L-Iben jitkellem mal-Missier fit-talb

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 22 ta’ Lulju 1987

20. L-Iben jitkellem mal-Missier fit-talb. 

  1. Ġesù Kristu huwa l-Iben magħqud intimament mal-Missier: L-Iben li kompletament “igħix għall-Missier” (cf. Ġw 6,57); L-Iben li l-eżistenza terrena tiegħu kollha hija mogħtiha bla riservi lill-Missier, Ma dawn it-temi ttrattati fl-aħhar katekeżi, tintrabat b’mod strett dik tat-talb ta’ Ġesù, argument tal-katekeżi tallum. Propju fit-talb infatti tinsab l-espressjoni partikolari tagħha il-fatt li l-Iben huwa magħqud mal-Missier b’mod intimu, lilu mogħti, lejh ndirizzat bl-eżistenza umana tiegħu kollha. Dan ifisser li t-tema tat-talb ta’ Ġesù diġa tinsab impliċitament fit-temi preċedenti,  u għalhekk wieħed jistà jgħid b’wiċċu minn quddiem li Ġesù ta’ Nażżaret “kien jitlob mingħajr ma jgħejja”  (cf. Lq 18, 1). It-talb kien il-ħajja ta’ ruħu, u ħajtu kollha kienet talba. L-istorja tal-umanità ma taf lil ebda persunaġġ ieħor li b’tali milja – u b’tali mod – kien jingħaqad ma’ Alla fit-talb bħal Ġesù ta’ Nażżret: bin il-bniedem u fl-istess ħin Bin Alla, “tal-istess sustanza tal-Missier”.
  2. Bdanakollu hemm xi passi fil-Vanġelu li jenfasizzaw it-talb ta’ Ġesù, waqt li jiddikkjaraw b’mod espliċitu li “Ġesù kien jitlob”. Dan iseħħ f’diversi waqtiet tal-jum u tal-lejl u f’ċirkustanzi varji. Hekk huma xi wħud: “Filgħodu qam meta kien għadu d-dlam u, wara li ħareġ mid-dar, irtira f’post deżert u hemm talab” (Mk1, 35). Dan kien jagħmlu mhux biss fil-bidu tal-jum (it-“talb ta’ filgħodu), iżda wkoll matul il-jum u filgħaxija, u b’mod speċjali billejl. Infatti naqraw: Folol kbar kienu jiġu biex jisimgħuh u jaraw li jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Imma Ġesù kien jirtira f’postijiet solitarji biex jitlob (Lq5, 15-16). U darb’oħra: “Wara li bagħat il-folla, telà fuq il-muntanja waħdu, biex jitlob. Meta wasal filgħaxija, huwa kien għadu waħdu hemm fuq” (Mt 14, 23).
  3. L-evanġelisti jenfasizzaw il-fatt li t-talb kien isegwi l-ġrajjiet ta’ mportanza partikolari fil-ħajja ta’ Krisu: “Meta l-poplu kollu kien tgħammed, u waqt li Ġesù, li hu wkoll irċieva l-magħmudija, kien qed jitlob, is-smewwiet infetħu . . .” (Lq3, 21), u hawn issegwi d-deskrizzjoni tat-teofanija li seħħet waqt il-magħmudija fil-Ġordan. Analogament it-talb għamilha ta’ ntroduzzjoni għat-teofanija fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni : “ . . . ħa miegħu lil Pietru, Ġwanni u Ġakbu u telà fuq il-muntanja biex jitlob. U waqt li kien jitlob, wiċċu bidel id-dehra tiegħu . . ..” (Lq9, 28-29).
  4. It-talb kien jikkostitwixxi wkoll it-tħejjija għal deċiżjonijiet importanti u għal waqtiet ta’ rilevanza kbira għall-missjoni messjanika ta’ Kristu. Hekk fil-waqt tal-bidu tal-ministeru pubbliku, huwa jirtira fid-deżert biex isum u jitlob (cf.Mt4, 1-11 e par.); u wkoll qabel l-għażla tal-appostli, Ġesù mar fuq il-muntanja jitlob u għadda l-lejl fit-talb. Meta sebaħ sejjaħ lid-dixxipli tiegħu maġembu u għażel tnax minnhom li tahom l-isem ta’ appostli” (Lq 6, 12-13). Hekk ukoll, qabel l-istqarrija ta’ Pietru qrib Ċesarea ta’ Filippu : “ . . waqt li Ġesù kien jinsab f’post  imwarrab biex jitlob u d-dixxipli kienu miegħu, għamlilhom din id-domanda: “Min jien skont in-nies?” Huma weġbuh: “Għal xi wħud int Ġwanni l-Battista, għal oħrajn Elija, għal oħrajn wieħed mill-profeti antiki li qam mill-mewt”. Allura staqsiehom “Imma intom min tgħidu li jien?” Pietru waqt li ħa l-kelma f’idejh wieġeb: “Il-Kristu ta’ Alla”” (Lc 9, 18-20).
  5. Tokkanti b’mod profond hija t-talba tal-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru: “Allura Ġesù għolla għajnejh u qal: “Missier, niżżik ħajr li smajtni. Jien kont naf li dejjem inti rismagħni, imma għedt dan għan-nies li hawn madwari, sabiex jemmnu li inti bgħattni (Ġw11, 41-42).
  6. It-talba waqt l-aħħar ċena (l-hekk imsejħa talba saċerdotali), jeħtieġ li nġbuha hawn kollha kemm hi. Nippruvaw talinqas nikkunsidraw il-passi, li għadhom ma ġewx ikkwotati fil-katekeżi preċedenti. Hekk hu: “B’għajnejh mgħollijin lejn is-sema . . . Ġesù qal: “Missier, waslet is-siegħa, igglorifika lill-Iben tiegħek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek. Għaliex inti tajtu s-setgħa fuq kull esseri uman, sabiex huwa jagħti l-ħajja eterna lil dawk kollha li inti tajtu”” (Ġw17, 1-2). Ġesù jitlob għal dak li huwa l-għan essenzjali tal-missjoni tiegħu: il-glorja ta’ Alla u l-fidwa tal-bnedmin. U jżid: “Din hija l-ħajja eterna: li jagħrfu lilek, l-uniku veru Alla u dak li bagħat lil Ġesù Kristu . . . Jien igglorifikajtek fuq l-art, waqt li wettaqt l-opra li tajtni biex nagħmel. U issa, Missier, igglorifikani quddiemek b’dik il-glorja li kont ħadt minnek qabel ma kienet id-dinja” (Ġw 17, 3-5).
  7. Waqt li kompla t-talba, l-Iben jagħti kont lill-Misser dwar il-missjoni terrena tiegħu: “Għarraft ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek u int tajthom lili u huma osservaw kelmtek. Issa huma jafu li l-ħwejjeġ kollha li tajtni, ġejjin mingħandek ” . . . (Ġw17, 6-7). Imbagħad iżid: “Jien nitlob għal dawk li tajtni, għaliex huma tiegħek . . .” (Ġw17, 9). Huma dawk li “laqgħu” l-kelma ta’ Kristu, dawk li “emmnu” li l-Missier bagħtu. Ġesù jitlob b’mod speċjali għalihom, għaliex “huma jinsabu fid-dinja waqt li jien ġej għandek” (Ġw 17, 11). Jitlob sabiex “ikunu ħaġa waħda”, sabiex “ebda wieħed minnhom ma jintilef “u hawn l-Imgħallem jiftakar “lil bin it-telfien”), sabiex “fihom ikollhom il-milja tal-ferħ tiegħi” (Ġw 17, 13). Fil-prospettiva tat-tluq tiegħu waqt li d-dixxipli jkollhom jibqgħu fid-dinja u jkunu esposti għall-mibegħda għaliex “huma mhumiex tad-dinja”, hekk bħala l-Imgħallem tagħhom, Ġesù jitlob: “Ma nitolbokx biex tneħħihom mid-dinja imma li tħarishom mit-tiġrib” (Ġw 17, 15).
  8. Dejjem fit-talba taċ-ċenaklu Ġesù jitlob għad-dixxipli : “Ikkonsagrahom fil-verità. Kelmtek hija verità. Bħal ma inti bgħattni fid-dinja, jiena wkoll bgħatthom fid-dinja; għalihom jien nikkonsagra lili nnifsi, sabiex ikunu huma wkoll kkonsagrati fil-verità” (Ġw17, 17-19). Suċċessivament Ġesù jħaddan permezz tal-istess talba l-ġenerazzjonijiet futuri tad-dixxipli tiegħu. Jitlob b’mod speċjali għall-għaqda, sabiex “id-dinja tkun taf li inti bgħattni u li inti ħabbejthom bħal ma tħobb lili” (Ġw17, 23). Lejn it-tmiem tal-invokazzjoni tiegħu, Ġesù jerġà jdur fuq il-ħsibijiet msemmija qabel, waqt li mill-ġdid jenfasizza iktar l-importanza tagħhom. F’tali kuntest jitlob għal dawk kollha li l-Missier tah” sabiex ikunu miegħi fejn inkun jien, sabiex jikkontemplaw il-glorja tiegħi, dik li inti tajtni; ġaladarba int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Ġw 17, 24).
  9. Verament it-“talba saċerdotali” ta’ Ġesù hija s-sintesi ta’ dik l-awtorivelazzjoni ta’ Alla fl-Iben, li tinsab fiċ-ċentru tal-Vanġeli. L-iben ikellem lill-Missier f’isem dik l-għaqda li jifforma miegħu (Int, Missier, int fija u jiena fik” (Ġw17, 21)). U fl-istess ħin jitlob sabiex jinfirex fost il-bnedmin il-frott tal-missjoni feddejja li għaliha huwa ġie fid-dinja . Hekk jirrivela l- “mysterium Ecclesiae”, li jitnissel mill-missjoni feddejja tiegħu u jitlob għall-iżvilupp futur tiegħu f’nofs id-“dinja”. Jiftaħ il-prospettiva tal-glorja, li għaliha huma msejħin flimkien miegħu dawk kollha li “jilqgħu” kelmtu.
  10. Jekk fit-talba tal-aħhar ċena nisimgħu lil Ġesù jkellem lill-Missier bħala Ibnu “konsustanzjali”, fit-talb fil-Ġetsemani, li jsegwi ftit ħin wara, tispikka b’mod speċjali l-verità tiegħu ta’ bin il-bniedem. “Ruħi mdejqa għall-mewt. Ibqgħu hawn u għassu” (Mk14, 34) jgħid lil tiegħu waqt li daħlu fil-ġnien taż-żebbuġ. Kif safa waħdu, inxteħet mal-art u l-kliem ta’ talbu jipprova l-profondità tat-tbatija tiegħu. Infatti jgħid: “Abbà, Missier! Kollox huwa possibbli għalik, biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int”. (Mk14, 36).
  11. Donnu li b’mod partikolari għal dan it-talb jirreferu l-kliem tal-Ittra lil-Lhud: “Hu fil-jiem ta’ ħajtu fuq din l-art offra talb u suppliki bi krib u biki qawwi lil dak li setà ħelsu mill-mewt”. U hawn l-Awtur tal-Ittra jżid li “kien mismugħ minħabba l-ħniena tiegħu” (Eb5, 7). Iva. Ukoll it-talb tal-Ġetsemani kien mismugħ, ġaladarba wkoll fih bil-verità kollha tal-atteġġjament uman lejn t-tbatija –tinħass b’mod speċjali l-għaqda ta’ Ġesù mal-Missier fir-rieda li jifdi d-dinja, li hija fl-oriġni tal-missjoni feddejja tiegħu.
  12. Bla ebda dubju ta’ xejn Ġesù kien jitlob fid-diversi ċirkustanzi li kienu jirriżultaw mit-tradizzjoni u mil-liġi reliġjuża ta’ Iżrael, bħal meta ta’ tnax-il sena, telà mal-ġenituri fit-tempju ta’ Ġerusalem (cf.Lq2, 41ss.); jew meta, kif jirreferu l-evanġelisti, kien jidħol “skont kif soltu fis-sinagoga nhar ta’ Sibt” (cf. Lq 4, 16). Madankollu attenzjoni speċjali jimmerita dak li jgħidu l-vanġeli dwar it-talb personali ta’ Kristu. Il-Knisja qatt ma nsietu u ssib mill-ġdid fid-djalogu personali ta’ Kristu ma’ Alla s-sors, l-ispirazzjoni, il-qawwa tat-talb tagħha stess. F’Ġesù jitlob infatti tesprimi bil-mod l-iktar personali il-misteru tal-Iben, li “jgħix” totalment “għall-Missier”, f’għaqda intima miegħu.  

 

Migjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading