L-Iben jgħix biex irodd ħajr lill-Missier

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 29 ta’ Lulju 1987

21. L-Iben jgħix biex irodd ħajr lill-Missier

  1. It-talb ta’ Ġesù bħala Iben “li ħareġ mill-Missier” jesprimi b’mod partikolari l-fatt li hu “jmur għand il-Missier”. “Imur” u lejn il-Missier imexxi lil dawk kollha li l-Missier “ta lilu” (cf.Ġw16, 28.17). Lil kulħadd, barra minn hekk, iħalli l-patrimonju dejjiemi tat-talb filjali tiegħu: “Meta titolbu għidu: ‘Missierna . . .’ ” (Mt 6, 9cf. Lqc 11, 2). Kif jidher minn din il-formula mgħallma minn Ġesù, it-talb tiegħu lill-Missier huwa kkariterizzat minn diversi noti fundamenali: huwa talb mimli tifħir, mimli b’abbandun bla tarf għar-rieda tal-Missier, u , fejn għandu x’jaqsam magħna, mimli bi mplorazzjoni u b’talba ta’ maħfra. F’dan il-kuntest terġà tidħol b’mod partikolari it-talba ta’ ringrazzjament.
  2. Ġesù jgħid: “Imbierkek, o Missier, Mulej tas-sema u l-art, talli żammejt moħbijin dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u mill-intelliġenti u rrivelajthom liċ-ċkejknin . . .” (Mt11, 25). Bl-espressjoni “Imbierkek”, Ġesù jrid ifisser il-gratitudni għad-don tar-rivelazzjoni ta’ Alla, għaliex “ ħadd ma jaf lill-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jaf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jirrivelahulu” (Mt11, 27). Ukoll it-talba saċerdotali (li analizzajna fl-aħħar katekeżi), jekk tippossiedi il-karattru ta’ talba kbira li l-Iben jindirizza lill-Missier fi tmiem il-missjoni terrena tiegħu, fl-istess ħin hija wkoll ippenetrata minn sens profond ta’ ringrazzjament. Wieħed jistà saħansitra jgħid li r-ringrazzjament jikkostitwixxi l-kontenut essenzjali mhux biss tat-talba ta’ Kristu, imma tal-istess intimità eżistenzjali tiegħu mal-Missier. Fiċ-ċentru ta’ dak kollu li Ġesù jagħmel u jgħid, jinsab l-għarfien tad-don: kollox huwa don ta’Alla, ħallieq u Missier; u tweġiba adegwata għad-don hija l-gratitudni, ir-ringrazzjament.
  3. Jinħtieġ nagħmlu attenzjoni għall-passi evanġeliċi, speċjalment għal dawk ta’ San Ġwann, fejn dan ir-ringrazzjament huwa enfasizzat b’mod ċar. Tali per eżempju hija t-talba fl-okkażjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru: “Missier, niżżik ħajr li smajtni” (Ġw11, 41). Fil-multiplikazzjoni tal-ħobż (qrib Kafarnaw) “Ġesù ħa l-ħobż u, wara li iżża ħajr qassamhom fost dawk li kienu bilqiegħda u l-istess għamel bil-ħut” (Ġw 6, 11). Fl-aħħar, fit-twaqqif tal-Ewkaristija,  Ġesù qabel ma ppronunzja l-kliem tat-twaqqif fuq il-ħobż u l-imbid, “iżża ħajr”  (Lq 22, 17 cf. Mk 14, 23; Mt 26, 27). Din l-espressjoni hija wżata fuq il-kalċi tal-imbid waqt li dwar il-ħobż nitkellmu wkoll dwar il-“benedizzjoni”. Madankollu skont it-Testment il-Qadim, “tbierek lil Alla”, għandha wkoll is-sens li tgħid grazzi, barra minn dak li “tfaħħar lil Alla”, “tistqarr il-Mulej”.
  4. Fit-talb ta’ ringrazzjament tittawwal t-tradizzjoni bibblika li ssib l-espressjoni b’mod speċjali fis-Salmi, “Sabiħ li tfaħħar il-Mulej u tkanta ismu, o l-Iktar Għoli . . . Għaliex nifraħ, Mulej, bl-għeġubijiet tiegħek, nifraħ bil-kbir għall-opri ta’ jdejk” (Sal92, 2-5). “Iċċelebraw il-Mulej għaliex huwa tajjeb, għaliex eterna l-ħniena tiegħu. Jgħiduh il-mifdijin tal-Mulej . . . Jiżżu ħajr lill-Mulej għall-ħniena tiegħu u għall-għeġubijiet tiegħu favur il-bnemin. Joffru lilu sagrifiċċji ta’ tifħir” (“zebah todah”) (Sal107, 1.2.21-22). “Iċcelebraw il-Mulej, għaliex hu tajjeb; għaliex eterna l-ħmiena tiegħu . . . Niżzik ħajr għaliex smajtni, għaliex kont is-salvazzjoni tiegħi . . .Alla tiegħi int u niżżik ħajr, int Alla tiegħi u nfaħħrek” (Sal 118, 1.21.28). “X’se nagħti lill-Mulej għal dak kollu li tani? . . . Lilek noffri sagrifiċċji ta’ tifħir u nsejjaħ l-isem tal-Mulej” (Sal 116, 12.17). Infaħħrek,  għaliex għamiltli bħal għaġeb; stupendi l-opri tiegħek, inti tafni sal-qiegħ” (Sal 139, 14). “O Alla, sultan tiegħi, irrid infaħħrek u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem” (Sal 145, 1).
  5. Ukoll fil-Ktieb ta’ Sirak naqraw: “Bierku l-Mulej għall-opri kollha tiegħu. Faħħru ismu; xandru t-tifħir tiegħu . . .Għidu hekk fit-tifħir tagħkom: “Kemm huma kbar l-opri kollha tal-Mulej”. “Kull diżpożizzjoni tiegħu isseħħ fi żmiena”. M’hemmx għalfejn ngħidu: “Dan x’inhu? Għalfejn dan?” Ġaladarba l-ħwejjeġ kollha ġew maħluqa bi skop” (Sir39, 14-15.21). L-eżortazzjoni ta’ Sirak biex “ibierek lill-Mulej” għandha ton didattiku.
  6. Ġesù irċieva dan il-wirt hekk sinifikattiv għat-Testment il-Qadim, waqt li wettaq fit-tradizzjoni tal-barka-stqarrija-tifħir id-dimensjoni tar-ringrazzjament. Għalhekk wieħed jistà jgħid li l-waqt kulminanti ta’ din it-tradizzjoni bibblika jseħħ fl-aħħar ċena, meta Kristu jwaqqaf is-sagrament ta’ ġismu u ta’ demmu fis-sagrifiċċju tas-salb. Bħal ma jikteb San Pawl: “Il-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih ġie ttradut, qabad xi ħobż u, wara li kien iżża ħajr, qasmu u qal: Dan huwa ġismi li huwa għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor11, 23-24). B’mod simili l-evanġelisti sinottiċi minn naħa tagħhom, jitkellmu dwar ir-ringrazzjament fuq il-kalċi: “Imbagħad ħa l-kalċi u iżża ħajr, tah lilhom u xorbu lkoll. U qal: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, imxerred għal ħafna”” (Mk14, 23-24; cf. Mt26, 27; Lq 22, 17).
  7. L-oriġinal Grieg tal-espressjoni “iżża ħajr” huwa “eucharistésas” (minn “eucaristein”), li minnha ġejja Ewkaristija. Hekk mela s-sagrifiċċju tal-ġisem u tad-demm stabbilit bħala s-santissimu Sagrament tal-Knisja jikkostitwixxi it-twettiq u fl-istess ħin is-superament ta’ dawk is-sagrifiċċji ta’ barka u ta’ tifħir li dwarhom jitkellmu s-Salmi (“zebah todah”). Il-komunitajiet insara, sa minn żminijiet antiki kienu jgħaqqdu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija mar-ringrazzjament, kif juri t-test tad-“Didaché” (kitba magħmula bejn l-aħħar tal-ewwel seklu u l-bidu tat-tieni seklu. Probabilment fis-Sirja, forsi fl-istess Antijokja):

Niżzuk ħajr, o Missierna,, għall-ħajja qaddisa ta’ David qaddej tiegħek, li għamilt li jkun żvelat lilna minn Ġesù Kristu qaddej tiegħek . . .

Niżżuk ħajr, o Missierna,, għall-ħajja u għall-għarfien li għamilt li jkun żvelat lilna minn Ġesù Kristu qaddej tiegħek . . .

Niżżuk ħajr, o Missierna, għal ismek qaddis, li għamilt li  jgħammar ġewwa qlubna, u għall-għarfien, il-fidi u l-immortalità li għamilt li jkunu żvelati lilna minn Ġesù Kristu qaddej tiegħek” (Didaché 9,2-3; 10,2).

  1. Il-kantiku ta’ ringrazzjament tal-Knisja li jakkumpanja ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, jitnissel mill-intimu ta’ qalbu, u anzi mill-qalb innifisha tal-Iben, li kien jgħix bir-ringrazzjament. Jistà jingħad sewwa li t-talb, u anzi l-eżistenza kollha tiegħu terrena saret rivelazzjoni ta’ din il-verità fondamentali espressa fl-Itra ta’ Ġakbu: “Kull rigal tajjeb u kull rigal perfett jiġi minn fuq u jinżel mingħand il-Missier tad-dawl . . . ” (Lq 1, 17). Waqt li jgħix bir-ringrazzjament, Kristu, Bin il-bniedem, “Adam il-ġdid” jegħleb id-dnub minn l-istess għeruqu li taħt l-impatt ta’ “missier il-gideb”, kien ikkonċeput fir-ruħ “tal-ewwel Adam” (cf. Ġen 3). Ir-ringrazzjament jagħti lura lill-bniedem l-għarfien tad-don mogħti minn naħa ta’ Alla sa “mill-bidu” u fl-istess ħin jesprimi id-disponibbiltà tal-bdil tar-rigal: nagħtu bil-qalb kollha lil Alla lilna nfusna u kull ħaġa. Dan qisu restituzzjoni, għaliex kollox għandu fih il-bidu tiegħu u s-sors tiegħu.

Gratias agamus Domino Deo nostro”: (“Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna”) hija l-istedina li l-Knisja tpoġġi fiċ-ċentru tal-liturġija ewkaristka. Ukoll f’din l-eżortazzjoni jivvibra qawwi l-eku tar-ringrazzjament, li bih kien jgħix fuq l-art l-Iben ta’ Alla. U l-leħen tal-poplu ta’ Alla jwieġeb b’xhieda korali umli u kbira: “Dignum et iustum est”, “Hekk sewwa u xieraq!”.

 

Migjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading