Ġesù Kristu li żvoljta lilu nnifsu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 17 ta’ Frar 1988

44. Ġesù Kristu li żvoljta lilu nnifsu

  1. “Hawn hu l-bniedem!” (Ġw19, 5). Fakkarna fil-katekeżi preċedenti dan il-kliem ippronunzjat minn Pilatu fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù lill-qassissin il-kbar u lill-gwardji, wara li kien ifflaġellah u qabel ma ppronunzja s-sentenza definittiva ta’ mewt fuq is-salib. Ġesù mimli feriti, inkurunat bix-xewk, b’mantell tal-porpra fuqu, imżeblaħ u mogħti bil-ħarta mis-suldati, issa qrib il-mewt, huwa l-emblema tal-umanità batuta.

“Hawn hu l-bniedm!”. Din l-espressjoni fiha f’ċertu sens l-verità kollha dwar Kristu tassew bniedem: dwar dak li sar “jixbaħna f’kollox minbarra fid-dnub”; dwar dak “li ngħaqad f’ċertu mod ma’ kull bniedem”; (cf. Gaudium et Spes, 22). Sejħulu “ħabib tal-pubblikani u tal-midimbin”. Propju bħala vittma għad-dnub sar solidali ma’ kulħadd ukoll mal-“midimbin”, sal-mewt fuq is-salib. Imma propju f’din il-kondizzjoni ta’ vittma li għaliha Ġesù ġie mwaqqà,  jispikka aspett aħħari tal-umanità tiegħu, li għandu jkun aċċettat u immeditat sal-qiegħ fid-dawl tal-misteru tat-“tneżżih” tiegħu (“kenosis”). Skont San Pawl, hu, “minkejja li kien ta’ natura divina, ma qiesx teżor ġeluż l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla: imma neżżà lilu nnifsu, waqt li ħa fuqu l-kondizzjoni ta’ qaddej u waqt li sar jixbaħ lill-bnedmin; deher f’forma umana, umilja lilu nnifsu waqt li sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 6-8).

  1. It- test pawlin tal-ittra lill-Filippin tintroduċina fil-misteru tal-“kenosis” ta’ Kristu. Biex jesprimi dan il-misteru, l-Appostlu l-ewwel juża l-kelma “neżża”, u din tirreferi b’mod speċjali għar-realtà tal-inkarnazzjoni “Il-Verb sar laħam” (Ġw1, 14). Alla-Iben assuma n-natura umana, l-umanità, sar tassew bniedem, waqt li baqà Alla! Il-verità dwar Kristu-bniedem trid tittieħed dejjem in konnessjoni ma’ Alla-Iben. Propju din ir-referenza permanenti hija ndikata mit-test ta’ Pawlu. “Neżżà lilu nnifsu” ma tfisser b’ebda mod li hu ma baqax ikun Alla; kien ikun assurd! Iżda tfisser, bħal ma jesprimi b’mod perċettiv l-Appostlu, li “ma qiesx teżor ġeluż l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla” imma, għalkemm kien ta’ natura divina” (“in forma Dei”) – bħala tassew Alla-Iben – huwa ħa fuqu natura umana nieqsa minn ġlorja, suġġetta għat-tbatija u għall-mewt, li fiha setà jgħix l-ubbidjenza lejn il-Missier sas-sagrifiċċju estrem.
  2. F’tali kuntest, il-fatt li sar jixbaħ lill-bnedmin jinvolvi rinunzja voluntarja, li tinfirex saħansitra sal-“privileġġi” li huwa kien jistà jgawdi bħala bniedem. Infatti huwa ħa fuqu “il-kondizzjoni ta’ qaddej”. Ma riedx li jkun jifforma parti mill-kategorija tal-potenti, ried ikun bħal dak li jaqdi: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi” (Mc10, 45).
  3. Fil-fatt, naraw fil-Vanġeli li l-ħajja terrena ta’ Kristu kienet immarkata sa mill-bidu bil-marka tal-faqar. Dan jiġi enfasizzat fir-rakkont tat-twelid, meta l-evanġelista Luqa iġegħlna nosservaw li “ma kienx hemm post għalihom (Marija u Ġużeppi) fil-lukanda” u li Ġesù ra d-dawl tad-dinja ġewwa stalla u tqiegħed ġo maxtura (cf.Lq2, 7). Mingħand Mattew nafu li ġa minn l-ewwel xhur ta’ ħajtu pprova x-xorti tar-refuġjat (cf. Mt 2,13-15). Il-ħajja moħbija ġo Nażżaret żvolġiet ruħha f’kondizzjonijiet estremament modesti, dawk ta’ familja li l-kap tagħha kien mastrudaxxa (cf. Mt 13, 55), u l-istess Ġesù kien jaħdem ma’ missieru putattiv (cf. Mk 6, 3). U meta ta bidu għat-tagħlim tiegħu, faqar estrem konpla jakkumpanjah, bħal ma jistqarr b’xi mod huwa nnifsu meta jirreferi għall-instabbiltà tal-kondizzjonijiet ta’ għixien tiegħu. “L-ilpup għandhom l-għirien tagħhom u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet tagħhom, imma Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu” (Lq 9, 58).
  4. Il-missjoni mesjanika ta’ Ġesù ltaqgħet sa mill-bidunett ma’ oġgezzjonjiet u nuqqas ta’ fehim minkejja s-“sinjali” li kien iwettaq. Kien taħt osservazzjoni u ppersegwitat da parti ta’ dawk li kienu jeżerċitaw il-poter u kellhom l-influwenza fuq il-poplu. Fl-aħħar ġie akkużat, ikkundannat u meħud għall-mewt fuq is-salib: l-iktar speċi ta’ piena tal-mewt infamanti, li kienet tiġi applikata biss f’każi ta’ delitti ta’ gravità estrema, b’mod speċjali fil-konfront ta’ dawk li ma kinux ċittadini Rumani u tal-iskjavi. Ukoll minħabba dan wieħed jistà jgħid mal-Appostlu li Kristu letteralment ħa fuqu, “il-kondizzjoni ta’ qaddej” (Fil2, 7).
  5. F’dan “it-tneżżih tiegħu nnifsu” li jikkaratterizza b’mod profond il-verità dwar Kristu tassew bniedem, nistgħu ngħidu li terġà tistabilixxi ruħha l-verità tal-bniedem universali: hemm terġà tistabilixxi ruħha u “ssewwi” ruħha, infatti meta naqraw li l-Iben “ma qiesx teżor l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla”, ma nistgħux ma naħtfux f’dan il-kliem allużjoni għal dik t-tentazzjoni ewlenija u oriġinali li għaliha “fil-bidu” ċedew l-ewwel raġel u mara: “Issiru (jiġifieri tkunu) bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażn” (Ġen3, 5). Il-bniedem kien ċeda għat-tentazzjoni biex ikun “ugwali għal Alla”, għalkemm kien biss krejatura. Dak li huwa Alla-Iben “ma qiesx teżor ġeluż l-ugwaljanza tiegħu ma’ Alla”. U waqt li sar bniedem “neżżà lilu nnifsu”, u b’hekk, minkejja li mneżżà mid-dinjità tiegħu oriġinali, reġà stabilixxa b’tali għażla lil kull bniedem.
  6. Imma biex jesprimi dan il-misteru tal-“kenosis” ta’ Kristu, San Pawl juża wkoll kelma oħra: “Umilja lilu nnifsu”. Din il-kelma hija minnu nserita fil-kuntest tar-realtà tal-fidwa. Infatti huwa jikteb li Ġesù Kristu “umilja lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal mewt u sal-mewt tas-salib” (Fil2, 8). Hawn il-“kenosis” ta’ Kristu hija deskritta fid-dimensjoni definittiva. Mill-punt di vista uman hija d-dimensjoni tat-tneżżih permezz tal-passjoni u l-mewt infamanti. Mill-punt di vista divin hija l-fidwa mwettqa mill-imħabba ħanina tal-Missier permezz tal-Iben li minn rajh obda għall-imħabba tal-Missier u tal-bnedmin li kellu jifdi. U f’dak il-waqt kien hemm bidu ġdid tal-glorja ta’ Alla fl-istorja tal-bniedem: il-glorja ta’ Kristu, Ibnu magħmul bniedem. Infatti t-test Pawlin jgħid: Minħabba dan Alla għollieh u tah isem li hu fuq kull isem ieħor” (Fil2, 9).
  7. Hawn hu kif Sant’Atanasju jikkummenta dan it-test tal-ittra lill-Filippin: “Tali espressjoni għollietu, ma rridx infisser li kienet mgħolliha n-natura tal-Verb: infatti dan tal-aħħar, kien u se jkun dejjem ugwali għal Alla. Din trid tindika iżda, it-tgħollija tan-natura umana. Dan il-kliem, għalhekk, ma ġiex ippronunzjat jekk mhux wara l-inkarnazzjoni tal-Verb, sabiex jidher ċar li termini bħal umiljat u mgħolli jiġu unikament referuti għad-dimensjoni umana. Dak biss li huwa umli, infatti huwa suxxettibli biex ikun mgħolli” (S. Athanasii “Adversus Arianos”, Oratio I, 41). Hawn inżidu biss li n-natura umana –l-umanità kollha – umiljata fil-kondizzjoni patetika li għaliha rriduċiha d-dnub, issib fit-tgħollija ta’ Kristu-bniedem is-sors tal-glorja ġdida tagħha.
  8. Ma nistgħux nikkonkludu mingħajr l-aħħar aċċenn għall-fatt li Ġesù l-iktar l-iktar tkellem dwar nnifsu bħala “Bin il-bniedem” (Mk2, 10. 28; 14, 62;Mt 8, 20; 16, 27; 24, 27; Lq 9, 22; 11, 30; Ġw 1, 51; 8, 28; 13, 31). Din l-espressjoni skont is-sensibiltà tal-lingwaġġ komuni ta’ dak iż-żmien setgħet ukoll tindika li huwa kien tassew bniedem hekk bħall-esseri umani, u bla dubju tiġbor fiha r-referenza għall-umanità reali tiegħu.

Madankollu s-sinifikat strettament bibbliku, ukoll f’dan il-każ, jiġi stabbilit billi wieħed iqis il-kuntest storiku li jirriżulta mit-tradizzjoni ta’ Iżrael, espressa u nfluwenzata mill-profezija ta’ Danjel li tagħti oriġini għal dik il-formulazzjoni ta’ kunċett messjaniku (cf. Dn 7, 13-14). “Bin il-bniedem” f’tali kuntest ma jfissirx biss bniedem komuni li jappartjeni għall-ġeneru uman, imma jirreferi għal persunaġġ li jirċievi mingħand Alla dominazzjoni universali u traxxendenti għaż-żminijiet storiċi singoli, fl-era eskatoloġika.

Fuq fomm Ġesù u fit-testi tal-evanġelisti l-formula hija intant mimlija b’sens sħiħ li jħaddan divin u uman, sema u art, storja u eskatoloġija, bħall-istess Ġesù ġġegħlna nifhmu meta, waqt li jixhed quddiem Kajfa li huwa l-Iben ta’ Alla, jgħidlu b’qawwa: “Minn issa ‘l hemm għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, jiġi fuq is-sħab tas-sema” (Mt 26, 64). F’Bin il-bniedem hija mela inerenti l-qawwa u l-glorja ta’ Alla. Erġajna ninsabu quddiem l-uniku Bniedem-Alla, tassew bniedem u tassew Alla, Il-katekeżi ġgibna b’mod kontinwu għandu, għaliex nemmnu u, waqt li nemmnu nitolbu u naduraw.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb