Kristu huwa Messija – Qassis

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 18 ta’ Frar 1987

6. Kristu huwa Messija – Qassis

  1. L-isem “Kristu” li bħalma nafu, huwa l-ekwivalenti tal-kelma Griega “Messia”, jiġifieri “Midluk”, minbarra l-karattru “rjali”, li dwaru tkellimna fil-katekeżi peċedenti, jinkludi, skont it-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim, dak ukoll “saċerdotali”. Bħala elementi appartenenti għall-istess missjoni messjanika, iż-żewġ aspetti, diversi bejniethom, huma madankollu kumplimentari. Il-figura tal-Messija, deskritta fit-Testment il-Qadim, tiġborhom it-tnejn waqt li timmanifesta l-unità profonda tal-missjoni rjali u saċerdotali.
  2. Din l-unità għandha l-ewwel espressjoni tagħha, kważi prototip u antiċipazzjoni, f’Melkisedek, sultan ta’ Salem, kontemporanju misterjuż ta’ Abraham. Dwaru naqraw fil-Ktieb tal-Ġenesi, li waqt li ħareġ jilqà lil Abraham, “offra ħobż u mbid: kien saċerdot tal-Alla l-iktar għoli u bierek lil Abraham b’dan il-kliem: Tkun imbierek Abraham mill-Alla l-iktar għoli, ħallieq tas-sema u tal-art” (Ġen14, 18-19).

Il-figura ta’ Melkisedek, re-saċerdot, daħlet fit-tradizzjoni messjanika, bħalma jgħid qabel xejn is-salm 109 – is-salm messjaniku per eċċellenza -. F’dan is-salm infatti, Alla-Jahwe” idur “lejn il-Mulej tiegħi” (jiġifieri lejn il-Messija) bil-kliem: “Oqgħod bilqiegħda f’leminti,  sakemm jien inqiegħed l-għedewwa tiegħek banketta ta’ riġlejk. Ix-xettru tal-poter tiegħek jifrex il-Mulej minn Sion: “Iddomina f’nofs l-għedewwa tiegħek . . .” (Sal 110, 1-2).

Għal dawn l-espressjonijiet, li ma jistgħu jħallu ebda dubju dwar il-karattru rjali ta’ dak, li lejh idur Alla-Jahwè, issegwi l-aħbar bil-quddiem: “Il-Mulej ħalef u ma jiddispjaċihx: Inti saċerdot għal dejjem bħal Melkisedek” (Sal 110, 4). Bħal ma wieħed jistà Jara, dak li lejh idur Alla-Jahwè, waqt li jistiednu joqgħod bilqiegħda “f’lemintu”, se jkun fl-istess ħin sultan u saċerdot “bħal Melkisedek”.

  1. Fl-istorja ta’ Iżrael l-istituzzjoni tas-saċerdozju tal-patt il-qadim tibda fil-persuna ta’ Aronne, ħu Mosè, u tkun marbuta b’mod ereditarju ma’ waħda mit-tribù ta’ Iżrael, dik ta’ Levi.

Minħabba dan, huwa sinifikattiv dak li naqraw fil-Ktieb ta’ Sirak:  “(Alla) għolla lil Aronne . . . ħuh (jiġifieri ta’ Mosè), mit-tribù ta’ Levi. Bih stabilixxa patt perenni u tah is-saċerdozju fost il-poplu . . .” (Sir 45, 6-7). “(Il-Mulej) għażlu fost il-ħajjin kollha sabiex joffrilu sagrifiċċji, inċens u fwieħa bħala tifkira u sabiex iwettaq espijazzjoni għall-poplu. Afdalu l-kmandamenti tiegħu, il-poter fuq il-preskrizzjonijiet tad-dritt, sabiex jgħallem lil Ġakobb id-digrieti u jillumina lill-Iżrael fil-liġi tiegħu” (Sir 45, 16-17). Minn dawn it-testi niddeduċu li l-elezzjoni saċerdotali hija fil-funzjoni tal-kult, għall-offerta tas-sagrifiċċji tal-adorazzjoni u tal-espijazzjoni, u minn naħa tiegħu l-kult huwa marbut mat-tagħlim fuq Alla  u fuq il-Liġi tiegħu.

  1. Dejjem fl-istess kuntest huwa sinifikattiv ukoll; dan il-kliem tal-Ktieb ta’ Sirak: “Kien hem (minn naħa ta’ Alla) ukoll patt ma’ David . . . is-suċċessjoni rjali mill-missier għal wieħed biss minn uliedu, is-suċċessjoni ta’ Aronne lid-dixxendenza kollha tiegħu” (Sir45, 25).

Skont din it-tradizzjoni, is-saċerdozju  jistabilixxi ruħu “maġemb” id-dinjità rjali. Issa Ġesù ma jiġix mid-dixxendenza saċerdotali, mit-tribù ta’ Levi, imam minn dik ta’ Ġuda, minħabba liema ma donnux li l-karattru saċerdotali tal-Messija jixraqlu. Il-kontemporanji tiegħu jiskopru fih qabel xejn l-imgħallem, il-profeta, uħud minnhom saħansitra s-“sultan” tagħhom, l-eredi ta’ David. Wieħed mela jasal li jgħid li f’Ġesù it-tradizzjoni ta’ Melkisedek, is-sultan-saċerdot, hija nieqsa.

  1. Madankollu dan huwa nuqqas apparenti.Il-ġrajjiet paskwali jiżvelaw il-veru sens tal-“Messija-Sultan” u tas-“Saċerdot-Sultan bħal Melkisedek” li, preżenti fit-Testment il-Qadim, sab it-twettiq fil-missjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Huwa sinifikattiv li waqt il-proċess quddiem is-sinedriju, lis-sommu saċerdot li jistaqsih: “. . . jekk inti intix Kristu, l-Iben ta’ Alla”, Ġesù jwieġbu: “Inti għidtu . . . anzi jiena ngħidilkom: minn issa ‘l quddiem taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda fil-lemin ta’ Alla . . .” (Mt26, 63-64). Din hija referenza ċara għas-salm messjaniku (Sal 110), li fih issib espressjoni t-tradizzjoni tas-sultan-saċerdot.
  2. Wieħed irid madankollu jgħid li l-manifestazzjoni sħiħa ta’ din il-verità tinsab biss fl-Ittra lil-Lhud”, li tiffaċċja r-rapport bejn is-saċerdozju levitiku u dak ta’ Kristu.

L-awtur tal-Ittra lil-Lhud imiss t-tema tas-saċerdozju ta’ Melkisedek, biex jgħid li f’Ġesù Kristu twettqet it-tħabbira  minn qabel messjanika marbuta ma’ din il-figura, li bi predestinazzjoni superjuri diġa miż-żmenijiet ta’ Abraham kienet ġiet miktuba fil-missjoni tal-poplu ta’ Alla.

Infatti fuq Kristu naqraw li “ . . . magħmul perfett, sar kawża ta’ fidwa eterna għal dawk kollha li jobduh billi kien imsejjaħ minn Alla sommu saċerdot bħal Melkisedek” (Eb 5, 9-10). Mela, wara li tfakkar dan li dwar Melkisedek jikteb il-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 14, 18), l-Ittra lil-Lhud tkompli “ . . .ismu tradott ifisser sultan ta’ Ġustizzja, barra minn hekk huwa wkoll sultan ta’ Salem, jiġifieri sultan ta’ paċi. Huwa mingħajr missier, mingħajr omm, mingħajr ġenejoloġija, mingħajr bidu ta’ jiem linqas tmiem ta’ ħajja, magħmul simili għall-Iben ta’ Alla, jibqà saċerdot għal dejjem” (Eb 7, 2-3).

  1. Imbagħad waqt li jagħmel użu minn analoġija mar-ritwal tal-kult, mal-arka u mas-sagrifiċċji tal-patt il-qadim, l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jippreżenta lil Ġesù Kristu bħala it-twettiq tal-figuri u l-wegħdi kollha tat-Testment il-Qadim, ordnat “għal servizz li huwa kopja u dell tar-realtà ċelesti” (Eb8, 5). Kristu iżda, sommu saċerdot ħanin u fidil (Eb2, 17; cf. 3, 2. 5), iġorr fih “saċerdozju li qatt ma jinżel” (Eb 7, 24), billi huwa offra “lilu nnifsu bla tebgħa lil Alla” (Eb 9, 14).
  2. Jixraq li nikkwotaw kollha kemm huma xi siltiet b’mod partikolari elokwenti ta’ din l-ittra. Fid-daħla tiegħu fid-dinja Ġesù Kristu jgħid lil Alla Missieru:

“Inti la ridt sagrifiċċji, linqas offerti, ġisem iżda ħejjejtli. La ħadt gost bl-olokawsti linqas bis-sagrifiċċji għad-dnub. Allura jiena għidt: Hekk hu jiena niġi – għaliex dwari hemm miktub fir-rombli tal-ktieb – biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek” (Eb 10, 5-7).

“Infatti tali kien is-sommu saċerdot li kellna bżonn” (Eb 7, 26). “. . . Għalhekk kien hemm bżonn li jirrendi ruħu f’kollox simili għall-aħwa, biex isir sommu saċerdot ħanin u fidil fl-affarijiet li jirrigwardaw lil Alla, bil-għan li jpatti għad-dnubiet tal-poplu” (Eb 2, 17). Għandna mela “sommu saċerdot . . . ippruvat f’kollox, bħalna, minbarra fid-dnub”, sommu saċerdot li jaf “jikkumpatixxi l-mard tagħna” (Eb 4, 15).

  1. Naqraw iktar ‘il quddiem li tali sommu saċerdot, “m’għandux bżonn kuljum, bħas-sommi saċerdoti l-oħra, li joffri sagrifiċċji l-ewwel għal dnubietu u mbagħad għal dawk tal-poplu, għaliex huwa għamel dan darba għal dejjem, billi offra lilu nnifsu” (Eb7, 27). U iktar: “Kristu, li ġie bħala sommu saċerdot tal-ġid futur . . . daħal darba għal dejjem fis-santwarju . . . b’demmu stess, wara li kien kiseb fidwa eterna” (Eb9, 11-12). Minn hawn iċ-ċertezza li d-“demm ta’ Kristu, liema bi Spirtu etern offra lilu nnifsu mingħajr tebgħa lil Alla, jippurifika l-kuxjenza tagħna mill-opri mejtin, biex jaqdi lill-Alla l-ħaj” (Eb 9, 14).

B’dan il-mod tispjega ruħha l-attribuzzjoni għas-saċerdozju ta’ Kristu ta’ qawwa feddejja perenni, li permezz tagħha “. . . jistà jsalva b’mod perfett lil dawk li permezz tiegħu joqorbu lejn Alla, billi huwa dejjem ħaj biex jinterċedi favur tagħhom” (Eb 7, 25).

  1. Fl-aħhar nistgħu nosservaw li fl-Ittra lil-Lhud jiġi nfasizzat b’mod nett u konvinċenti, li Ġesù Kristu wettaq b’ħajtu kollha, u fuq kollox bis-sagrifiċċju tas-salib, dak li nkiteb fit-tradizzjoni messjanika tar-rivelazzjoni divina. Is-saċerdozju tiegħu jitpoġġa f’referenza għas-servizz ritwali tas-saċerdoti tal-patt il-qadim, li iżda jiġi maqbuż minnu, bħala saċerdot u bħala vittma. Fi Kristu mela jiġi mwettaq il-pjan etern ta’ Alla li jiddisaponi l-istituzzjoni tas-saċerdozju fl-istorja tal-patt.
  2. Skont l-Ittra lil-Lhud it-twettiq messjaniku huwa simboleġġjat fil-figura ta’ Melkisedek. Infatti hemm naqraw li b’rieda ta’ Alla “iqum b’xebħ ta’ Melkisedek, saċerdot differenti, li ma sarx tali għal raġuni ta’ preskrizzjoni karnali (jew aħjar b’istituzzjoni legali) imma bil-qawwa ta’ ħajja bla difetti!” (Eb7, 15-16). Mela hawn jidħol saċerdozju etern (Eb7, 3.24).

Il-Knisja, għassiesa u interpretu fidila ta’ dawn u ta’ testi oħra miġbura fit-Testment il-Ġdid, wettqet mill-ġdid bosta drabi il-verità tal-Messija-Saċerdot, bħal ma jixhdu, per eżempju,, il-Konċilju ekomeniku ta’ Efesu (431), dak ta’ Trento (1562) u, fi żmienna, il-Konċilju Vatikan II (1962-1965).

Xhieda evidenti ta’ din il-verità nsibuha fis-sagrifiċċju ewkaristiku li bi twaqqif ta’ Kristu l-Knisja toffri ta’ kuljum taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid, jiġifieri “bil-mod ta’ Melkisedek”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading