Il-Missier jixhed għall-Iben

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 27 ta’ Mejju 1987

14. Il-Missier jixhed għall-Iben

  1. Il-Vanġeli – u t-Testment il-Ġdid kollu – jagħtu xhieda lil Ġesù Kristu bħala Bin Alla. Din hija verità ċentrali tal-fidi nisranija. Waqt li tistqarr lil Kristu bħala Iben “tal-istess sostanza” tal-Missier il-Knisja ssegwi fedelment din ix-xhieda evanġelika. Ġesù Kristu huwa Bin Alla fis-sens strett u preċiż ta’ din il-kelma. Huwa mela hu “ġgenerat” f’Alla, u mhux “maħluq” minn Alla u wara “aċċettat” bħala Iben jiġifieri “addottat”. Din ix-xhieda tal-Vanġelu (u tat-Testment il-Ġdid kollu), fuq liema tibbaża ruħha l-fidi tal-insara kollha, issib is-sors definittiv tagħha f’Alla-Missier, li jagħti xhieda lil Kristu bħala Ibnu.

Diġa tkellimna dwar dan fil-katekeżi preċedenti permezz tar-referenza għat-testi tal-Vanġelu skont Mattew u Luqa. “Ħadd ma jaf l-Iben jekk mhux il-Missier” (Mt 11, 27) -. “Ħadd ma jaf min hu l-Iben jekk mhux il-Missier” (Lq 10, 22).

  1. Din ix-xhieda unika u fundamentali li tirriżulta mill-misteru etern tal-ħajja trinitarja, issib espressjoni partikolari tagħha fil-Vanġeli sinottiċi, l-ewwel fir-rakkont tal-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan, u mbagħad fir-rakkont tat-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor. Iż-żewġ grajjiet jixirqilhom konsiderazzjoni attenta.
  2. Naqraw fil-Vanġelu skont Marku: “F’dawk il-jiem Ġesù ġie Nażżaret tal-Galilea u kien mgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni. U waqt li kien ħiereġ mill-ilma, ra s-sema tinfetaħ u l-Ispirtu jinżel fuqu bħal ħamiema. U semà leħen mis-sema; “Int Ibni l-għażiż, fik insb għaxqti”” (Mk1, 9-11). Skont it-test ta’ Mattew, il-leħen mis-sema ma jindirizzax kliemu b’mod dirett lil Ġesù, imma lil dawk li kienu preżenti għall-magħmudija tiegħu fil-Ġordan: “Dan huwa Ibni l-għażiż” (Mt3, 17). Fit-test ta’ Luqa (cf. Lq 3, 22) il-ħoss tal-kliem huwa identiku għal dak ta’ Marku.
  3. Mela aħna xhieda ta’ tejofanija trinitarja. Il-leħen mis-sema, li jindirizza lill-Iben fit-teni persuna: “Int. . . “ (Marku u Luqa), jew jitkellem dwaru fit-tielet persuna: “Dan hu . . . “ (Mattew), huwa l-istess leħen tal-Missier, li f’ċertu sens jippreżenta lill-propju Ibnu lill-bnedmin li ġew il-Ġordan biex jisimgħu lil Ġwanni l-Battista. B’mod indirett jippreżentah lill-Iżrael kollu: Ġesù huwa dak li ġie fil-qawwa tal-Ispirtu Santu: il-midluk tal-Ispirtu Santu – jiġifieri l-Messija/Kristu. Huwa hu l-Iben li fih il-Missier qiegħed l-għaxqiet tiegħu, L-Iben “għażiż”. Din il-“predilezzjoni”, din l-imħabba tinsinwa l-preżenza tal-Ispirtu Santu fl-unità trinitarja, ukoll jekk fit-tejofanija tal-magħmudija fil-Ġordan dan għadu ma jidhirx ċar biżżejjed.
  4. Ix-xhieda kontenuta fil-leħen li jiġi “mis-sema” (mill-għoli), jseħħ propju fil-bidu tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Jirrepeti ruħu fil-waqt li jippreċedi l-passjoni u l-ġrajja paskwali li tagħlaq il-missjoni kollha: il-waqt tat-trasfigurazzjoni. Minkejja x-xebħ bejn iż-żewġ tejofaniji, teżisti però differenza ċara, li tidher tiskaturixxi fil-parti l-kbira tagħha fil-kuntest tan-narrazzjoni. Fil-magħmudija fil-Ġordan, Ġesù jiġi pproklamat Bin Alla quddiem il-poplu kollu. It-tejofanija tat-trasfigurazzjoni lil xi persuni magħżula biss: linqas l-appostli ma ġew introdotti bħala grupp, imma biss tlieta minnhom: Pietru, Ġakbu u Ġwanni. “(Wara sitt ijiem) . . . Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni u ħadhom fuq muntanja għolja, f’post maqtugħ għalih, huma bss, Tbiddel quddiemhom . . .”. Din it-“trasfigurazzjoni” tiġi segwita mid-“dehra ta’ Elija ma’ Mosè li bdew jitkellmu ma’ Ġesù”. U meta t-tliet appostli, superat il-waqt “tal-biżà” għal tali ġrajja, jesprimu x-xewqa li titwal u li ffissaw iħarsu lejh (“huwa sabiħ għalina li nibqgħu hawn”) – allura “ffurmat ruħha sħaba”. . . u ħareġ  leħen mis-sħaba: Dan huwa Ibni l-għażiż: isimgħuh”” (cf. Mk 9, 2-7). Hekk fit-test ta’ Marku. Fl-istess ħin f’Mattew: “Dan huwa Ibni l-għażiż, li fih tgħaxxaqt. Isimgħuh” (Mt 17, 5). F’Luqa minn naħa l-oħra: “Dan huwa Ibni, l-għażiż; Isimgħuh” (Lq 9, 35).
  5. Il-ġrajja deskritta mis-sinottiċi, saret meta Ġesù kien diġa sar magħruf ġo Iżrael permezz tas-sinjali (mirakli) tiegħu, l-opri tiegħu u kliemu. Il-leħen tal-Missier jikkostitwixxi bħal proklamazzjoni “mill-għoli” ta’ dak li kien diġa qed iseħħ fil-kuxjenza tad-dixxipli. Ġesù ried li fuq il-bażi tas-sinjali u tal-kliem, il-fidi fil-missjoni u l-filjolanza divina titnissel fil-kuxjenza tas-semmiegħa tiegħu minħabba ir-rivelazzjoni ntima, mogħtija lilhom minn l-istess Missieru.
  6. Partikolarment sinifikattiva, minn dan il-punt di vista, hija t-tweġiba li Xmun Pietru kellu minn Ġesù wara l-istqarrija tiegħu fil-viċinanza ta’ Ċesarea ta’ Filippu. Allura Pietru kien qal: “Inti l-Kristu, Iben Alla l-ħaj” (Mt16, 16). Ġesù wieġbu: “Imbierek int, Xmun bin Ġona, għax la l-laħam u linqas id-demm ma rrivelawlek dan, imma Missieri li jinsab fis-smewwiet” (Mt16, 17). Wieħed jaf liema mportanza kellha l-istqarrija, fuq fomm Xmun Pietru. Però huwa essenzjali li nkunu nafu li l-professjoni tal-verità dwar il-filjolanza divina ta’ Ġesù ta’ Nażżaret – “Inti l-Kristu (=Messija), Iben Alla l-ħaj” – kienet ġejja mill-Missier. Il-Missier biss “jaf lill-Iben” (Mt 11, 27), il-missier biss jaf “min hu l-Iben” (Lq 10, 12) – u il-Missier biss jistà jikkonċedi dan l-għarfien lill-bniedem. Propju dan jenfasizza il-Kristu fit-tweġiba mogħtija lil Pietru. Il-verità dwar il-filjolanza divina tiegħu li dehret fuq xuftejn l-appostlu, u li l-ewwel mmaturat fl-intimu tiegħu, fil-kuxjenza tiegħu, tiġi mill-awtorivelazzjoni profonda ta’ Alla. F’dan il-waqt is-sinifikati kollha analoġiċi tal-espressjoni “Bin Alla”, magħrufa diġa fit-Testment il-Qadim, jiġu superati għal kollox. Kristu  huwa l-Iben ta’ Alla l-ħaj, l-Iben fis-sens propju u essenzjali ta’ din il-kelma: huwa Alla minn Alla”.
  7. Il-leħen li t-tliet appostli jisimgħu waqt it-trasfigurazzjoni fuq il-muntanja (li t-tradizzjoni suċcessiva tidentifika mal- Muntanja Tabor), tikkonferma l-konvinzjoni espressa minn Xmun Pietru fil-viċinanzi ta’ Ċesarea (Mt16, 16). Tikkonferma f’ċertu sens “minn barra” dak li l-Missier diġa “rrivela minn ġewwa”. U jekk issa l-Missier jikkonferma r-rivelazzjoni interna dwar il-filjolanza divina ta’ Kristu: “Dan huwa Ibni l-maħbub: isimgħuh!” – donnu li hu jrid iħejji lil dawk li diġa emmnu fih għall-ġrajjiet tal-Għid li kien riesaq: għall-mewt umiljanti tiegħu fuq is-salib. Huwa sinifikattiv li “waqt li kienu neżlin minn fuq il-muntanja” Ġesù  ordnalhom: “La titkellmu ma’ ħadd dwar din il-viżjoni, sakemm Bin il-bniedem ma jkunx qam mill-imwiet” (Mt 17, 9; kif ukoll Mk9, 9; u wkoll sa ċertu punt Lq 9, 21). It-tejofanija fuq il-muntanja tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej, issib ruħha f’relazzjoni mat-totalità tal-misteru ta’ Kristu.
  8. F’dan l-ambjent wieħed jistà wkoll jifhem il-pass sinifikattiv tal-Vanġelu ta’ Ġwanni (Ġw 12,20-28), Fejn hu rrakkuntat fatt li jseħħ wara l-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru, meta minn banda tiżdied l-ammirazzjoni għal Ġesù u minn l-oħra tiżdied it-thedida kontrih. Kristu allura jitkellem dwar iż-żerriegħa tal-qamħ li jeħtieġ li tmut biex tkun tistà tipproduċi ħafna frott. U mbagħad b’mod sinifikattiv jikkonkludi: “Issa ruħi tinsab imħawda: u x’nistà ngħid? Missier, salvani minn din is-siegħa? Imma jien għal dan wasalt għal din is-siegħa! Missier igglorifika ismek”. U “allura ġie leħen mis-sema: “Igglorifikajtu u mill-ġdid nerġà nigglorifikah!”” (cf.Ġw 12, 27-28). F’dan il-leħen tesprimi ruħha t-tweġiba tal-Missier, li jikkonferma l-kliem preċedenti ta’ Ġesù: “Waslet is-siegħa li jkun igglorifikat Bin il-bniedem” (Ġw 12, 23).

Bin il-bnieem li qed joqrob għal “siegħetu” paskwali, huwa propju dak li dwaru l-leħen minn l-għoli fil-magħmudija u fit-trasfigurazzjoni kien ipproklama: “Ibni . . . l-għażiż . . . li fih sibt l-għaxqa tiegħi . . . il-maħbub . . .”. F’dan il-leħen kien hemm miġbura x-xhieda tal-Missier dwar l-Iben. L-awtur tat-Tieni Ittra ta’ Pietru, waqt li jiġbor ix-xhieda okulari tal-kap tal-appostli, jikteb b’sabar tal-insara f’waqt aħrax ta’ persekuzzjoni: “(Ġesù Kristu) . . .infatti rċieva unur u ġlorja minn Alla l-Missier meta mill-glorja majjestuża ġie ndirizzat lilu dan il-leħen: “Dan huwa Ibni l-maħbub, li fih jiena tgħaxxaqt”. Dan il-leħen aħna smajnieh nieżel mis-sema waqt li konna miegħu fuq il-muntanja qaddisa”  (2 Pt 1, 16-18).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading