Ġesù Kristu, l-Iben li jgħix għall-Missier

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 15 ta’ Lulju 1987

19. Ġesù Kristu, l-Iben li jgħix għall-Missier.

  1. Fil-katekeżi preċedenti kkunsidrajna lil Ġesù Kristu bħala Iben intimament magħqud mal-Missier. Din l-għaqda tippermettilu u timponilu li jgħid: “il-Missier huwa fija, u jien fil-Missier”, mhux biss fil-konversazzjoni konfidenzjali taċ-ċenaklu, imma wkoll fid-dikjarazzjoni pubblika magħmula waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tat-Tined (cf.Ġw 7, 28-29). U anzi, mill-ġdid b’mod iktar ċara Ġesù jasal biex jenfasizza: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30). Tali kliem jiġi meqjus bħala dagħa u jipprovoka r-rejazzjoni vjolenta tas-semmiegħa: “Qabdu xi ġebel biex iħaġġruh” (cf. Ġw 10, 31). Infatti skont il-liġi ta’ Mosè id-dagħa kellu jkun ikkastigat bil-mewt (cf. Dt 13, 10-11).
  2. Issa huwa mportanti nagħrfu li teżisti rabta organika bejn il-verità ta’ din l-għaqda intima tal-Iben mal-Missier u l-fatt li Ġesù iben jgħix totalment “għall-Missier”. Infatti nafu li l-ħajja kollha, l-eżistenza terrena ta’ Ġesù hija ndirizzata konstantament lejn il-Missier u hija mogħtija lill-Missier bla riservi. Meta kien għad kellu biss tnax-il sena, Ġesù, bin Marija, kellu kuxjenza preċiża tar-relazzjoni tiegħu mal-Missier u jieħu atteġġjament koerenti biċ-ċertezza nterna tiegħu. Għalhekk għaċ-ċanfira ta’ Ommu, meta flimkien ma’ San Ġużepp sabuh fit-tempju wara li kien ilhom tlett ijiem ifittxuh, huwa wieġeb: “Ma tafux li jien irrid nieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieri?” (Lq2, 49).
  3. Ukoll fil-katekeżi preżenti nirreferu qabel xejn għat-test tar-rabà Vanġelu, għaliex il-kuxjenza u l-atteġġjament immanifestati minn Ġesù ta’ biss tnax-il sena jsibu l-għerq profond tagħhom f’dak li naqraw fil-bidu tad-diskors kbir ta’ addijo li, skont San Ġwann, hu ppronunzja waqt l-aħħar ċena, fi tmiem ħajtu, waqt li kien wasal biex iwassal għal tmiemha l-missjoni messjanika tiegħu. L-evanġelista jgħid dwaru li “meta waslet sigħetu . . . (huwa kien jaf) li l-Missier kien tah kollox f’idejh u li hu li kien ġie mingħand Alla u għand Alla kien sejjer lura”(Ġw 13, 3).

L-Ittra lil-Lhud tesponi l-istess verità, waqt li tirreferi b’ċertu mod għall-istess prieżistenza ta’ Ġesù Iben ta’ Alla: “Waqt li daħal fid-dinja Kristu jgħid: “Int la ridt olokawsti linqas sagrifiċċji għad-dnub. Allura għidt: Hekk hu jiena niġi – minħabba li dwari hem miktub fir-romblu tal- ktieb – biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek”” (Eb 10, 5-7).

  1. Tagħmel ir-rieda” tal-Missier, fil-kliem u fl-opri ta’ Ġesù jfisser: “tgħix” għall-Missier totalment. “Bħal ma l-Missier, li għandu l-ħajja, bagħat lili . . . jien ngħix għall-Missier” (Ġw6, 57), jgħid Ġesù fil-kuntest tat-tħabbir tat-twaqqif tal-Ewkaristija. Li jwettaq ir-rieda tal-Missier huwa għal Kristu l-istess ħajja, huwa stess jimmanifestah bil-kliem indirizzat lid-dixxipli wara l-laqgħa mas-Sammaritana: “L-ikel tiegħi huwa li nagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu” (Ġw4, 34). Ġesù jgħix bir-rieda tal-Missier. Dan huwa l-“ikel” tiegħu.
  2. U hu jgħix b’dan il-mod jew aħjar totalment indirizzat lejn il-Missier – minħabba li “ħareġ” mill-Missier u għand il-Missier “imur”, billi jaf li l-Missier “tah f’idejh kull ħaġa” (Ġw3, 35). Waqt li jħalli lilu nnifsu jiġi ggwidat f’kollox minn din il-kuxjenza, Ġesù jipproklama quddiem ulied Iżrael: “Jiena iżda għandi xhieda superjuri minn dik ta’ Ġwanni (jiġifieri minn dik li ta Ġwanni l-Battista): l-opri li l-Missier tani biex inwettaq, dawk l-istess opri li jiena qed inwettaq, jixhdu dwari li l-Missier bagħatni”(Ġw5, 36). U fl-istess kuntest: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, l-Iben waħdu ma jistà jagħmel xejn jekk mhux dak li jara jagħmel lill-Missier:dak li hu jagħmel, ukoll l-Iben jagħmlu” (Ġw 5, 19). U jżid: “”Bħal ma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħti l-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid” (Ġw 5, 21).
  3. Il-pass tad-diskors ewkaristiku (minn Ġw6), li tkellimna dwaru ftit ilu: “Bħal ma l-Missier, li għandu l-ħajja, bagħat lili . . . jiena ngħix għall-Missier”, jiġi kultant tradott b’dan il-mod ieħor: “Jien ngħix permezz tal-Missier” (w 6, 57). Il-kliem ta’ Ġw 5 li għadna kemm irriferejna għalih jarmonizza ruħu b’din it-tieni interpretazzjoni. Ġesù jgħix “permezz tal-Missier”  fis-sens li dak kollu li jagħmel jikkorrispondi pjenament mar-rieda tal-Missier: hu dak kollu li il-Missier innifsu jagħmel.  Propju minħabba dan il-ħajja umana tal-Iben, l-aġir tiegħu, l-eżistenza umana tiegħu, huwa b’mod hekk komplet indirizzat lejn il-Missier – Ġesù jgħix għal kollox “għall-Missier” – għaliex fih is-sors ta’ kollox huwa l-għaqda eterna mal-Missier:  “Jiena u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30). L-opri tiegħu huma l-prova tal-komunjoni stretta tal-Persuni divini. Fihom l-istess divinità timmanifesta ruħha bħala unità tal-Missier u tal-Iben: il-verità li qanqlet tant oppożizzjoni fost is-semmiegħa.
  4. Kważi bi previżjoni tal-konsegwenzi ulterjuri ta’ dik l-oppożizzjoni, Ġesù jgħid f’waqt ieħor tal-konflitt mal-Lhud: “Meta tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem allura ssiru tafu li “Jien jien” u li ma nagħmel xejn minn jeddi, imam kif għallimni l-Missier, hekk jien nitkellem. Dak li bagħatni huwa miegħi u ma telaqnix waħdi, sabiex jien dejjem nagħmel l-affarijiet li jogħġbu lilu” (Ġw8, 28-29).
  5. Tassew Ġesù wettaq ir-rieda tal-Missier sal-aħħar. Bil-passjoni u l-mewt fuq is-salib ikkonferma “li dejjem għamel il-ħwejjeg li jogħġbu lill-Missier”: wettaq ir-rieda feddejja għall-fidwa tad-dinja, li fiha l-Missier u l-Iben huma magħqudin għaliex eternament huma “ħaġa waħda” (Ġw 10, 30). Meta kien qed imut fuq is-salib, Ġesù “għajjat b’leħen għoli: Missier f’idejk nerħi ruħi”” (cf. Lq 23, 46), dawn l-aħħar kelmiet tiegħu jixhdu li sal-aħħarnett l-eżistenza terrena kollha tiegħu kienet indirizzata lill-Missier. Waqt li għex – bħala Iben – “(permezz tal-)Missier” kien jgħix totalment “għall-Missier”. U il-Missier, bħal ma kien qallu minn qabel, “ma ħallihx waħdu”. Fil-misteru paskwali tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet twettqu l-kliem: “Meta tkunu għollejtu lill-bin il-bniedem, allura tkunu tafu li Jien Jien. “Jiena Jien”: l-istess kliem li bihom darba waħda l-Mulej – l-Alla l-ħaj – kien wieġeb  għad-domanda ta’ Mosè rigward ismu  (cf. Es 3, 13-14).
  6. Naqraw fl-Ittra lil-Lhud diversi espressjonijiet estremament konfortanti: “Għalhekk Ġesù jistà b’mod perfett isalva lil dawk li permezz tiegħu jersqu lejn Alla, billi huwa dejjem ħaj biex jinterċedi favur tagħhom” (Eb7, 25). Dak li bħala Iben “tal-istess sustanza tal-Missier” jgħix “(permezz tal-)Missier”, irrivela lill-bniedem it-triq tal-fidwa eterna. Naqbdu aħna wkoll din it-triq u nkomplu mexjin ‘l quddiem fiha, waqt li nieħdu sehem f’dik il-ħajja  “għall-Missier “, li l-milja tagħha tibqà għal dejjem fi Kristu.

 

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading