Emmnu f’Alla u emmnu fija


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 21 t’Ottubru 1987

31. Emmnu f’Alla u emmnu fija.

  1. Il-fatti, li analizzajna fil-katekeżi preċedenti, fit-totalità tagħhom huma elokwenti u konklussivi dwar il-kuxjenza tad-divinità propja li Ġesù juri li għandu meta jirreferi għalih innifsu l-isem ta’ Alla, l-attributi divini, il-poter ta’ ħaqq finali fuq l-opri tal-bnedmin kollha, il-poter tal-maħfra tad-dnubiet, il-poter fuq l-istess Liġi ta’ Alla. Dawn huma kollha aspetti tal-verità unika minnu stabbilita b’mod qawwi, dik ta’ li hu veru Alla,, ħaġa waħda mal-Missier. Dan hu dak li hu jgħid b’mod miftuħ lil-Lhud waqt li jitkellem magħhom fit-tempju f’jum il-festa tad-Dedikazzjoni: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw10, 30).U madankollu fl-attribuzzjoni lilu nnifsu ta’ dak li huwa propju ta’ Alla, Ġesù jitkellem dwaru nnifsu bħala “Bin il-bniedm”, kemm għall-unità personali tal-bniedem u ta’ Alla fih, kif ukoll biex isegwi l-pedagoġija magħżula tat-tmexxija b’mod gradat tad-dixxipli, kważi jżommhom minn idhom, għall-kobor u l-profondità misterjuża tal-verità tiegħu. Bħala “bin il-bniedem” huwa ma jaħsibhiex darbtejn li jitlob: “Ikollkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija” (Ġw 14, 1).

L-iżvolġiment tad-diskors kollu tal-kapitoli 14-17 ta’ Ġwanni u b’mod speċjali t-tweġibiet mogħtija minn Ġesù lil Tumas u lil Filippu, jippruvaw li meta huwa jitlob li jemmnu fih, dan huwa mhux biss tal-fidi fil-Messija bħala l-Midluk u l-Mibgħut minn Alla, iżda tal-fidi fl-Iben li huwa tal-istess sustanza tal-Missier, “Ikkolkom fidi f’Alla u jkollkom fidi wkoll fija” (Ġw 14, 1).

  1. Dan il-kliem jiġi eżaminat fil-kuntest tad-djalogu ta’ Ġesù mal-appostli fl-aħħar ċena, irrappurtat fil-Vanġelu ta’ Ġwanni. Ġesù jgħid lill-appostli li se jmur biex iħejjilhom post f’dar il-Missier (cf.Ġw14, 2-3). U meta Tumas jistaqsih it-triq biex imur f’dik id-dar, ta’ dik is-saltna ġdida, Ġesù jwieġeb li hu huwa t-triq, il-verità u l-ħajja (cf. Ġw 14, 6). Meta Filippu jitolbu li juri l-Missier lid-dixxipli, Ġesù jwieġeb b’mod assolutament uniku: “Urina l-Missier”? Ma temminx li jien fil-Missier u l-Missier huwa fija? Il-kliem li jien ngħidilkom ma ngħidux minn jeddi; imma l-Missier li huwa fija jwettaq l-opri tiegħu. Emmnuni: Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija; jekk xejn emmnuh għal ġieħ l-opri nfushom” (cf. Ġw 14, 9-11).

Mhux possibbli li wieħed jaħrab mill-ħafna ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù dwar l-intelliġenza umana, jekk ma jitlaqx diġa  a prijori minn preġudizzju antidivin. Għal dawk li jammettu l-Missier, u li anzi  jfittxuh b’mod karitatevoli, Ġesù juri lilu nnifsu u jgħid: “Araw: il-Missier huwa fija!”

  1. Jekk xejn, biex joffri xi mottivi ta’ kreibiltà, Ġesù jappella għall-opri tiegħu: għal dak kollu li wettaq f’għajnejn id-dixxipli u tan-nies kollha. Dawn huma opri qaddisa u spiss mirakolużi, magħmulin bħala sinjali tal-verità tiegħu. Għal dan jimmerita li jkollu fidi fih. Ġesù jgħidu mhux biss fiċ-ċirku tal-appostli, imma quddiem il-poplu kollu. Infatti naqraw li fil-jum wara d-daħla trijonfali f’Ġerusalem, il-folla kbira li marret għaċ-ċelebrazzjonijiet paskwali kienet qiegħda tiddiskuti dwar il-figura ta’ Kristu u fil-parti l-kbira ma kinitx temmen f’Ġesù, “alavolja kien wettaq tant sinjali quddiemhom” (Ġw12, 37). Ħin minnhom “Ġesù . . . għajjat b’leħen għoli: Min jemmen fija, ma jemminx fija, imma f’dak li bagħatni; min jara lili jara lil dak li bagħatni” (Ġw12, 44). Nistgħu mela ngħidu li Ġesù Kristu jidentifika lilu nnifsu ma’ Alla bħala oġġett tal-fidi mitluba u proposta lis-segwaċi tiegħu. U jispjegalhom: “Il-ħwejjeġ mela li jien ngħid, ngħidhom bħal ma l-Missier tahomli” (Ġw 12, 50): allużjoni trasparenti għall-espressjoni eterna li għaliha l-Missier jiġġenera l-Verb Iben fil-ħajja trinitarja.

Din il-fidi marbuta mal-opri u mal-kliem ta’ Ġesù, issir “konsegwenza loġika” għal dawk li onestament jisimgħu lil Ġesù, josservaw l-opri tiegħu, jirriflettu dwar kliemu. Imma hi hija wkoll il-premessa u l-kondizzjoni li Ġesù stess jesiġi minn dawk li jridu jsiru dixxipli tiegħu jew jibbenefikaw mill-poter divin tiegħu.

  1. Sinifikattiv għal dan ir-rigward huwa dak li Ġesù jgħid lill-missier tat-tifel epilettiku, invażat minn ċkunitu minn “spirtu mutu” li kien iġennu b’mod impressjonanti. L-imsejken missier jitlob lil Ġesù: “Jekk tistà tagħmel xi ħaġa, ikollok ħniena minna u għinna. Ġesù jgħidlu: Jekk tistà! Kollox huwa possibbli għal min jemmen. Missier it-tifel wieġeb b’leħen għoli: Nemmen, għinni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi” (Mk9, 22-23). U Ġesù jwettaq il-fejqan u l-ħelsien ta’ dak l-iżventurat. Irid iżda minn missier it-tifel fetħa tar-ruħ fil-fidi. Dan hu dak li tawh mal-mixja tas-sekoli tant krejaturi umli u magħdura, li bħal missier l-epilettiku daru lejh biex jitolbuh għajnuna fil-bżonnijiet temporali u speċjalment f’dawk spiritwali.
  2. Fejn iżda l-bnedmin tkun xi tkun il-kondizzjoni soċjali u kulturali tagħhom, jopponulu reżistenza ġejja mill-kburija u l-inkredulità, Ġesù jikkastiga dan l-atteġġjament tagħhom billi ma jaċċettahomx għall-benefiċċji pprovduti mill-poter tiegħu divin. Sinifikattiv u mpressjonanti huwa dak li naqraw dwar in-nies ta’ Nażżaret, li fosthom Ġesù kien irritorna wara l-bidu tal-ministeru tiegħu u t-twettiq tal-ewwel mirakli. Huma mhux biss stagħġbu bid-duttrina tiegħu u bl-opri tiegħu, imma saħansitra kienu “skandalizzaw ruħhom bih”, jew aħjar kienu tkellmu u ttrattawh b’nuqqas ta’ twemmin u ostilità bħala persuna mhix milqugħa.

“Iżda Ġesù qalilhom: profeta mhuwiex immaqdar jekk mhux f’pajjiżu, fost qrabatu u f’daru. U ma setà jagħmel ebda miraklu, għajr li poġġa jdejh fuq xi morda u fejjaqhom. U stagħġeb bin-nuqqas ta’ twemmin tagħhom” (Mk 6, 4-6). Il-mirakli huma “sinjali” tal-poter divin ta’ Ġesù. Meta l-preklużjoni stinata tal-għarfien ta’ tali poter, il-miraklu jitlef ir-raġuni tiegħu li jsir. Mill-bqija ukoll lid-dixxipli, li wara l-fejqan tal-epilettiku jistaqsu lil Ġesù għaliex huma, li għalkemm kienu rċevew il-poter mingħandu, ma kienx irnexxilhom ikeċċu xitan, huwa jwieġeb: “minħabba l-ftit fidi tagħkom. Fis-sewwa ngħidilkom: Jekk għandkom fidi daqs ta’ żerriegħa tas-senapa, tistgħu tgħidu lil din il-muntanja; sposta ruħek minn hawn, u hi tiċċaqlaq, u xejn ma jkunilkom impossibbli” (Mt 17, 19-20). Dan huwa lingwaġġ figurattiv u iperboliku, li bih Ġesù jrid jistampa fis-segwaċi tiegħu il-bżonn u l-qawwa tal-fidi.

  1. U meta Ġesù jenfasizza wkoll fil-konklużjoni tal-miraklu tal-imwieled għama, meta jiltaqà miegħu u jistaqsih: “Int temmen f’Bin il-bniedem? Dan wieġbu: U min hu, Mulej, sabiex nemmen fih? Ġesù qallu: Inti rajtu, dak li qed ikellmek huwa propju hu. U hu qal: Jiena nemmen, Mulej! U nxteħet minn tulu quddiemu” (Ġw9, 35-38). Dan huwa l-att ta’ fidi ta’ bniedem umli, xbiha tal-umli kollha li jfittxu lil Alla (cf.Dt 29, 3; Iż 6, 9-10; Ger 5, 21; Eż 12, 2). Huwa jikseb il-grazzja ta’ vista mhux biss fiżika, imma spiritwali, għaliex għaraf lil “Bin il-bniedem”, b’differenza tal-awtosuffiċjenti li jafdaw biss fl-imsiebaħ tagħhom u jirrifjutaw d-dawl li jiġi minn fuq u allura jikkundanaw lilhom infushom, quddiem Kristu u Alla, biex  jibqgħu għomja. (cf. Ġw 9, 39-41).
  2. L-importanza deċiżiva tal-fidi tidher b’xhieda wkoll ikbar fid-djalogu bejn Ġesù u Marta quddiem il-qabar ta’ Lażżru: “Ġesù qalilha: ħuk jerġa jqum. Weġbitu Marta: Naf li għad jerġà jqum fl-aħħar jum. Ġesù qalilha; Jien il-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix: kulmin jgħix u jemmen fija ma jmut qatt. Temmnu inti dan? Weġbitu: Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla li għandu jiġi fid-dinja” (Ġw11, 23-27). U Ġesù jqajjem lil Lażżru, bħala sinjal tal-qawwa divina tiegħu mhux biss li jqajjem lill-mejtin, għaliex hu l-Mulej tal-ħajja, imma wkoll li jirbaħ il-mewt, hu, li, bħal ma qal lil Marta, huwa l-qawmien u l-ħajja!
  3. It-tagħlim ta’ Ġesù dwar il-fidi bħala kundizzjoni tal-azzjoni feddejja tiegħu tinġabar u tikkonsolida fid-djalogu notturn ma’ Nikodemu, “kap tal-Lhud” dispost sewwa lejh u lest li jagħrfu bħala “mgħallem li ġie mingħand Alla” (Ġw3, 12). Ġesù kellu miegħu diskors twil dwar il-“ħajja l-ġdida” u, fl-aħħar, dwar l-ekonomija ġdida tal-fidwa imsejsa fuq il-fidi f’”Bin il-bniedem li għandu jkun mgħolli sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja eterna. Infatti Alla tant ħabb id-dinja li wasal li jagħti lill-Ibnu uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja eterna” (Ġw3, 15-16). Mela l-fidi fi Kristu hija kondizzjoni kostitwenti tal-fidwa, tal-ħajja eterna. Hija l-fidi fl-Iben uniġenitu – konsustanzjali mal-Missier – li fih timmanifesta ruħha l-imħabba tal-Missier. Infatti “Alla ma bagħatx lill-Iben fid-dnja biex jiġġudika d-dinja, imma sabiex isalvaha permezz tiegħu” (Ġw 3, 17). Il-ħaqq, fir-realtà, huwa mminenti għall-għażla li wieħed jagħmel, għall-aċċettazzjoni jew għar-rifjut tal-fidi fi Kristu. “Min jemmen fih mhuwiex ikkundannat, imma min ma jemminx diġa huwa kkundannat għaliex ma emminx fl-isem tal-Iben Uniġenitu ta’ Alla” (Ġw 3, 18).

Waqt li jitkellem ma’ Nikodemu, Ġesù jindika fil-misteru paskwali  il-punt ċentrali tal-fidi li tifdi: “Jinħtieġ li jkun imgħolli fuq is-salib Bin il-bniedem, sabiex kulmin jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 14-15). Dan nistgħu ngħidu wkoll il-“punt kritiku” tal-fidi fi Kristu. Is-salib kien il-prova definittiva tal-fidi għall-appostli u d-dixxipli ta’ Kristu. Quddiem dik it-tgħollija” kien hemm biex wieħed jistagħġeb, kif ġara parzjalment. Iżda l-fatt li hu “fit-tielet jum qam mill-imwiet” ippermettilhom li joħorġu b’mod rebbieħ mill-aħħar prova. Ukoll Tumas, li kien l-aħħar wieħed li ssupera l-prova paskwali tal-fidi, waqt il-laqgħa tiegħu ma’ l-Irxuxtat infaqà  f’dik il-professjoni ta’ fidi stupenda: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28). Bħal ma diġa Pietru f’Ċesarija ta’ Filippu (cf. Mt 16, 16), hekk Tumas f’din il-laqgħa paskwali jħalli tesplodi l-għajta ta’ fidi li tiġi mill-Missier: Ġesù msallab u rxuxtat huwa “Mulej u Alla”!

  1. Eżatt wara li kkwota din il-professjoni ta’ fidi u t-tweġiba ta’ Ġesù li pproklama l-beatitudni ta’ dawk “li għalkemm ma rawx emmnu” (Ġw20, 29), Ġwanni offra konklużjoni primarja tal-Vanġelu tiegħu: “Bosta sinjali oħra wettaq Ġesù fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu, imma ma nkitbux f’dan il-ktieb. Dawn inkitbu sabiex temmnu li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla u sabiex, waqt li temmnu, ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw20, 30-31).

Mela dak kollu li Ġesù kien jagħmel u jgħallem, dak kollu li l-appostli ppridkaw u xehdu u li l-evanġelisti kitbu, dak kollu li l-Knisja żżomm u tirrepeti mit-tagħlim tagħhom għandu jservi għall-fidi, sabiex, waqt li nemmnu, naslu għall-fidwa. Il-fidwa – u allura l-ħajja eternal – hija marbuta mal-missjoni messjanika ta’ Ġesù Kristu, minn liema toħroġ il-“loġika” kollha u l-ekonomija tal-fidi  nisranija. Dan jipproklamah l-istess Ġwanni sa mill-bidu tal-Prologu tal-Vanġelu tiegħu – “Lil dawk . . . li laqgħuh, (il-Verb) ta is-setgħa li jsiru wlied Alla: lil dawk li emmnu f’ismu” (Ġw 1, 12).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.