Ġesù, Bniedem f’solidarjetá mal-Umanitá kollha

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 10 ta’ Frar 1988

43. Ġesù, Bniedem f’solidarjetá mal-Umanitá kollha

  1. Ġesù Kristu, tassew bniedem, huwa “f’kollox bħalna minbarra fid-dnub”, din hija t-tema tal-katekeżi preċedenti. Id-dnub huwa eskluż b’mod essenzjali fih li waqt li huwa tassew bniedem, huwa wkoll tassew Alla (“verus homo”, iżda mhux “merus homo”).

Il-ħajja kollha terrena ta’ Kristu u l-iżvolġiment tal-missjoni tiegħu jagħtu xhieda tal-verità tal-impekkabiltà assoluta tiegħu. Hu nnifsu ċċalinġja: “Min minnkom jistà jikkonvinċini bi dnub?” (Ġw 8, 46). Bniedem “bla dnub”, Ġesù Kristu kien tul kollha f’taqbida mad-dnub u ma’ dak kollu li jiġġenera d-dnub, nibdew minn satana, li huwa “missier il-gidba” fl-istorja tal-bniedem “sa mill-bidu” (cf. Ġw 8, 44). Din it-taqbida titfaċċa diġa fuq l-għatba tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù, fil-waqt tat-tentazzjoni (cf. Mk 1, 13; Mt 4, 1-11; Lq 4, 1-13), u tilħaq il-quċċata tagħħa fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet. Taqbida li mela tintemm bir-rebħa.

  1. Din it-taqbida mad-dnub u mal-għeruq innifishom tiegħu ma tirrendix lil Ġesù barrani għall-bniedem. Għall-kuntrarju, hija tqarrbu lejn il-bnedmin, lejn kull bniedem. F’ħajtu fuq din l-art Ġesù kien soltu juri lilu nnifsu b’mod partikulari qrib lejn dawk li f’għajnejn ta’ oħrajn kienu jitqiesu bħala midimbin. Dan narawh f’bosta testi tal-Vanġelu.
  2. Taħt dan l-aspett huwa mportanti l-“paragun” li Ġesù jagħmel bejnu u bejn Ġwanni l-Battista. Huwa jgħid: “Ġie Ġwanni li la jiekol u linqas jixrob, u qalu: Għandu xitan. Ġie Bin il-bniedem, li jiekol u jixrob, u jgħidu: Dan huwa wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin” (Mt11, 18-19). Huwa evidenti l-karattru “polemikuż” ta’ dan il-kliem fir-rigward ta’ dawk li l-ewwel ikkritikaw lil Ġwanni l-Battista, profeta solitarju u axxetiku sever li kien jgħix u jgħammed fil-viċinanzi tal-Ġordan, u mbagħad jikkritikaw lil Ġesù għaliex jimxi u jopera f’nofs in-nies. Imma hija daqstant ieħor trasparenti mit-tali kliem il-verità tal-mod kif inhu, kif iħossu, kif iġib ruħu Ġesù mal-midimbin.
  3. Kienu jakkużawh li kien “ħabib tal-pubblikani (jew aħjar tal-kolletturi tat-taxxi, mistkerrha għaliex kienu jisolħu u miżmuma inosservanti) (cf.Mt5, 46; 9, 11. 18. 17), u tal-midimbin”. Ġesù ma jirrifjutax b’mod radikali dan il-ġudizzju, li l-verità tiegħu, li wkoll teskludi kull kompliċità, kull retiċenza, hija kkonfermata minn bosta episodji rreġistrati fil-Vanġeli. Hekk dak marbut mal-isem tal-mexxej tal-pubblikani f’Ġeriku, Żakkew, fid-dar ta’ min Ġesù kien, biex ngħidu hekk, stieden lilu nnifsu: “Żakkew, inżel minnufih (infatti Żakkew billi kien qasir, kien telà fuq siġra biex jara aħjar lil Ġesù li kien għaddej), għaliex illum irrid nieqaf ġewwa darek.” U meta l-pubblikan niżel mimli ferħ u offra ospitalità lil Ġesù f’daru, semgħu jgħidlu: “Illum il-fidwa daħlet f’din id-dar, għaliex ukoll hu, Żakkew, huwa bin Abraham: infatti Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf” (cf. Lq 19, 1-10). Minn dan it-test tidher mhux biss il-familjarità a’ Ġesù mal-pubblikani u l-midimbin imma wkoll il-mottiv tat-tiftix  u l-frekwenza tagħhom minn naħa tiegħu: il-fidwa tagħhom.
  4. Ġrajja analoga hija marbuta mal-isem ta’ Levi, bin Alfew. L-episodju huwa tant iktar sinifikattiv minħabba li dan ir-raġel, li Ġesù kien ra “bilqiegħda mal-bank tat-taxxi”, kien ġie msejjaħ minnu biex isir wieħed mill-appostli: “Imxi warajja”, kien qallu. Huwa, qam, mar warajh. Huwa mniżżel fost it-Tnax taħt l-isem a’ Mattew, u nafu li huwa l-awtur ta’ wieħed mill-Vanġeli. L-evanġelista Marku jgħid li Ġesù “kien qed jiekol fid-dar tiegħu”, u li “bosta pubblikani u midimbin kienu jieklu flimkien ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu” (cf.Mk 2, 13-15). F’dan il-każ ukoll “l-iskribi tas-setta tal-Fariżej” ressqu  l-protesti tagħhom lid-dixxipli, imma  Ġesù qalilhom: “Mhumiex dawk b’saħħithom li jinħtieġu t-tabib, imma l-morda:  ma ġejtx biex insejjaħ lill-ġusti, imma l-midimbin” (Mk 2, 17).
  5. Li tpoġġi tiekol ma’ oħrajn – inklużi “l-pubblikani u l-midimbin” – huwa mod kif tkun uman, li f’Ġesù jispikka sa mill-bidu tal-attività messjanika tiegħu. Infatti waħda mill-ewwel okkażjonijiet li fiha wera l-poter messjaniku tiegħu kienet il-festa tat-tieġ f’Kana tal-Galilea, li fiha ħa sehem flimkien ma’ Ommu u mad-dixxipli (cf.Ġw2, 1-12). Imma wara wkoll Ġesù kien soltu jaċċetta stedin għall-ikel u mhux biss minn naħa tal-“pubblikani” imma wkoll mingħand il-“Fariżej”, li kienu l-avversarji l-iktar akkaniti tiegħu. Dawn naqrawhom b’mod speċjali f’Luqa: “Wieħed mill-Fariżej stiednu biex jiekol miegħu. Huwa daħal f’dar il-Fariżew u ntasab mal-mejda” (Lq 7, 36).
  6. Waqt din l-ikla seħħ fatt li jkompli jitfà dawl ġdid dwar l-imġieba ta’ Ġesù mal-umanità msejkna ta’ tant “midimbin” li dawk li kienu taparsi “ġusti” kienu jiddisprezzaw u jikkundannaw. Hekk hu, mara magħrufa fil-belt bħala midimba kienet fost dawk preżenti, u waqt li bdiet tibki kienet tbus saqajn Ġesù u kienet tidlikhomlu b’żejt ifuħ. Qam mela djalogu bejn Ġesù u sid id-dar, matul liema Ġesù jistabilixxi rabta essenzjali bejn il-maħfra tad-dnubiet u l-imħabba spirata mill-fidi: “Din inħafrulha l-bosta dnubiet, minħabba li ħabbet ħafna . . . Imbagħad qalilha: Dnubietek huma maħfura . . . il-fidi tiegħek salvatek. Mur fis-sliem!” (cf. Lq 7, 36-50).
  7. Dan mhux l-uniku każ ta’ dan it-tip. Hemm ieħor, li sa ċertu punt huwa drammatiku: dak ta’ “mara li nqabdet fil-fatt fl-adulterju” (cf.Ġw8, 1-11). Ukoll dan l-episodju, bħal dak ta’ qablu, jispjega f’liema sens Ġesù kien “ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin”. Huwa jgħid lill-mara: “Mur, u minn issa ‘l hemm la tidnibx iktar” (Ġw 8, 11). Dak li kien “f’kollox bħalna minbarra fid-dnub”, wera ruħu qrib il-midimbin irġiel u nisa, biex ibiegħed minnhom id-dnub. Imma kien jimmira għal dan il-għan messjaniku b’mod “ġdid” għal kollox imqabbel mas-severità li kienu jirriservaw għall-“midimbin” dawk li kienu jiġġudikawhom skont il-liġi antika. Ġesù kien jopera fl-ispirtu ta’ mħabba kbira lejn il-bniedem, skont is-solidarjetà profonda li kien iħaddan fih għal min kien inħoloq minn Alla xbiha u immaġni tiegħu (cf. Ġen 1, 27; 5, 1).
  8. Fiex tikonsisti din is-solidarjetà? Din hija l-manifestazzjoni tal-imħabba li għandha s-sors tagħha f’Alla nnifsu. L-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja biex jirrivela din l-imħabba. Jirrivelaha diġa minħabba l-fatt li hu stess sar bniedem: wieħed minna. Din l-għaqda magħna fl-umanità minn naħa ta’ Ġesù Kristu, tassew bniedem, hija l-espressjoni fundamentali tas-solidarjetà tiegħu ma’ kull bniedem, għaliex jitkellem b’mod elokwenti dwar l-imħabba li biha Alla nnifsu ħabb lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda. L-imħabba hawn tiġi kkonfermata mill-ġdid b’mod kollu kemm hu partikolari: dak li jħobb, jixtieq jaqsam kollox mal-maħbub; propju minħabba f’hekk l-Iben ta’ Alla jsir bniedem. Dwaru Iżaija kien tkellem min qabel: “Huwa qasam magħna l-mard tagħna u tgħabba bil-mard tagħna” (Mt8, 17; cf.  53, 4). Hekk Ġesù jaqsam ma kull iben u bint tal-ġeneru uman l-istess kundizzjoni eżistenzjali. U f’dan huwa jirrivela wkoll d-dinjità essenzjali tal-bniedem: ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd. Nistgħu ngħidu li l-inkarnazzjoni hija “rivalwazzjoni” indeskrivibbli tal-bniedem u tal-umanità!
  9. Din l-“imħabba-solidarjetà” tispikka fil-ħajja u l-missjoni terrena kollha ta’ Bin il-bnidem speċjalment fir-rigward ta’ dawk li jbatu taħt il-piż ta’ kwalunkwè miżerja fiżika jew morali. Fil-quċċata tal-mixja tiegħu ikun hemm “l-għoti ta’ ħajtu propja bħala riskatt għal ħafna” (cf.Mk 10, 45): is-sagrifiċċju feddej tas-salib. Imma fit-triq li twassal għal dan is-sagrifiċċju suprem, il-ħajja terrena kollha ta’ Ġesù hija manifestazzjoni multiformi  tas-solidarjetà tiegħu mal-bniedem, miġbura f’dak il-kliem: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’riskatt ta’ bosta” (Mk 10, 45). Kien tifel bħal kull tifel uman. Ħadem b’idejh maġemb Ġużeppi ta’ Nażżaret, hekk bħal ma jaħdmu l-bnedmin kollha (cf. Laborem Exercens, 26). Kien bin Iżrael, kien jieħu sehem fil-kultura, fit-tradizzjoni, fit-tama u fit tbatijiet tal-poplu tiegħu. Ġarrab ukoll dak kollu li spiss iseħħ fil-ħajja tal-bnedmin imsejħin għal xi missjoni: in-nuqqas ta’ fehim u saħansitra t-tradiment ta’ wieħed minn dawk li huwa stess kien għażel bħala appostli u kontinwaturi tiegħu: u wkoll hu ħass, minħabba dan, niket profond  (cf. Ġw 13, 21).

  U meta resaq qribu l-waqt li fih kellu “jagħti l-istess ħajtu b’riskatt ta’ bosta” (Mt 20, 28),  offra minn rajh lilu nnifsu (cf. Gv 10, 18), waqt li hekk temm l-misteru tas-solidarjetà tiegħu fis-sagrifiċċju. Il-gvernatur Ruman ma sabx kelma oħra biex jiddefinih quddiem l-akkużaturi miġbura, għajr din: “Hawn hu l-bniedem!” (Ġw 19, 5).

Din il-kelma ta’ pagan bla ħjiel dwar il-misteru imma mhux insensibbli għall-ġibda li kienet toħroġ minn Ġesù ukoll f’dak il-waqt, tgħid kollox dwar ir-realtà umana ta’ Kristu: Ġesù l-bniedem: tassew bniedem li, jixbaħna f’kollox minbarra d-dnub, sar vittma għad-dnub u sar solidali ma’ kulħadd sal-mewt tas-salib.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading