Kristu huwa Messija- Sultan

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 11 ta’ Frar 1987

5. Kristu huwa Messija– Sultan

  1. Bħal ma rajna fil-katekeżi reċenti, l-evanġelista Mattew itemm il-ġinejoloġija tiegħu ta’ Ġesù, Bin Marija, imqiegħda fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu, bil-kliem “Ġesù imsejjaħ Kristu” (Mt1,16). It-terminu “Kristu” huwa l-ekwivalenti Grieg tal-kelma ebrajka “Messia”, li tfisser “Midluk”. Iżrael, il-poplu magħżul ta’ Alla, għex għal ġenerazzjonijiet fl-istennija tat-twettiq tal-wegħda tal-Messija, li għall-miġja tiegħu kien imħejji permezz tal-istorja tal-patt. Il-Messija, jiġifieri l-“Midluk” mibgħut minn Alla, kellu jagħti twettiq għall-vokazzjoni tal-poplu tal-patt, għal-liema permezz tar-rivelazzjoni kien mogħti l-privileġġ tal-għarfien tal-verità fuq Alla nnifsu u fuq il-proġett tiegħu tal-fidwa.
  2. L-attribuzzjoni tal-isem “Kristu” lil Ġesù ta’ Nażżaret hija x-xhieda li l-Appostli u l-Knisja primittiva kienu għarfu li fih kienu ġew imwettqa l-pjanijiet tal-Alla tal-patt u l-istennijiet ta’ Iżrael. Dan huwa dak li pproklama Pietru f’jum il-Pentekoste, meta, ispirat mill-Ispirtu Santu, tkellem għall-ewwel darba mal-abitanti ta’ Ġerusalem u mal-pellegrini li kienu marru għall-festi: “Kun af mela b’ċertezza, dar ta’ Iżrael, li Alla għamel Mulej u Kristu lil dak Ġesù li intom sallabtu” (At2, 36).
  3. Id-diskors ta’ Pietru u l-ġenejoloġija ta’ Mattew jerġgħu jipproponu l-kontenut għani tal-kelma “Messija-Kristu” li nsibu fit-Testment il-Qadim u li sejrin naffrontaw fil-katekeżi li ġejjin.

Il-kelma “Messija” waqt li tinkludi l-idea ta dlik, tstà tkun mifhuma biss b’konnessjoni mal-istituzzjoni reliġjuża tad-dlik biż-żejt, li kien jintuża f’Iżrael u li – bħal ma nafu –mill-patt antik għadda wkoll għal dak ġdid. Fl-istorja tal-patt l-qadim kienu jirċievu dan id-dlik persuni msejħa minn Alla għall-uffiċċju u għad-dinjità ta’ sultan,  jew ta’ saċerdot jew ta’ profeta.

Il-verità dwar Kristu-Messija mela għandha terġà tinqara fil-kuntest bibbliku ta’ din il-“munus” tripla, li fil-patt l-qadim kienet tiġi mogħtija lil dawk li kienu ddestinati biex imexxu jew jirrapreżentaw lill-poplu ta’Alla. Fil-katekeżi preżenti feħsiebna nieqfu fuq l-uffiċċju u d-dinjità ta’ Kristu bħala Sultan.

  1. Meta l-anġlu Gabriel iħabbar lill-Verġni Marija li kienet intagħżlet biex tkun Omm il-Feddej, ikellima dwar ir-regalita ta’ binha: “. . . il-Mulej Alla jtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u r-renju tiegħu ma jkollux tmiem” (Lq1, 32-33).

Dan il-kliem donnu jikkorrispondi mal-wegħda magħmulha lis-sultan David: “Meta jiemek ikunu għaddew…jien nassikura warajk id-dixxendenza . . . u nirrendi sod ir-renju tiegħek. Huwa jibni dar għal ismi u jien nirrendi sod għal dejjem it-tron tar-renju tiegħu. Jien inkun għalih missier, u hu jkunli iben” (2 Sam 7, 12-14). Wieħed jistà jgħid li din il-wegħda twettqet sa ċertu punt f’Salamun, iben u suċċessur dirett ta’ David. Imma s-sens sħiħ tal-wegħda mar ferm iktar ‘il hemm mill-punt ta renju terren u kien jirrigwarda mhux biss futur imbiegħed, imma saħansitra realtà  li tmur ‘il hemm mill-istorja, iż-żmien u l-ispazju: “jien nirrendi sod ir-renju tiegħu għal dejjem” (2 Sam 7, 13).

  1. Fl-annunzjazzjoni Ġesù jiġi ppreżentat bħala Dak li fih titwettaq il-wegħda l-antika. B’dan il-mod il-verità dwar il-Kristu – terġa tidhol mill-ġdid fit-tradizzjoni bibblika tas-“Sultan messjaniku” (tal-Messija-Sultan); f’din il-forma spiss nerġgħu nsibuha fil-Vanġeli li jitkellmu dwar il-missjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret u jittrasmettulna it-tagħlim tiegħu.

Huwa sinifikattiv dwar dan l-atteġġjament tal-stess Ġesù, per eżempju meta Bartimew, it-tallab għama, biex jitolbu għajnuna jgħajjatlu: “Bin David, Ġesù, ikollok ħniena minni!” (Mk 10, 47). Ġesù, li qatt ma attribwixxa lilu nnifsu dak it-titlu, aċċetta bħala ndirizzat lilu dak il-kliem ippronunzjat minn Bartimew. Jekk xejn jinkwieta ruħu tant li jfittex jippreċiża dak il-kliem. Infatti jdur fuq il-Fariżej u jistaqsi: “X’taħsbu dwar il-Messija? Iben min hu? Huma weġbuh: “Ta’ David”. U hu lilhom: “Allura kif inhi din li David, ispirat, isejjaħlu Mulej, meta jgħid: Qal il-Mulej lill-Mulej tiegħi: Oqgħod bilqiegħda f’leminti, sakemm jien inkun qgħedt f’riġlejk l-għedewwa tiegħek?” (Sal 110, 1). Mela jekk David isejjaħlu Mulej, kif mela jistà jkun ibnu?” (Mt 22, 42-45).

  1. Bħal ma wieħed jistà jara, Ġesù jiġbed l-attenzjoni fuq il-mod “ u xejn suffiċjenti kif wieħed jifhem il-quddiesa fuq il-bażi biss tat-tradizzjoni ta’ Iżrael, marbuta mal-wirt irjali ta’ David. Madankollu huwa ma jwarrabx din it-tradizzjoni, imma jwettaqha fis-sens sħiħ li hi kellha, li diġa jidher fil-kliem imtenni waqt l-annunzjazzjoni u li timmanifesta ruħha fil-Għid tiegħu.
  2. Fatt ieħor sinifikattiv huwa li waqt id-dħul f’Ġerusalem lejlet il-Passjoni tiegħu, Ġesù jwettaq bħal ma jirrakkontaw l-evanġelisti Mattew (Mt21, 5) u Ġwanni (Ġw12, 15), il-profezija ta’ Żakkarija, li fiha issib l-espressjoni tagħha t-tradizzjoni tas-“Sultan Messjaniku”: “Ifraħ bil-kbir, bint Sion, ifraħ, bint Ġerusalem; hekk hu, ġej għandek is-sultan tiegħek. Huwa ġust u rebbieħ, umli, isuq ħmar, felu ta’ ħmara, felu bin ħmara” (Żk 9, 9). “Għidu lill-bint Sion: Hekk hu, is-sultan tiegħek ġej għandek manswet, bilqiegħda fuq ħmara, b’felu bin bhima tal-ġarr” (Mt 21, 5). Propju fuq ħmara jsuq Ġesù fid-dħul solenni tiegħu f’Ġerusalem, akkumpanjat mill-għajjat entużjast: “Osanna lill-Bin David” (cf. Mt 21, 1-10). Minkejja l-indinjazzjoni tal-Fariżej, Ġesù aċċetta l-għajta messjanika taċ-“ċkejknin” (cf. Mt 21, 16; Lq 19, 40), waqt li kien jaf sewwa li kull ekwivoku dwar it-titlu ta’ Messija kellu jgħib minħabba l-glorifikazzjoni tiegħu permezz tal-passjoni.
  3. Il-komprensjoni tar-regalità bħala poter terren jidħol fi kriżi. It-tradizzjoni ma toħroġx imħassra, imma ċċarata. Fil-jiem ta’ wara d-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalem jara kif għandhom ikunu mifhuma l-kliem tal-anġlu fl-annunzjazzjoni: “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru…hu jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u r-renju tiegħu ma jkollux tmiem”. Ġesù nnifsu jispjega f’hiex tikkonsisti ir-regalità propja tiegħu, u allura l-verità messjanika u hif għandha tiftiehem.
  4. Il-mument deċiżiv ta’ din il-kjarifikazzjoni insibuh fid-djalogu ta’ Ġesù ma’ Pilatu, irrakkuntat fil-Vanġelu ta’ Ġwanni. Billi Ġesù kien akkużat quddiem il-gvernatur Ruman li “għamel lilu nnifsu sultan tal-Lhud, Pilatu għamillu mistoqsija dwar din l-akkuża li kienet tinteressa b’mod partikolari lill-awtorità Rumana għaliex, jekk Ġesù kien jippretendi li kien “Sultan tal-Lhud” u bħala tali kienu jagħrfuh is-segwaċi tiegħu, allura setà jikkostitwixxi theddida għall-imperu.

 Pilatu mela jistaqsi lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-Lhud? Ġesù jwieġeb: “Dan qed tgħidu minn rajk jew qaluhulek oħrajn dwari?”: u mbagħad jispjega: “Ir-renju tiegħi mhux ta’ din id-dinja; li kieku r-renju tiegħi kien ta’ din id-dinja l-qaddejja tiegħi kienu jiġgieldu sabiex ma naqax f’idejn il-Lhud; imma r-renju tiegħi mhuwiex ta’ hawn”. Fuq l-insistenza ta’ Pilatu: “Mela inti tassew sultan?”, Ġesù jiddikjara: “Inti qed tgħidu;  jiena sultan. Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja; biex nagħti xhieda fil-verità. Kull min hu tal-verità, jismà leħni””  (cf. Ġw 18, 33-37). Dan il-kliem ċar ta’ Ġesù fih l-affermazzjoni netta li l-karattru jew il-“munus regale”, marbut mal-missjoni ta’ Kristu-Messija mibgħut minn Alla, ma jistax ikun mifhum f’sens politiku bħallikieku huwa xi poter terren, linqas f’relazzjoni mal-“poplu magħżul”, Iżrael.

  1. Il-kumplament tal-proċess ta’ Ġesù jwettaq l-eżistenza tal-konflitt bejn il-konċezzjoni li Kristu għandu tiegħu nnifsu bħala Messija-sultan u dik terrestri u politika, komuni fost il-poplu. Ġesù jiġi kkundannat għall-mewt taħt l-akkuża li “għamel lilu nnifsu sultan”. L-iskrizzjoni mwiegħda fuq is-salib: “Ġesù n-Nażżarenu, is-sultan tal-Lhud” tipprova li għall-awtorità Rumana dan kien id-delitt tiegħu. Propju l-Lhud li, b’mod paradossali, kienu jaspiraw għall-istabiliment mill-ġdid tar-“renju ta’ David” f’sens terren, għad-dehra ta’ Ġesù fflaġellat u nkurunat bix-xewk, ippreżentat lilhom minn Pilatu bil-kliem: “Hekk hu s-sultan tagħkom!”, kienu għajtu: “Sallbu!. . . M’għandniex sultan ieħor għajr lil Ċesare” (Ġw19, 15).

Fuq tali sfond nistgħu nifhmu aħjar is-sinifikat tal-iskrizzjoni mqiegħda fuq is-salib ta’ Kristu, mhux bla referenza għad-definizzjoni li Ġesù kien ta’ tiegħu nnifsu waqt l-interrogatorju quddiem il-prokuratur Ruman. Biss f’dak is-sens il-Kristu-Messija huwa “is-Sultan”; biss f’dak is-sens huwa jagħti attwazzjoni għat-tradizzjoni tas-“Sultan messjaniku”, preżenti fit-Testment il-Qadim u miktuba fl-istorja tal-poplu tal-patt il-qadim.

  1. Fl-aħħarnett fuq il-Kalvarju, episodju aħħari jillumina l-messjanità rjali ta’ Ġesù. Wieħed miż-żewġ ħallelin imsallbin flimkien ma’ Ġesù jimmanifesta din il-verità b’mod penetranti, meta jgħid: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fir-renju tiegħek” (Lq23, 42). Ġesù jwieġbu: “Fis-sewwa ngħidlek, illum stess tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23, 43). F’dan id-djalogu nsibu kważi konferma aħħarija tal-kliem li l-anġlu kien indirizza lil Marija fl-annunzjazzjoni: Ġesù “se jsaltan” . . . u r-renju tiegħu ma jkollux tmiem” (Lq1, 33).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading