Ġesù Huwa l-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 19 ta’ April 1989

85. Ġesù Huwa l-Mulej

  1. Hija elokwenti u sollenni l-aħbar ta’ Pietru fl-ewwel diskors pentekostali f’Ġerusalem: “Dan Ġesù Alla rxuxtah u aħna xhieda lkoll kemm aħna. Mgħolli għalhekk fil-lemin ta’ Alla u wara li rċieva l-Ispirtu Santu li huwa kien wiegħed mingħand il-Missier, huwa ferrxu” (At2, 32-33). “Kun af mela b’ċertezza dar kollha ta’ Iżrael li Alla kkostitwixxa Mulej u Kristu lil dak Ġesù li intom sallabtu!” (At 2, 36). Dan il-kliem indirizzat lil folla kbira magħmula mill-abitanti ta’ dik il-belt u mill-pellegrini li kienu marru għall-festa mid-diversi partijiet, ipproklamaw l-elevazzjoni ta’ Kristu – mislub u rxuxtat – “fil-lemin ta’ Alla”. L-“elevazzjoni”, jew aħjar l-Assunzjoni fis-sema tfisser il-kompartiċipazzjoni ta’ Kristu bniedem fil-qawwa u fl-awtorità ta’ Alla nnifsu. Tali komparteċipazzjoni fil-qawwa u l-awtorità ta’ Alla wieħed u tlieta timmanifesta ruħha fli “ntbagħat” il-konsulatur, l-Ispirtu tal-verità, liema waqt li “ħa” (cf. Ġw 16, 1) mill-fidwa mwettqa minn Kristu, opera l-konverżjoni tal-qlub umani. Tant hu veru li diġa f’dak il-jum, f’Ġerusalem, “għas-“smigħ” ta’ dak kollu ħassew qlubhom  jinqasmu” (At 2, 37). U huwa magħruf li fi ftit jiem eluf kien rrikorrew għall-konverżjoni.
  2. Bil-ġrajjiet kollha paskwali li rrifera għalihom Pietru fid-diskors ta’ Pentekoste, Ġesù rrivela ruħu b’mod definittiv bħala l-Messija mibgħut mill-Missier u bħala Mulej.

L-għarfien li huwa kien “il-Mulej”, kien daħal b’xi mod fl-erwieħ tal-appostli diġa matul l-ativitajiet pripaskwali ta’ Kristu. Huwa nnifsu jaċċenna għal dan il-fatt fl-aħħar Ċena: “Intom  issejħuli Mgħallem u Mulej u tgħidu sew, għaliex jiena jien” (Ġw13, 13). Dan jispjega għaliex l-evanġelisti jitkellmu dwar Kristu “Mulej” bħala partikular komunament aċċettat fil-komunitajiet insara. B’mod partikolari, Luqa jpoġġi dak it-terminu diġa f’ħalq l-anġlu li jħabbar it-twelid ta’ Ġesù lir-rgħajja: “Tweldilkom . . . salvatur li huwa Kristu Mulej”” (Lq 2, 11). F’bosta punti oħra juża l-istess isem (cf. Lq 7, 13; 10, 1. 41; 11, 39; 12, 42; 13, 15; 17, 6; 22, 61). Imma hija ħaġa ċerta li dawk il-ġrajjiet paskwali f’salt ikkonsolidaw b’mod definittiv dan l-għarfien. Fid-dawl ta’ dawn il-ġrajjiet hemm bżonn li wieħed jaqra l-kelma “Mulej” ukoll b’referenza għall-ħajja u l-attivita preċedenti tal-Messija. Hemm bżonn li wieħed japprofondixxi speċjalment il-kontenut u s-sinifikat li l-kelma tippossiedi fil-kuntest tal-elevazzjoni u tal-glorifikazzjoni ta’ Kristu rxoxt fit-Tlugħ tiegħu fis-sema.

  1. Waħda mill-istqarrijiet l-iktar imtennija fl-ittri pawlini hija li Kristu huwa l-Mulej. Magħruf huwa l-pass tal-ewwel ittra lill-Korintin fejn Pawlu jiddikjara: “Għalina hemm Alla wieħed, il-Missier, li mingħandu jiġi kollox u aħna aħna għalih: u Mulej wieħed Ġesù Kristu, bis-saħħa ta’ min jeżisti kollox u aħna neżistu permezz tiegħu” (1 Kor8, 6; cf.1 Kor16, 22; Rm 10, 9; Kol 2, 6). U dak tal-ittra lill-Filippin fejn Pawlu jippreżenta bħala Mulej Kristu, li umiljat sal-mewt, kien ukoll mgħolii “sabiex fl-isem ta’ Ġesù kull irkoppa tmil fis-smewwiet u fl-art, fuq l-art u taħt l-art, u kull lingwa tiddikjara li Ġesù Kristu huwa il-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2, 10-11). Imma Pawlu jenfasizza li “ħadd ma jistà jgħid: “Ġesù huwa Mulej” jekk mhux taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu” (1 Kor 12, 3). Mela “taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu” ukoll l-appostlu Tumas jgħid lil Kristu, li deherlu wara l-Qawmien mill-Imwiet: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28). U l-istess irridu ntennu dwar id-djaknu Stiefnu, li waqt it-tħaġġir jitlob: “Mulej Ġesù, ilqà l-ispirtu tiegħi . . . la tgħoddilhomx dan bi dnub” (At 7, 59-60).

Fl-aħħar l-Apokalissi jikkonkludi ċ-ċiklu tal-istorja sagra  u tar-rivelazzjoni bl-invokazzjoni tal-Għarusa u tal-Ispirtu: “Ejja, Mulej Ġesù” (Ap 22, 20).

Dan huwa l-misteru tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu “ħaj”, li kontinwament  jintroduċi fil-qlub id-dawl biex jagħrfu lil Kristu, il-grazzja biex  ninternalizzaw fina l-ħajja, il-qawwa biex niddikjaraw li hu – hu biss- huwa “il-Mulej”.

  1. Ġesù Kristu huwa l-Mulej, għaliex jippossiedi l-milja tal-poter “fis-smewwiet u fuq l-art”. Dan huwa l-poter regali “’il fuq minn kull priċipat u awtorità, ta’ kull Potenza u dominazzjoni . . . Infatti kollox huwa sottomess f’riġlejh” (Ef1, 20-22). Fl-istess ħin huwa l-awtorità saċerdotali li dwarha titkellem b’mod wiesà l-ittra lil-Lhud, waqt li tagħmel referenza għas-Salm 110 (109), 4: “Int qassis għal dejjem skont Melkisedek” (Eb 5, 9). “Għalhekk jistà ssalva perfettament lil dawk li permezz tiegħu iqarrbu lejn Alla, billi huwa dejjem ħaj sabiex jinterċedi favurhom” (Eb 7, 25). Ukoll fl-ittra lir-Rumani naqraw li Kristu “jinsab fil-lemin tal-Missier u jinterċedi għalina” (8,34). U fl-aħħar San Ġwann jassikurana: “Jekk xi ħadd dineb, għandna avukat viċin il-Missier: Ġesù Kristu l-ġust” (1 Ġw 2, 1).
  2. Bħala Mulej, Kristu huwa r-ras tal-Knisja, li hija ġismu. Dan hu l-ideal ċentrali ta’ San Pawl fl-affresk kbir kosmiku-storiku-soterjoloġiku, li bih jiddeskrivi l-kontenut tal-pjan etern ta’ Alla fl-ewwel kapitoli tal-ittri lill-Efesin u lill-Kolossin: “Kollox huwa sottomess f’riġlejh u ikostitwit fuq kollox f’ras il-Knisja, li hija ġismu, il-milja ta’ dak li jitwettaq internament fil-ħwejjeġ kollha” (Ef1, 22). “Għaliex Alla jogħġbu li fih jagħmel tgħammar kull milja” (Kol1, 19):fih li “tgħammar korporalment il-milja kollha tad-divinità (Kol 2, 9).

L-Atti jgħidu li Kristu “akkwista” l-Knisja “b’demmu” (At 20, 28; cf.1 Kor 6, 20). Ukoll Ġesù, meta, waqt li kien sejjer għand il-Missier, kien qal lid-dixxipli: “Jiena magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20) fir-realtà kien ħabbar il-misteru ta’ dan il-Ġisem li minnu kontinwament jinkisbu l-enerġiji ħajjin tal-Fidwa. U l-Fidwa tkompli topera bħala effett tal-glorifikazzjoni ta’ Kristu.

Huwa minnu li Kristu kien dejjem “il-Mulej”, sa mill-ewwel waqt tal-Inkarnazzjoni, bħala l-Iben ta’ Alla konsustanzjali mal-Missier, li sar bniedem għalina. Imma bla ebda dubju ta’ xejn huwa sar Mulej fil-milja minħabba l-fatt li huwa “umilja lilu nnifsu (“neżżà lilu nnifsu”) u sar ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib” (cf. Fil 2, 8). Mgħolli, imtellà s-sema u gglorifikat, billi b’hekk wettaq il-missjoni kollha tiegħu, huwa jibqà fil-Ġisem tal-Knisja tiegħu fuq l-art permezz tal-Fidwa mwettqa fl-individwi u fis-soċjetà kollha bl-opra tal-Ispirtu Santu. Il-Fidwa hija s-sors tal-awtorità li Kristu, bis-saħħa tal-Ispirtu Santu, jeżerċita fuq il-Knisja, bħal ma naqraw fl-ittra lill-Efesin: “Huwa hu li stabilixxa uħud bħala appostli, oħrajn bħala profeti, oħrajn bħala evanġelisti, oħrajn bħala rgħajja, biex jirrendi eliġibbli l-aħwa u jwettaq il-ministeru, sabiex jibni l-ġisem ta’ Kristu . . . bil-qies li jkun meħtieġ għall-maturità sħiħa ta’ Kristu”  (Ef 4, 11-13).

  1. Fl-espansjoni tar-regalità mogħtija lilu fuq l-ekonomija kollha tal-fidwa, Kristu huwa Mulej tal-univers kollu. Dan jgħidulna l-affresk l-ieħor kbir tal-ittra lill-Efesin: “Dak li niżel huwa l-istess li wkoll telà ‘l fuq mis-smewwiet kollha, biex jimla l-ħwejjeġ kollha” (Ef4, 10). Fl-ewwel ittra lill-Korintin San Pawl iżid li kollox kien sottomess għalih “sabiex kull ħaġa   (Alla) ikun poġġiha f’riġlejh” (cum ref ad Sal 8, 5). Meta jgħid li kull ħaġa kienet sottomessa, huwa ċar li trid tħalli barra lil “Dak li ssottometta kull ħaġa” (1 Kor 15, 27). U l-Appostlu jiżviluppa iktar dan il-ħsieb, billi jikteb: “U meta kollox ikun sottomess, ukoll hu, l-Iben, ikun sottomess għal Dak, li ssottomettilu kollox, sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28). “Imbagħad ikun hemm it-tmiem, meta huwa jgħaddi s-saltna lil Alla Missier, wara li jkun ġab fix-xejn kull prinċipat u kull awtorità u qawwa” (1 Kor 15, 24).
  2. Il-kostituzzjoniGaudium et Spestal-Konċilju Vatikan II qabdet din it-tema affaxxinanti, meta kitbet li “Il-Mulej huwa t-tmiem tal-istorja umana, “il-punt fokali tax-xewqat tal-istorja u ċ-ċiviltà”, iċ-ċentru tal-ġeneru uman, il-ferħ ta’ kull qalb, il-milja tal-aspirazzjonijiet tagħhom” (Gaudium et Spes, 45). Nistgħu niġbru kollox fil-qosor billi ngħidu li Kristu huwa l-Mulej tal-istorja. Fih l-istorja tal-bniedem, u nistgħu ngħidu tal-ħolqien kollu issib it-twettiq traxxendenti tagħha, Dan huwa dak li fit-Tradizzjoni jissejjaħ rikapitulazzjoni (recapitulatio).

Din hija idea li ssib is-sies tagħha fl-ittra lill-Efesin, fejn jiġi deskritt il-pjan etern  ta’ Alla” li li jiġbor fil-qosor fi Kristu l-affarijiet kollha, dawk tas-sema bħal dawk tal-art . . . biex iwettqu fil-milja taż-żminijiet” (Ef 1, 10).

Fl-aħħarnett hemm bżonn li nżidu li Kristu huwa l-Mulej tal-ħajja eterna. Lilu jmiss l-aħħar ħaqq, li dwaru jitkellem il-Vanġelu ta’ Mattew “Meta Bin il-bniedem jiġi fil-glorja tiegħu flimkien mal-anġli tiegħu, bilqiegħda fuq t-tron tal-glorja tiegħu . . . Allura s-sultan jgħid lil dawk li jkunu fuq il-lemin tiegħu: «Ejjew, imberkin minn Missieri, ilqgħu b’wirt is-saltna mħejjija għalikom sa mill-bidu tad-dinja »” (Mt 25, 31. 34).

Id-dritt sħiħ li jiġġudika b’mod definittiv l-opri tal-bnedmin u l-kuxjenzi umani jappartjeni lil Kristu inkwantu li hu feddej tad-dinja. Infatti huwa “akkwista” dan id-dritt permezz tas-Salib. Għalhekk il-Missier” għadda kull ħaqq lill-Iben” (Gv 5, 22). L-Iben madankollu ma ġiex speċjalment biex jiġġudika, imma biex isalva. Biex isawwab l-ħajja divina li tinsab fih. “Infatti bħal ma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk huwa kkonċeda lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu: u tah il-poter li jiġġudika, għaliex huwa Bin il-bniedem” (Ġw 5, 26-27).

Poter, mela, li jaqbel mal-ħniena li tgelgel f’qalbu minn ħdan il-Missier, li minnu l-Iben jipproċedi u jsir bniedem “propter nos homines et propter nostram salutem”. Il-Kristu msallb u rxuxtat, li “telà s-sema u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier”, il-Kristu li huwa mela l-Mulej tal-ħajja eterna jogħla fuq id-dinja u fuq l-istorja  bħala sinjal ta’ mħabba  mdawwar bil-glorja, imma xewqan li jirċievi mingħand kull bniedem  tweġiba ta’ mħabba biex jagħtih il-ħajja ta’ dejjem.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading