“U intom min tgħidu li jien?”

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 7 ta’ Jannar 1987

1. “U intom min tgħidu li jien?”

  1. Fil-bidu taċ-ċiklu ta’ katekeżi dwar Ġesù Kristu, ta’ mportanza fundamentali għall-fidi u għall-ħajja nisranija, nħossuna nterpellati mill-istess mistoqsija li kważi elfejn sena ilu l-Mulej għamel lil Pietru u lid-dixxipli li kienu miegħu. F’dak il-waqt deċiżiv ta’ ħajtu, bħal ma’ Mattew jirrakkonta fil-Vanġelu tiegħu, li tiegħu kien xhud, “meta Ġesù kien wasal fir-reġġjun ta’ Ċesarija ta’ Filippu, staqsa lid-dixxipli tiegħu: “In-nies, min jgħidu li hu Bin il-Bniedem?” Weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti”. Hu qalilhom: “Intom min tgħidu li jien?”” (Mt16, 13-15).

It-tweġiba ċara u qawwija ta’ Pietru nafuha: “Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16, 16). Biex inkunu nistgħu nifformulawha aħna wkoll, mhux tant f’termini astratti, imam bħala espressjoni ta’ esperjenza vitali, frott tad-don tal-Missier (cf. Mt 16, 17), kull wieħed u waħda minna hem bżonn li nħallu lilna nfusna nintmissu personalment mill-mistoqsija: “U int, xi tgħid: Min jien jien? Int li tismà dwari, weġibni: jien x’jien verament għalik?” Lil Pietru l-illuminazzjoni divina u t-tweġiba tal-fidi ġewh wara perijodu twil ta’ viċinanza ma’ Ġesù, ta’ smigħ ta’ kelmtu u ta’ osservazzjoni ta’ ħajtu u tal-ministeru tiegħu (cf. Mt 16, 21-24).

Ukoll aħna biex naslu għal stqarrija iktar konsapevoli ta’ Ġesù Kristu hemm bżonn li nterrqu, bħal Pietru, mixja magħmula minn smigħ attent, premoruż. Hemm bżonn li npoġġu lilna nfusna fl-iskola tal-ewwel dixxipli, li saru xhieda tiegħu u għalliema tagħna, u flimkien nirċievu l-esperjenza u x-xhieda ta’ għoxrin sekolu ta’ storja magħrbula mill-mistoqsija tal-Mulej u mogħnija mill-kor immense tat-tweġibiet tal-fidili taż-żminijiet u l-postijiet kollha. Illum waqt li l-Ispirtu “Sinjur  u Ħaj” jimbuttana lejn l-għatba tat-tielet millenju kristjan, aħna msejħin biex nagħtu b’ferħ imġedded it-tweġiba li Alla jispirilna u jistenna minna, kważi bħal milied ġdid ta’ Ġesù Kristu fl-istorja tagħna.

  1. Il-mistoqsija ta’ Ġesù dwar l-identita tiegħu turi l-finezza pedagoġika ta’ min ma jafdax fi tweġibiet mgħaġġla, imma jrid tweġiba mmaturata tul żmien, kultant twil, ta’ riflessjoni u ta’ talb, fis-smigħ attent u qawwi tal-verità tal-fidi nisranija pprofessata u ppredikata mill-Knisja.

Infatti nagħrfu li quddiem Ġesù ma nistgħux nikkuntentaw irwieħna b’simpatija sempliċement umana avolja leġittima u prezzjuża, linqas mhu biżżejjed li nqisuh biss bħala persunaġġ li jixraqlu interess storiku, tejoloġiku, spiritwali, soċjali jew bħala sors ta’ ispirazzjoni artistika. Madwar Kristu spiss naraw imewġu, ukoll fost l-insara, id-dellijiet tal-injoranza, jew dawk iktar penużi tal-fehim meta mhux saħansitra tal-infedeltà. Huwa dejjem preżenti r-riskju tal-appell għall-“Vanġelu ta’ Ġesù”, mingħajr ma verament nagħrfu l-kobor u r-radikalità u mingħajr ma ngħixu dak li nwettqu bil-kliem. Kemm huma dawk li jirriduċu l-Vanġelu għall-qies tagħhom u jagħmlu Ġesù iktar komdu, waqt li jinnegaw d-divinità traxxendenti, jew jivvanifikaw l-umanità reali, storika, inkella jimmanipulaw l-integrità tal-messaġġ tiegħu, b’mod partikolari ma jqisux is-sagrifiċċju tas-salib li jiddomina ħajtu u d-duttrina tiegħu, linqas tal-Knisja li huwa waqqaf bħala “sagrament” tiegħu fl-istorja.

Ukoll dawn d-dellijiet jistimolawna għat-tiftix tal-verità sħiħa dwar Ġesù, waqt li nieħdu vantaġġ mill-bosta dwal li, bħal darba ma’ Pietru, il-Missier xegħel tul is-sekoli madwar Ġesù fil-qlub ta’ tant bnedmin bil-qawwa ta’Ispirtu Santu: id-dwal tax-xhieda fidili sal-marirju; id-dwal ta’ tant studjużi akkaniti, impenjati biex ikejlu il-misteru ta’ Ġesù bl-istrument tal-intelliġenza sostnuta mill-fidi; id-dwal li fuq kollox il-maġisteru tal-Knisja, immexxi mill-kariżma tal-Ispirtu Santu, xegħel fid-definizzjonijiet dommatiċi dwar Ġesù Kristu.

Nagħrfu li stimolu biex jinstab min hu tassew Ġesù huwa preżenti fit-tiftix inċert u trepidanti ta’ bosta kontemporanji tagħna tant jixbħu lil Nikodemu li mar “billejl jiltaqaà ma’ Ġesù” (Ġw 3, 2) jew lil Żakkew li xxabbat ma’ siġra biex “jara lil Ġesù” (Lq 19, 4). Ix-xewqa li ngħinu lil kull bniedem biex isib lil Ġesù, li ġie bħala tabib għall-morda u bħala salvatur għall-midimbin (cf. Mk 2, 17), timbuttani biex nitgħabba bil-kompitu mpenjattiv u appassjonanti li nippreżenta l-figura ta’ Ġesù lill-ulied il-Knisja u lil kull bniedem ta’ rieda tajba.

Forsi tiftakru li fil-bidu tal-pontifikat tieg hi, għamilt lill-bnedmin tallum stedina biex “jiftħu beraħ il-bibien għal Kristu” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, I [1978] 38). Wara, fl-eżortazzjoni Catechesi Tradendae (Ioannis Pauli PP. II, Catechesi Tradendae, 5), iddedikata għall-katekeżi, waqt li għamilt lili nnifsi portavuċi tal-ħsieb tal-isqfijiet miġbura fir-IV Sinodu, sħaqt li “l-oġġett essenzjali u primordjali tal-katekeżi huwa . . . il-“misteru ta’ Krisdtu”. Li tikkatekizza huwa b’xi mod li twassal lil xi ħadd biex jifli dan il-misteru fid-dimensjonijiet kollha tiegħu . . . ; jiżvela fil-persuna ta’ Kristu id-disinn etern kollu ta’ Alla, lifiha jitwettaq . . . Huwa biss jistà jwassal għall-imħabba tal-Missier fl-Ispirtu Santu u jidstà jagħmilni parteċipi fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa”  (Eiusdem, Catechesi Tradendae, 5).

Se nwettqu flimkien dan l-itinerarju katekistiku waqt linordnaw il-konsiderazzjonijiet tagħna madwar erbà ċentri fokali: 1) Ġesù fir-realtà storika tiegħu u fil-kwalita messjanika traxxendenti tiegħu, bin Abraham, Bin il-bniedem u bin Alla; 2) Ġesù fl-identità tiegħu ta’ veru Alla u veru bniedem, f’komunjoni profonda mal-Missier u animat mill-qawwa tal-Ispirtu Santu, kif jiġi ppreżentat lilna fil Vanġelu; 3) Ġesù għall-għajnejn il-Knisja li bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu iċċarat u approfondiet id-dati rivelati waqt li tatna, b’mod speċjali bil-Konċilji ekumeniċi, formulazzjonijiet preċiżi tal-fidi kristoloġika; 4) fl-aħħar, Ġesù f’ħajtu u fl-opri tiegħu, Ġesù fil-passjoni redentriċi u fil-glorifikazzjoni tiegħu, Ġesù f’nofsna u fina, fl-istorja u fil-Knisja tiegħu sa l-aħħar taż-żminijiet (cf. Mt 28, 20).

  1. Huwa minnu li fil-Knisja hem bosta modi ta’ katekeżi gHall-poplu ta’ Alla dwar Ġesù. Kull wieħed minnhom, bdanakollu, biex ikun awtentiku għandu jorbot il-kontenut tegħu mas-sors perenni tal-imqaddsa Tradizzjoni u mal-Iskrittura mqaddsa interpretata fid-dawl tat-tagħlim tas-santi Padri u tad-Dutturi tal-Knisja, tal-liturġija, tal-fidi u l-ħniena popolari, f’kelma waħda, mat-Tradizzjoni viventi u operanti fil-Knisja taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, li – skont il-wegħda tal-Mulej – “twassalna għall-verità sħiħa kollha, għaliex ma titkellimx minnha nfisha, imam tgħid dak kollu li tkun semgħet u tħabbrilna l-affarijiet futuri” (Ġw16, 13). Tali Tradizzjoni ngħarfuha espresso u sintetizzata b’mod partikolari fid-duttrina tal-Konċilji sagrosanti, miġbura fis-simboli tal-fidi u approfondita mir-riflessjoni tejoloġika fidila għar-Rivelazzjoni u għall-maġisteru tal-Knisja.

Xi tkun tiswa katekeżi dwar Ġesù jekk ma jkollhiex il-ġenwinità u l-kompletezza tal-ħarsa li biha l-Knisja, titlob u tħabbar il-misteru tagħha? Minn naħa oħra huwa mitlub għaqal pedagoġiku li, fl-indirizz tad-destinatarji tal-katekeż, għandu jkun jaf iżomm kont tal-kondizzjonijiet u tal-bżonnijiet tagħhom. Bħal ma ktibt fl-eżortazzjoni li għadnix kemm ikkwotajt, Catechesi Tradendae: “Il-preokkupazzjoni kostanti ta’ kull katekista – ikun xi jkun il-livell tar-responsabiltà tiegħu fil-Knisja – għandha tkun dik li jgħaddi permezz tat-tagħlim u l-imġieba tiegħu, id-duttrin u l-ħajja ta’ Ġesù” (Ġwanni Pawlu II, Catechesi Tradendae, 6).

  1. Nikkonkludu din il-katekeżi ntroduttiva, billi nfakkru li Ġesù f’waqt partikolarment diffiċli al-ħajja tal-ewwel dixxipli meta jiġifieri s-salib deher qrib u ħafna telquh, indirizza lil dawk li kien fadal miegħu waħda minn dawk il-mistoqsijiet hekk qawwija, hekk penetranti u ma tistax taħrabhom: “Forsi tridu tmorru wkoll intom?” Reġà kien Pietru li bħala nterpretu ta’ ħutu wieġeb: “Mulej, għand min tridna nmorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw6, 66-69). Jalla dawn l-appuntamenti katekistiċi tagħna jirrenduna dejjem iktar disponibbli li jħalluna niġu nterrogati minn Ġesù, kapaċi li jkollna t-tweġiba ġusta għall-mistoqsijiet tiegħu, lesti biex naqsmu sal-aħħar ħajtu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading