Bħalna f’kollox minbarra d-dnub


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 3 ta’ Frar 1988

42. Bħalna f’kollox minbarra d-dnub.

  1. Ġesù Kristu huwa tassew bniedem. Inkomplu l-katekeżi preċedenti ddedikati għal din it-tema. Din hija verità fondmentali tal-fidi tagħna. Din hija fidi bbażata fuq il-kelma ta’ Kristu nnifsu, ikkonfermata mix-xhieda tal-appostli u d-dixxipli mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra fit-tagħlim tal-Knisja: “Credimus . . . Deum verum et hominem verum . . . non phantasticum, sed unum et unicum Filium Dei” (Conc. Lugdun. II: Denz.-Schönm., 852).

Iktar reċentement l-istess duttrina hija rrikordjata mill-Konċilju Vatikan II, li enfasizza r-rapport il-ġdid li il-Verb, waqt li nkarna ruħu u sar bniedem bħalna, inawgura ma kull wieħed u waħda minna u ma’ kulħadd: “Bl-inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla ingħaqad, b’ċertu mod ma’ kull bniedem. Ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa bir-rieda ta’ bniedem . . . ħabb b’qalb ta’ bniedem. Waqt li twieled minn Marija Verġni, huwa sar tassew wieħed minna, simili f’kollox għalina minbarra fid-dnub” (Gaudium et Spes, 22).

  1. Diġa fil-kwadru tal-katekeżi preċedenti fittixna li nuru dan ix-“xebħ” ta’ Kristu magħna, li joħroġ mill-fatt li huwa tassew bniedem: “Il-Verb sar laħam”, u “laħam” (“sarx”) jindika propju l-bniedem bħala esseri korporju (“sarkikos”), li jiġi fid-dawl permezz tat-twelid “minn mara” (cf.Gal4, 4). F’din il-korporjetà tiegħu Ġesù ta’ Nażzaret, bħal kull bniedem, ħass l-għejja, il-ġuħ u l-għatx. Ġismu kien jgħaddi, vulnerabbli, sensibbli għan-niket fiżiku. U propju f’dan il-laħam (“sarx”) huwa kien sottomess għal torturi terribbli u fl-aħħar imsallab: “Kien imsallab, miet u kien midfun”.

It-test konċiljari ikkwotat hawn fuq jerġà mill-ġdid iwettaq din ix-xbiha meta jgħid: “Ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem” (Gaudium et Spes, 22).

  1. Nerġgħu llum nduru b’attenzjoni partikolari għal din l-aħħar affermazzjoni, li ddaħħalna fid-dinja nterna tal-ħajja psikoloġika ta’ Ġesù. Huwa kien iħoss tassew is-sentimenti umani: il-ferħ, id-dwejjaq, indinjazzjoni, l-għaġeb, l-imħabba. Naqraw per eżempju li “Ġesù feraħ fl-Ispirtu Santu” (Lq10, 21); li beka fuq Ġerusalem: “Għad-dehra tal-belt, beka fuqha, waqt li qal: «Li kieku fhimt int ukoll, f’dan il-jum it-triq tal-paċi»” (Lq19, 41-42); beka wkoll wara l-mewt ta’ ħabibu Lażżru: “Meta ra lil (Marija) tibki u jibku wkoll il-Lhud li kienu ġew magħha, ħass ruħu mqanqal b’mod profond, tħawwad u qal: «Fejn poġġejtuh?». Qalulu: «Mulej ejja ħalli tara». Ġesù infexx jibki” (Ġw 11, 33-35).
  2. Is-sentimenti ta’ dwejaq jilħqu f’Ġesù intensità partikolari fil-waqt tal-Ġetsemani. Naqraw: “Ħa miegħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni u beda jħoss biżà u dwejjaq. Ġesù qalilhom: Ruħi hija mdejqa għall-mewt” (Mk 14, 33-34; cf. ukoll Mt 26, 37). F’Luqa naqraw: “Maħkum mid-dwejjaq, kien jitlob b’iktar intensità: u l-għaraq tiegħu sar bħal qtar ta’ demm li bdew jaqgħu mal-art” (Lq 22, 44). Fatt ta’ ordni psikofiżiku li minn naħa tiegħu juri r-realtà umana ta’ Ġesù.
  3. Naqraw ukoll dwar l-indinjazzjoni ta’ Ġesù. Hekk meta ppreżenta ruħu biex jitfejjaq raġel b’idu niexfa, u kien jum is-Sibt, Ġesù, l-ewwel jagħmel mistoqsija lil dawk preżenti: “Huwa leċitu f’jum is-Sibt tagħmel it-tajjeb jew il-ħażin, issalva ħajja jew teqridha? Imma huma baqgħu siekta. U waqt li ħares lejn dawk kollha ta’ madwaru bi ndinjazzjoni, imdejjaq minħabba l-għebusija ta’ qalbhom, qal lir-raġel: Oħroġ idek! Huwa ħarigha u idu fieqet” (Mk3, 5).

L-istess fl-episodju tal-bejjiegħa mkeċċija mit-tempju. Jikteb Mattew li “keċċa lil dawk kollha li sab jixtru u jbigħu; qaleb l-imwejjed tas-sarrafa u s-sġġijiet tal-bejjiegħa tal-ħamiem u qalilhom: L-Iskrittura tgħid: Dari tissejjaħ dar it-talb, imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin” (Mt 21, 12-13; cf. Mk 11, 15).

  1. Band’oħra naqraw li Ġesù “jistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom (Mk6, 6). Jew inkella li jħoss ammirazzjoni. Hekk meta jgħid: “Ħarsu lejn il-ġilji, kif jikbru . . . linqas Salamun fil-glorja tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom” (Lq12, 27). Jammira wkoll il-fidi tal-mara Kananea: “Mara, tassew kbira hija l-fidi tiegħek” (Mt 15, 28).
  2. B’mod speċjali jirriżultalna mill-Vanġeli li Ġesù ħabb. Naqraw li waqt id-djalogu maż-żagħżugħ li kien mar jistaqsih x’kellu jagħmel biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, Ġesù “ffissa jħares lejh, ħabbu (Mk10, 21). L-evanġelista Ġwanni jikteb li “Ġesù kien jixtieq bosta ġid lil Marta, lil oħtha u lil Lażżru” (Ġw 11, 5), u jsejjaħ lilu nnifsu “id-dixxiplu . . . li Ġesù kien iħobb” (Ġw 13, 23).

Ġesù kien iħobb lit-tfal: “Kienu jippreżentawlu t-tfal sabiex iżiegħel bihom . . . U waqt li kien iħaddanhom miegħu u jqiegħed idejh fuqhom kien iberikhom” (Mk 10, 13-16). U meta ħabbar il-kmandament tal-imħabba, huwa fakkar din l-imħabba li bija huwa nnifsu ħabb: “Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12).

  1. Is-siegħa tal-Passjoni, b’mod speċjali l-agunija fuq is-salib, tikkostitwixxi nistgħu ngħidu, quċċata tal-imħabba li biha Ġesù “wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar” (Ġw13, 1). “Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13). Fl-istess ħin dan huwa wkoll il-quċċata tad-dwejjaq u tal-abbandun li huwa ħass f’ħajtu fuq din l-art . Espressjoni penetranti ta’ dan l-abbandun jibqà  l-kliem: “Eloì, Eloì lema sabactàni? . . . Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mk 15 ,34). Dan huwa kliem li Ġesù jikseb mis-Salm 22 (Sal 22, 2). U b’liema jesprimi l-agunija suprema ta’ ruħu u ta’ ġismu,  inkluża s-sensazzjoni misterjuża ta’ abbandun momentanju minn naħa ta’ Alla. Il-ponta l-iktar  devastanti b’mod drammatiku tal-passjoni kollha!
  2. Hekk mela Ġesù sar tassew simili għall-bnedmin, waqt li assuma l-kondizzjoni ta’ qaddej, bħal ma tipproklama l-ittra lill-Filippin (cf.Fil2, 7). Imma l-ittra lil-Lhud, waqt li titkellem dwaru bħala “l-qassis il-kbir tal-ġid futur” (Eb 9, 11), tikkonferma u tippreċiża li dan mhuwiex “qassis li ma jafx iħenn għall-mard tagħna, billi huwa stess għadda minn kull ħaġa li ngħaddu minnha aħna, minbarra d-dnub” (cf. Eb 4, 15). Tassew hu “ma kienx għaraf id-dnub”, ukoll jekk san Pawl jgħid li “Dak li ma kienx għaraf id-dnub, Alla ttrattah bħala dnub favur tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu nsiru permezz tiegħu ġustizzja ta’ Alla” (2 Kor 5, 21).

L-istess Ġesù setà jiċċalinġja: “Min minnkom jistà jikkonvinċini bi dnub?” (Ġw 8, 46). U hekk hi l-fidi tal-Knisja: “Sine peccato conceptus, natus et mortuus”. Jipproklamah f’armonija mat-Tradizzjoni kollha, il-Konċilju Fjorentin (Conc. Floren. “Decr. pro Iacob.”: Denz.-Schönm., 1347): Ġesù “kien ikkonċeput, imwieled u miet mingħajr dnub”. Ħuwa hu l-bniedem tassew ġust u qaddis.

  1. Nirrepetu mat-testmentun l-ġdid, is-Simbolu u l-Konċilju: Ġesù Kristu tassew għamel lilu nnifsu wieħed minna, jixbaħna f’kollox minbarra d-dnub” (cf.Eb 4, 15). U propju grazzi għal tali xebħ: “Kristu li huwa l-Adam il-ġdid . . .  jiżvela wkoll għal kollox l-bniedem għall-bniedem u jgħarraflu l-vokazzjoni tiegħu l-iktar għolja” (Gaudium et Spes, 22).

Nistgħu ngħidu li permezz ta’ tali osservazzjoni il-Konċilju Vatikan II jagħti, mill-ġdid għal darb’oħra, it-tweġiba għad-domanda fundamental li tifforma t-titlu taċ-ċelebri trattat ta’ San Anselmu: “Cur Deus homo?” Din hija domanda tal-intellett li tapprofondixxi l-misteru tal-Alla Iben, li jsir tassew bniedem għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna”, bħal ma nipprofessaw fis-Simbolu tal-fidi niċen-kostantinoplitan.

Kristu irrivela “għal kollox” il-bniedem għall-bniedem propju minħabba l-fatt li hu “ma kienx għaraf dnub”. Għaliex id-dnub ma hu bl-ebda mod  fortifikazzjoni tal-bniedem. Kollox bil-maqlub: dan jiżvalutah, iċekknu, iċaħħdu mill-milja li tixraqlu (cf.Gaudium et Spes, 13).

L-irkupru, il-fidwa tal-bniedem imwaqqà hija t-tweġiba fondamentali għad-domanda dwar il-għalfejn tal-inkarnazzjoni.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb