal-preeżistenza divina ta’ Kristu, issib saħansitra konferma l-verità dwar l-Immanuel. Din il-kelma – li fit-traduzzjoni litterali tfisser “Alla magħna” – tesprimi preżenza partikolari u personali ta’ Alla fid-dinja. Dik il-“Jiena Jien” ta’ Kristu timmanifesta propju din il-preżenza diġa mħabbra minn qabel minn Iżaija (cf.7, 14), ipproklamatsa fis-segwitu tal-profeta fil-Vanġelu ta’ Mattew (cf. Mt 1, 23), u kkonfermata fil-Prologu ta’ Ġwanni: “Il-Verb sar laħam u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1, 14). Il-lingwaġġ tal-evanġelisti huwa versatili, imma l-verità li huma jesprimu hija l-istess. Fis-sinottiċi Ġesù jippronunzja il-“jiena magħkom” tiegħu b’mod partiolari fil-waqtiet diffiċli (bħal per eżempju: Mt 14, 27; Mk6, 50; Ġw 6, 20), fl-okkażjoni tat-tempesta kkalmata, kif ukoll fil-prospettiva tal-missjoni appostolika tal-Knisja: “Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20).
  3. L-espressjoni ta’ Kristu: “Ħriġt mill-Missier u ninsab fid-dinja” (Ġw16, 28) fiha sinifikat feddej soterjoloġiku. L-evanġelisti kollha jimmanifestaw dan. Il-Prologu ta’ Ġwanni jesprimih fil-kliem: “Lil dawk . . . li laqgħuh (il-Verb), tahom il-qawwa li jsiru wlied Alla”, jiġifieri l-possibiltà li jkunu ġġenerati minn Alla (cf.Ġw 1, 12-13).

Din hija l-verità ċentrali tas-soterjoloġija nisranija kollha konnessa b’mod organiku mar-realtà rivelata mill-Alla-Bniedem. SAlla sar bniedem, sabiex il-bniedem ikun jistà jieħu sehem rejalment fil-ħajja ta’ Alla, anzi jkun jistà jsir, f’ċertu sens, Alla huwa nnifsu. Diġa l-Missirijiet antiki tal-Knisja kellhom ta’ dan kuxjenza ċara. Basta nfakkru lil Sant’Irinew, li, waqt li jħeġġeġ biex insegwu lil Kristu, mgħallem uniku veru u sikur, sostna. “Għall-imħabba tiegħu mmensa huwa sar dak li aħna, biex jagħtina l-possibiltà li nkunu dak li huwa hu” (cf. S. Irenaei, Adversus haereses, V, Praef.: PG 7, 1120).

Din il-verità tiftħilna orizzonti bla tarf, li fihom  inqiegħdu l-espressjoni konkreta ta’ ħajjitna nisranija, fid-dawl tal-fidi fi Kristu, l-Iben ta’ Alla, Verb tal-Missier.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading