Ġesù jeħles l-Umanità ghal ħajja ġdida

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Castel Gandolfo – L-Erbgħa, 10 ta’ Awissu 1988

61. Ġesù jeħles l-Umanità ghal ħajja ġdida

  1. Huwa tajjeb li nikkonfermaw dak li għidna fil-katekeżi tal-aħħar waqt li nikkonsidraw il-missjoni feddejja ta’ Kristu bħala ħelsien, u Ġesù bħala ħellies. Dan huwa ħelsien mid-dnub bħala ħażen fundamentali li “jikkalzra” l-bniedem minn ġewwa, waqt li jissuġġettah għall-jasar ta’ dak li jiġi msejjaħ minn Kristu bħala missier il-gidba” (Ġw8, 44). Dan hu, fl-istess ħin, il-ħelsien lejn il-verità, li jagħtina sehem fil-“libertà ta’ wlied Alla” (cf.Rm8, 21). Ġesù jgħid: “Jekk mela l-Iben jeħliskom, tkunu tassew ħielsa” (Ġw 8, 36). Il-“libertà ta’ wlied Alla” tiġi mir-rigal ta’ Kristu, li jwassal lill-bniedem għas-sehem fil-filjolanza divina, jiġifieri s-sehem fil-ħajja ta’ Alla.

Mela l-bniedem meħlus minn Kristu, mhux biss jirċievi l-maħfra tad-dnubiet, imma jiġi mgħolli għal “ħajja ġdida”. Kristu, bħala awtur tal-ħelsien tal-biedem, huwa l-ħallieq tal-“umanità l-ġdida”. Fih insiru “krejatura ġdida” (cf. 2 Kor 5, 17).

  1. Fil-katekeżi preżenti se niċċaraw iktar dan l-aspett tal-ħelsien feddej, li huwa opra ta’ Kristu. Dan jappartjeni għall-essenza stess tal-missjoni messjanika tiegħu.

Ġesù stess kien tkellem, per eżempju, fil-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb, meta qal: “Jiena ġejt sabiex (in-nagħaġ) ikollhom il-ħajja u jkollhom il-ħajja bl-abbundanza” (Ġw 10, 10). Din hija dik l-abbundanza ta’ ħajja ġdida, li hija l-parteċipazzjoni fil-ħajja stess ta’ Alla.

Ukoll b’dan il-mod tirrejalizza ruħha fil-bniedem “in-novità” tal-umanità ta’ Kristu: li tkun “krejatura ġdida”.

  1. Huwa dan li b’diskors figurattiv u suġgestiv ħafna, Ġesù jgħid fid-djalogu mas-Sammaritana qrib il-bir ta’ Sikar: “Li kieku taf ir-rigal ta’ Alla u min hu dan li qed jgħidlek: «Tini nixrob!», inti stess kont titlobhulu u hu kien jagħtik ilma ħaj.. Qaltlu l-mara: “Sinjur, int m’għandikx mezz biex timla u l-bir huwa tassew fond; minn fejn mela se ġġib dan l-ilma ħaj?» . . . Weġibha Ġesù:: «Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġà mill-ġdid jaqbdu l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li jien se nagħti, ma jaqbdu qatt iżjed l-għatx, anzi, l-ilma li se nagħti jien se jsir fih nixxiegħa ta’ ilma li  tnixxi għall-ħajja eterna »” (Ġw 4, 10-14).
  2. Lill-folla wkoll Ġesù tenniela din il-verità bi kliem simili ħafna, waqt li kien jgħallem waqt il-festa tat-Tined: “Min għandu l-għatx jiġi għandi u jixrob, min jemmen fija, bħal ma tgħid l-Iskrittura, xmajjar ta’ ilma ħaj igelglu minn sidru” (Ġw7, 37-38). Ix-“xmajjar ta’ ilma ħaj” huma xbiha tal-ħajja l-ġdida li fiha jieħdu sehem il-bnedmin bis-saħħa tal-mewt fuq is-salib ta’ Kristu. F’din il-perspettiva t-Tradizzjoni patristika u l-liturġija jaqraw ukoll it-test ta’ Ġwanni, skont liema mill-kustat (mill-qalb) ta’ Kristu, wara l-mewt fuq is-salib, “ħareġ demm u ilma”, meta suldat Ruman “nifidlu l-kustat” (Ġw19, 34).
  3. Imma, skont l-interpretazzjoni għażiża għal parti kbira mill-missirijiet orjentali u sallum segwita minn diversi esiġeti, xmajjar ta’ ilma ħaj igelglu wkoll “mis-sider” tal-bniedem li jixrob l-“ilma” tal-verità u tal-grazzja ta’ Kristu. “Mis-sider” ifisser: mill-qalb. Infatti tinħoloq “qalb ġdida” fil-bniedem, bħal ma kienu jħabbru – b’mod tassew ċar – il-profeti, u b’mod partikolari Ġeremija u Eżekjel.

Naqraw f’Ġeremija: “Dan il-patt li jien se nikkonkludi mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem, jgħid il-Mulej: Inpoġġi l-liġi tiegħi f’ruħhom, niktibha f’qalbhom, Allura jien inkun l-Alla tagħhom u huma l-poplu tiegħi” (Ġer 31, 33). F’Eżekjel, mill-ġdid b’mod iktar espliċitu: “Nagħtikom qalb ġdida, inqiegħed  ġo fikom spirtu ġdid, ineħħi minnkom il-qalb tal-blat u nagħtikom qalb tal-laħam. Inqiegħed l-ispirtu tiegħi ġo fikom u nġibkom tgħixu skont il-preċetti tiegħi u nġibkom tosservaw u tpoġġu fil-prattika l-liġijiet tiegħi” ( 36, 26-27).

Din hija mela trasformazzjoni spiritwali profonda, li Alla stess iwettaq ġol-bniedem permezz tan-“nifs tal-ispirtu tiegħu” (cf.  36, 26). Ix-“xmajjar ta’ ilma ħaj” li dwarhom jitkellem Ġesù jfissru s-sors ta’ ħajja ġdida li hija l-ħajja “fi Spirtu u verità”, ħajja denja tal-“vera adoraturi tal-Missier” (cf. Ġw 4, 23-24).

  1. Il-kitbiet tal-appostli u b’mod partikolari l-ittri ta’ San Pawl, huma mimlija b’testi dwar din it-tema: “Jekk wieħed huwa fi Kristu, dan huwa krejatura ġdida; il-ħwejjeġ qodma għaddew, hekk hu twieldu oħrajn ġodda” (2 Kor 5, 17). Il-frott tal-fidwa mwettqa minn Kristu hija propja din in-“novità ta’ ħajja”: “Infatti intom inżajtu l-bniedem il-qadim bl-azzjonijiet tiegħu u erġajtu lbistu l-ġdid, li jġedded lilu nnifsu, għal għarfien sħiħ (ta’ Alla), bi xbiha tal-Ħallieq tiegħu” (Kol3, 9-10). “Il-bniedem il-qadim” huwa “l-bniedem tad-dnub”. “Il-bniedem il-ġdid” huwa dak li grazzi għal Kristu jerġà jsib fih “ix-xbiha u x-xebħ” oriġinali tal-Ħallieq tiegħu. Minn hawn ukoll dik l-eżortazzjoni enerġika tal-Appostlu biex jegħleb dak kollu li kull wieħed minna huwa dnub u  wirt tad-dnub: “Warrbu intom dawn il-ħwejjeġ kollha: rabja, passjoni, malizzja,  tqasqis malizzjuż u kliem oxxen minn fommkom. La tigdbux lil xulxin . . .” (Kol 3, 8-9).
  2. Eżortazzjoni simili tinsab fl-ittra lill-Efesin: “Jenħtieġ li twarrbu l-bniedem il-qadim bl-imġieba ta’ qabel, il-bniedem li jikkorrompi ruħu wara l-passjonijiet ingannatriċi. Hemm bżonn li ġġeddu lilkom infuskom fl-ispirtu ta’ moħħkom u terġgħu tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla fil-ġustizzja u fis-saħħa tassew” (Ef4, 22-24). “Aħna nfatti opra tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri tajbin li Alla ħejja għalina sabiex aħna nipprattikawhom” (Ef 2, 10).
  3. Il-fidwa hija mela l-ħolqien il-ġdid fi Kristu. Din hija r-rigal ta’ Alla – il-grazzja – u fl-istess ħin iġġib ġo fiha sejħa ndirizzatha lill-bniedem. Il-bniedem jinħtieġ jikkopera mal-opra ta’ ħelsien spiritwali, mwettqa fih minn Alla permezz ta’ Kristu. Huwa minnu li “għal din il-grazzja intom salvi permezz tal-fidi: u dan ma jiġix minnkom, iżda huwa rigal ta’ Alla: linqas ma jiġi mill-opri, sabiex ħadd ma jkun jistà jiftaħar” (Ef2, 8). Bla dubju l-bniedem ma jistà jattribwixxi lilu nnifsu l-fidwa, il-ħelsien feddej, li huwa rigal ta’ Alla fi Kristu, imma fl-istess ħin irid jara f’dan ir-rigal ukoll is-sors ta’ eżortazzjoni inċessanti biex iwettaq opri denji ta’ tali rigal. Il-kwadru sħiħ tal-ħelsien feddej tal-bniedem jinvolvi għarfien profond  tar-rigal ta’ Alla fis-salib ta’ Kristu u fil-qawmien mill-imwiet feddej, u, fl-istess ħin, l-għarfien tal-propja responsabiltà għal-dan ir-rigal: għarfien tal-impenji ta’ natura morali u spiritwali, li dak ir-rigal u dik is-sejħa jimponu. Inmissu hawn l-għeruq ta’ dak li nistgħu nsejħu l-“ethos tal-fidwa”.
  4. Il-fidwa mwettqa minn Kristu, li topera bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu ta’ verità (Spirtu tal-Missier u tal-Iben, Spirtu ta’ verità, għandha dimensjoni personali, li tirrigwarda lil kull bniedem, u fl-istess ħin dimensjoni inter-umana u soċjali, komunitarja u universali.

Din hija tema li naraw  imfissra fl-ittra lill-Efesin, fejn hija deskritta l-maħfra taż-żewg “partijiet” tal-umanità fi Kristu: jiġifieri ta’ Iżrael, poplu magħżul tal-patt il-qadim, u tal-ġnus l-oħra kollha tad-dinja. “Hu (Kristu) infatti huwa l-paċi tagħna, dak li li għamel mit-tnejn poplu wieħed biss, waqt li waqqà l-ħajt tal-firda li kien hemm bejniethom, jiġifieri l-mibegħda, waqt li ħassar, permezz ta’ ġismu, il-liġi magħmula minn preskrizzjonijiet u digrieti, biex ħoloq fih innifsu, mit-tnejn (ġeneri ta’ bnedmin) bniedem wieħed ġdid, billi għamel il-paċi, u biex jirrikonċilja t-tnejn flimkien ma’ Alla f’ġisem wieħed, permezz tas-salib, billi qered fih innifsu l-mibegħda” (Ef 2, 14-16).

  1. Din hi d-dimensjoni definittiva tal-“krejatura l-ġdida” u tan-“novità ta’ ħajja” fi Kristu: il-ħelsien mill-qasma, it-“twaqqigħ tal-ħajt” li jifred lill-Iżrael minn l-oħrajn. Fi Kristu ilkoll aħna l-“poplu magħżul”, għaliex fi Kristu l-bniedem huwa magħżul. Kull bniedem, mingħajr eċċezzjoni u differenza, jiġi rrikonċiljat ma’ Alla u – minħabba dan stess – imsejjaħ biex jieħu sehem fil-wegħda eterna ta’ fidwa u ta’ ħajja. L-umanità kollha hija maħluqa mill-ġdid bħala l-“bniedem il-ġdid . . . skont Alla fil-ġusrizzja u fil-qdusija vera” (Ef4, 24). Ir-rikonċiljazzjoni ta’ kulħadd ma’ Alla permezz ta’ Kristu jeħtieġ li ssir ir-rkonċiljazzjoni ta’ kulħadd bejniethom; dimensjoni komunitarja u universali tal-fidwa, espressjoni sħiħa tal-“ethos tal-fidwa”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading