It-Tlugħ ta’ Kristu fis-Sema huwa t-twettiq tal-misteru tal-Inkarnazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 12  ta’ April 1989

84. It-Tlugħ ta’ Kristu fis-Sema huwa t-twettiq tal-misteru tal-Inkarnazzjoni

  1. Diġa it-“tħabbir” tat-Tlugħ is-sema li eżaminajna fil-katekeżi preċedenti, jitfgħu bosta dawl fuq il-verità espressa mis-simboli l-iktar antiki tal-fidi bil-kliem konċiż “hu telà fis-Sema”. Diġa nnutajna li dan huwa “misteru”, li hu oġġett ta’ fidi, Huwa jintegra l-misteru stess tal-Inkarnazzjoni u t-twettiq aħħari tal-missjoni messjanika tal-Iben ta’ Alla li ġie fid-dinja biex iwettaq il-Fidwa tagħna.

Madankollu dan huwa “fatt” li nistgħu nagħrfu permezz tal-elementi bijografiċi u storiċi ta’ Ġesù, referuti mill-Vanġeli.

  1. Induru għat-testi ta’ Luqa. Qabel xejn għal dak konklussiv tal-Vanġelu tiegħu: “Hadħom barra lejn Betanja u, waqt li għolla jdejh, berikhom. Waqt li kien qed iberikhom, inqatà minnhom u ttieħed lejn is-sema” (Lq24, 50-51): li jfisser li l-appostli kellhom is-sensazzjoni ta’ “moviment” tal-figura kollha ta’ Ġesù u ta’ azzjoni ta’ “qtugħ” mill-art. Il-fatt li Ġesù, jbierek f’dak il-waqt lill-appostli, jindika s-sens feddej tat-tluq tiegħu, li fih, bħal fil-missjoni feddejja kollha tiegħu, huwa miġbur u mogħti lid-dinja kull ġid spiritwali.

Skont dan it-test ta’ Luqa, iżolat mill-oħrajn, wieħed jassumi li Ġesù telà fis-sema l-istess jum tal-Qawmien mill-imwiet, mat-tmiem tad-dehra tiegħu lill-appostli (cf. Lq 24, 36-49). Imma jekk taqra sewwa bejn il-paġna sħiħa, tinduna li l-Evanġelista jrid jissintetizza l-ġrajjiet finali tal-ħajja ta’ Kristu, li minnha hu kien moħħu li jiddeskrivi l-missjoni feddejja, konkluża bil-glorifikazzjoni tiegħu. Partikolaritajiet oħra ta’ dawk il-fatti konklussivi se jkunu riferuti minnu fi ktieb ieħor li huwa bħal  kontinwazzjoni tal-Vanġelu tiegħu, il-ktieb tal-Atti tal-Appostli, li jaqbad min-narrazzjoni miġbura fil-Vanġelu, biex ikompli l-istorja tal-oriġini tal-Knisja.

  1. Infatti fil-bidu tal-Atti naqraw test ta’ Luqa li jippreżenta d-dehriet u t-Tlugħ fis-Sema b’mod iktar dettaljat: “Huwa wera ruħu lilhom (jiġifieri lill-appostli) ħaj, wara l-passjoni tiegħu, b’ħafna provi, billi dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom dwar is-saltna ta’ Alla” (At1, 3). It-test mela jagħtina indikazzjoni dwar id-data tat-Tlugħ is-Sema: erbgħin jum wara l-Qawmien mill-imwiet. Minn hawn u ftit ieħor se naraw li jagħtina wkoll aħbar dwar il-post.

Inkwantu għall-problema taż-żmien, ma nistgħux naraw għaliex nistgħu ninnegaw li Ġesù deher lil tiegħu b’mod ripetut għal erbgħin jum, kif jenfasizzaw l-Atti. Is-simboliżmu bibbliku tan-numru erbgħin, mifhum biex jindika żmien għal kollox suffiċjenti biex jintlaħaq l-iskop mixtieq huwa aċċettat minn Ġesù li diġa kien irtira għal erbgħin jum fid-deżert qabel ma ta bidu għall-ministeru tiegħu, u issa għal erbgħin jum jidher fuq l-art qabel ma jitlà fis-sema b’mod definittiv. Bla ebda dubju iż-żmien ta’ Ġesù rxoxt jappartieni għal ordni ieħor ta’ qies għal dak tagħna. L-Irxoxt issa jinsab fl-issa etern, li ma jifhem ebda suċċessjoni u varjazzjoni. Imma jaġixxi inkwantu li għadu fid-dinja, jġħallem lill-appostli, jagħti bidu għall-Knisja, l-issa traxxendenti jsib ruħu fiż-żmien tad-dinja umana, waqt li jadatta ruħu għal-darb’oħra għall-imħabba. Hekk il-misteru tar-rapport eternità-żmien jiddennes fil-permanenza ta’ Kristu rxoxt fuq l-art. Madankollu l-misteru ma jħassarx il-preżenza tiegħu fiż-żmien u fl-ispazju: Anzi jinnobilità u jgħolli l-livell tal-valuri eterni ta’ dak li hu jagħmel, jgħid, imiss, iwaqqaf, jiddisponi: f’kelma waħda, il-Knisja. Għalhekk mill-ġdid għal darb’oħra ngħidu: Nemmen, imma mingħajr ma xejn affattu nevadu mir-realtà li dwarha Luqa kellimna.

Bla dubju, meta Kristu telà s-sema, din il-koeżistenza u l-intersezzjoni bejn l-Issa etern u ż-żmien terren iddub, u jibqà ż-żmien tal-Knisja pellegrina fl-istorja. Il-preżenza ta’ Kristu issa hija inviżibbli u “sopratemporali”, bħall-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jopera fil-qlub.

  1. Skont l-Atti tal-Appostli, “Gesù “ġie meħud is-sema” (At1, 2) fuq l-għolja taż-żebbuġ (At1, 12): minn hemm infatti l-appostli marru lura Ġerusalem wara l-Axxensjoni. Imma qabel ma dan seħħ Ġesù tahom l-aħħar struzzjonijiet: per eżempju, “ordnalhom biex ma jitbegħdux minn Ġerusalem, imma li jistennew li sseħħ il-wegħda tal-Missier” (At 1, 4). Din il-wegħda tal-Missier kienet il-miġja tal-Ispirtu Santu; “Tkunu mgħammda fl-Ispirtu Santu” (At 1,5): “Ikollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqkom u tkunu xhieda tiegħi . . .” (At 1, 8). U kien dak il-ħin li “b’dan migħud kien imtellà fil-għoli taħt il-ħarsa t’għajnejhom u sħaba ħbietu minn ħarsithom” (At 1, 9).

Il-muntanja taż-Żebbuġ, li kienet il-post tal-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani, hija mela l-aħħar punt ta’ kuntatt bejn l-Irxoxt u l-grupp ċkejken tad-dixxipli tiegħu fil-waqt tal-Axxensjoni. Dan iseħħ wara li Ġesù ġedded mill-ġdid l-aħbar li kellu jintbagħat l-Ispirtu Santu, li mill-azzjoni tiegħu dak il-grupp ċkejken kellu jinbidel fil-Knisja, u imqabbad fuq it-triq tal-istorja. L-Axxensjoni hija mela l-ġrajja konklussiva tal-ħajja u tal-missjoni terrena ta’ Kristu: Il-Pentekoste se jkun l-ewwel jum tal-ħajja u tal-istorja “ta’ ġismu li huwa l-Knisja” (Kol 1, 24). Dan huwa s-sens fundamentali tal-fatt tal-Axxensjoni, minbarra ċ-ċirkostanzi partikolari li fihom seħħ u l-kwadru tas-simboliżmi bibbliċi li fihom jistà jiġi kkonsidrat.

  1. Skont Luqa, Ġesù “ġie mtellà fil-għoli taħt għajnejhom u sħaba ħbietu minn ħarsithom” (At1, 9). F’dan it-test nistgħu niġbru ż-żewġ waqtiet essenzjali: “ġie mtellà” (l-elevazzjoni – l-eżaltazzjoni) u “sħaba ħbietu” (id-dħul fil-kjaroskur tal-misteru).

“Gie mtellà”: b’din l-espressjoni, konformi mal-esperjenza sensibbli u spiritwali tal-appostli, taċċenna għal moviment axxensjonali, għal passaġġ mill-art għas-sema, speċjalment bħala sinjal ta’ “passaġġ” ieħor: Kristu jgħaddi għall-istat ta’ glorifikazzjoni f’Alla. L-ewwel sinifikat tal-Axensjoni huwa propju dan: li jirrivela li l-Irxoxt daħal fl-intimità ċelesti ta’ Alla. Dan ippruvatu “is-sħaba”, sinjal bibbliku tal-preżenza divina. Kristu jgħib minn għajnejn id-dixxipli tiegħu, waqt li daħal fl-isfera traxxendenti ta’ Alla inviżibbli.

  1. Ukoll din l-aħħar konsiderazzjoni twettaq is-sinifikat tal-misteru li hija l-Axxensjoni fis-sema ta’ Ġesù Kristu. L-Iben li “ħareġ” mill-Missier u ġie fid-dinja, issa jħalli d-dinja u jmur għand il-Missier” (cf.Ġw16, 28). F’dan ir-“ritorn” għand il-Missier issib il-konkretizzazzjoni tagħha l-elevazzjoni “għal-lemin tal-Missier”, verità messjanika diġa mħabbra fit-testment il-qadim. Meta mela l-evanġelista Marku jgħidilna li “Sidna Ġesù . . . ġie mtellà s-sema u qagħad fuq il-lemin tal-Missier (Mk 16, 19), f’dan kliemu jidwi mill-ġdid l-“oraklu tal-Mulej” espress fis-Salm: “Oraklu tal-Mulej lil Sidi: «Oqgħod bil-qiegħda f’leminti, sakemm jiena nqiegħed l-għedewwa tiegħek banketta f’riġlejk»” (Sal 110, 1). “Bilqiegħda fil-lemin ta’ Alla” tfisser tieħu sehem sħiħ fil-poter irjali tiegħu u fid-dinjità divina tiegħu.

Dan kien qalu minn qabel Ġesù: “Taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda fil-lemin tal-Qawwa u jiġi fuq is-sħab tas-sema”, bħal ma naqraw fil-Vanġelu ta’ Marku (Mk 14, 62). Luqa min-naħa tiegħu jikteb: (Lq 22, 69): “Bin il-bniedem għad joqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tal-qawwa ta’ Alla” . Bl-istess mod l-ewwel martri ta’ Ġerusalem, id-djaknu Stiefnu, jara lil Kristu fil-waqt ta’ mewtu: “Jien nimmedita s-smewwiet miftuħa u Bin il-bniedem li jinsab fuq il-lemin ta’ Alla” (At 7, 56). Il-kunċett kien mela radikat u mifrux fl-ewwel komunitajiet insara, bħala espressjoni tar-regalità li Ġesù kien laħaq bl-Axxensjoni fis sema.

  1. Ukoll l-appostlu Pawlu, meta jikteb lir-Rumani, jesprimi l-istess verità dwar Ġesù Kristu, “li miet, anzi li qam mill-imwiet, jinsab fil-lemin ta’ Alla u jinterċedi għalina” (Rm8, 34). Fl-ittra lill-Kolossin jikteb: “Jekk mela qomtu ma’ Kristu, fittxu l-affarijiet ta’ hemm fuq, fejn jinsab Kristu bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla” (Kol 3, 1; cf. Ef 1, 20). Fl-ittra lil-Lhud naqraw (Eb 1, 3; 8, 1): “Aħna għandna qassis kbir tant kbir li hu bilqiegħda fuq il-lemin tat-tron tal-Majjestà fis-smewwiet”.

U mill-ġdid (Eb 10, 12 e 12, 2): “. . . issottometta ruħu għas-Salib, waqt li ddisprezza l-mistħija, u qagħad bilqiegħda fil-lemin tat-tron ta’ Alla”.

Min-naħa tiegħu San Pietru jiddikjara li Kristu “jinsab fil-lemin ta’ Alla, wara li telà fis-Sema u kiseb sovranità fuq l-Anġli, il-Prinċipati u l-Potenzi” (1 Pt 3, 22).

  1. L-istess appostlu Pietru, waqt li beda jitkellem fl-ewwel diskors wara Pentekoste, jgħid dwar Kristu li, “mgħolli għalhekk fuq il-lemin ta’ Alla u wara li rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu Santu li huwa kien wiegħed, ferrxu” (At2, 33; cf. etiamAt 5, 31). Hawn tinserixxi ruħha l-verità tal-Axxensjoni u tar-regalità ta’ Kristu element ġdid, b’referenza għall-Ispirtu Santu.

Nirriflettu ftit dwar dan. Fis-Simbolu tal-Appostli l-Axxensjoni fis-sema hija assoċjata mal-elevazzjoni tal-Messija fis-Saltna tal-Missier: “Telà fis-sema, bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier”. Dan ifisser l-inawgurazzjoi tas-saltna tal-Messija, li fiha ssib twettiq il-viżjoni profetika tal-ktieb ta’ Danjel dwar Bin il-bniedem: “Tah poter, ġlorja u saltna, sabiex il-popli, in-nazzjonijiet u l-lingwi kollha jaqduh: il-poter tiegħu huwa wieħed etern, li ma jintemm qatt, u s-saltna tiegħu hija tali li ma tinqered qatt” (Dn 7, 13-14).

Id-diskors ta’ Pentekoste magħmul minn Pietru, iġegħlna nagħrfu li fl-għajnejn tal-appostli, fil-kuntest tat-testment il-ġdid, dik l-elevazzjoni ta’Kristu għal-lemin tal-Missier hija marbuta b’mod speċjali mal-inżul tal-Ispirtu Santu. Il-kliem ta’ Pietru jiċċertifika l-konvinzjoni tal-appostli li  biss bit-Tlugħ tiegħu fis-sema Ġesù “rċieva l-Ispirtu Santu mingħand il-Missier” biex  iferrxu kif kien wiegħed.

Id-diskors ta’ Pietru jiċċertifika wkoll li, bl-inżul tal-Ispirtu Santu, fl-għarfien tal-appostli immaturat b’mod definittiv il-viżjoni ta’ dik is-Saltna li Kristu kien ħabbar sa mill-bidu u li dwarha kien tkellem ukoll wara l-Qawmien mill-imwiet (cf. At 1, 3). Saħansitra ukoll f’dak il-waqt is-semmiegħa tiegħu kienu staqsewh dwar il-bini mill-ġdid tas-saltna ta’ Iżrael (cf. At 1, 6), tant kienet radikata fihom l-interpretazzjoni temporalistika tal-missjoni messjanika. Wara biss li kienu rċivew “il-qawwa tal-Ispirtu ta’ verità, li  huma “saru xhieda” ta’ Kristu u ta’ dik is-Saltna messjanika, li kienet ġiet attwata b’mod definittiv meta l-Kristu gglorifikat “kien qagħad bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier”. Fl-ekonomija feddejja ta’ Alla hemm mela rapport strett bejn l-elevazzjoni ta’ Kristu u l-inżul tal-Ispirtu Santu fuq l-appostli. Minn dak il-waqt l-appostli saru xhieda tas-Saltna li ma jkollhiex tmiem. Minn din il-prospettiva jakkwista milja ta’ sinifikat ukoll il-kliem li huma jisimgħu wara t-Tlugħ fis-sema ta’ Kristu: “Dan Ġesù li ttieħed minn fostkom sas-smewwiet, għad jerġà jiġi jum wieħed bl-istess mod li bih intom rajtuh imur fis-sema” (At 1, 11). Aħbar bil-quddiem ta’ milja finali u definittiva li sseħħ meta fil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Kristu, il-pjan divin kollu fl-istorja jilħaq it-twettiq tiegħu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading