5. Il-misteru tal-libertà li xi wħud mill-anġli ndirizzaw kontra Alla u l-pjan tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  13/08/1986.

1. Waqt li nkomplu l-argument tal-katekeżi preċedenti ddedikati għall-artikolu tal-fidi li jirrigwarda l-anġli. Krejaturi ta’ Alla, illum nidħlu biex nesploraw il-misteru tal-libertà li xi wħud fosthom indirizzaw kontra Alla u l-pjan tiegħu tal-fidwa fil-konfront tal-bnedmin.

Bħal ma jixhed l-evanġelista Luqa, fil-waqt li fih id-dixxipli reġgħu lura lejn l-Imgħallem mimlijin se jtiru bil-ferħ minħabba l-frott miġbur fil-ġirja missjunarja tagħhom, Ġesù jħabbar sentenza li ġġagħlna naħsbu: “Jien rajt lil satana jaqà mis-sema bħal sajjetta” (Lq 10, 18). B’dan il-kliem il-Mulej jenfasizza li l-aħbar tas-saltna ta’ Alla hija dejjem rebħa fuq ix-xitan, imma fl-istess ħin tirrivela wkoll li l-bini tas-Saltna huwa kontinwament espost għall-perikoli tal-ispirtu tal-ħażen.  Li ninteressaw irwieħna, kif bi ħsiebna nagħmlu bil-katekeżi tallum, ifisser li nħejju rwieħna għall-kondizzjoni ta’ taqtigħa li tixraq lill-ħajja tal-Knisja f’dan iż-żmien aħħari tal-istorja tal-fidwa (hekk kif isostni l-Apokalissi). (cf. Ap 12, 7) Mill-banda l-oħra, dan jippermettilna li niċċaraw il-fidi retta tal-Knisja quddiem min  jgħawwiġha waqt li jesaġera l-importanza tax-xitan, u ta’ min la jiċħad u lanqas iċekken il-qawwa  ħażina.

Il-katekeżi preċedenti dwar l-anġli ħejjewna biex nifhmu l-verità li l-Iskrittura Mqaddsa irrivelat u li t-Tradizzjoni tal-Knisja ttrażmettiet dwar satana, jiġifieri dwar l-anġlu mwaqqà, l-ispirtu ħażin, imsejjaħ ukoll xitan jew demonju.

2. Din il-“waqgħa”, li tippreżenta l-karattru tar-rifjut ta’ Alla bl-istat konsegwenti tad-“dannazzjoni”, jikkonsisti fl-għażla libera ta’ dawk l-ispirti maħluqa, li b’mod radikali u irrevokabbli rrifjutaw lil Alla u s-saltna tiegħu, billi ħatfu taħt idejhom id-drittijiet sovrani tiegħu u billi ppruvaw  iżebilħu l-ekonomija tal-fidwa u l-istess  arranġament tal-ħolqien kollu kemm hu. Riflessjoni ta’ din l-imġieba nsibuha fil-kliem tat-tentatur lill-proġenituri: “issiru bħal Alla” jew “bħal allat” (cf. Ġen 3, 5). B’dan il-mod l-ispirtu malinn jipprova  jintroduċi fil-bniedem l-imġieba ta’ rivalità, ta’ insubordinazzjoni u ta’ oppożizzjoni lil Alla, li saret kważi l-motivazzjoni tal-eżistenza kollha tiegħu.

3. Fit-Testment il-Qadim r-rakkont tal-waqgħa tal-bniedem, miġjub fil-ktieb tal-Ġenesi, fih riferiment għall-atteġġjament ta’ antagoniżmu li satana jrid jikkomunika lill-bniedem biex iwasslu għad-diżubbidjenza. (cf. Ġen 3, 5) Ukoll fil-ktieb ta’ Ġobb (cf. Ġb 1, 11; 2, 5. 7) naqraw li satana jfittex li jqajjem ribelljoni fil-bniedem li jbati. Fil-ktieb tal-Għerf (cf. Għerf 2, 24) satana huwa ppreżentat bħala l-awtur tal-mewt, li daħlet fl-istorja tal-bniedem flimkien mad-dnub.

4. Il-Knisja, fil-Konċilju Lateranensi IV (1215), tgħallem li x-xitan (jew satana) u x-xjaten l-oħra “inħolqu talbin minn Alla imma saru ħżiena għax riedu huma”. Infatti naqraw fl-ittra ta’ San Ġuda:   “ . . .l-anġli li ma żammewx d-dinjità tagħhom imma ħallew l-għamara tagħhom, il-Mulej żammhom fi ktajjen eterni, fid-dlamijiet, għall-ħaqq tal-jum il-kbir” (Ġd 6). L-istess fit-tieni Ittra ta’ San Pietru nsibu dwar “anġli li kienu dinbu” u li Alla “ma ħafrilhomx, iżda . . . tefagħhom fl-abbissi mudlama tal-infern,  waqt li warrabhom għall-ħaqq” (2 Pt 2, 4). Huwa ċar li jekk Alla “ma jaħfirx” id-dnub tal-anġli dan jagħmlu sabiex huma jibqgħu fi dnubhom, sabiex jibqgħu eternament “fil-ktajjen” ta’ dik l-għażla li wettqu fil-bidu, billi warrbu lil Alla, kontra l-verità tat-Tajjeb suprem u definittiv li hu Alla nnifsu. F’dan is-sens jikteb San Ġwann li “x-xitan huwa midneb sa mill-bidu . . .” (1 Ġv 3, 8). U “sa mill-bidu” huwa kien omiċida u “mhux ippreservat fil-verità, għaliex mhemmx verità fih” (Ġv 8, 4)

5. Dawn it-testi jgħinuna biex nifhmu n-natura u d-dimensjoni tad-dnub ta’ satana, konsistenti fir-rifjut tal-verità dwar Alla, magħruf fid-dawl tal-intelliġenza u tar-rivelazzjoni bħala Tjubija nfinita, Imħabba u Qdusija  eżistenti. Id-dnub kien hekk kbir daqs kemm kbira kienet il-perfezzjoni spiritwali u l-ħjiena konoxxittiva tal-intellett anġeliku, daqs kemm kbira l-libertà tiegħu u qrib tiegħu lejn Alla.  Waqt li warrab il-verità  magħrufa dwar Alla  b’att tar-rieda ħielsa tiegħu, satana jsir “giddieb” kożmiku u “missier il-gidba” (Ġw 8, 4). Minħabba dan huwa jgħix fin-negazzjoni radikali u rriversibbli ta’ Alla u jfittex li jimponi fuq il-ħolqien, fuq l-esseri l-oħra maħluqa xbiha ta’ Alla, u b’mod partikolari fuq il-bnedmin, il-“gidba dwar it-Tjubija” traġika tiegħu li hija Alla. Fil-Ktieb tal-Ġenesi nsibu deskrizzjoni preċiża ta’ tali gidba u falsifikazzjoni tal-verità dwar Alla, li satana (taħt forma ta’ serp) jipprova jittrażmetti lill-ewwel rappreżentanti tal-ġeneru uman: Alla huwa għajjur għall-prerogattivi tiegħu u allura jimponi xi limitazzjonijiet fuq il-bniedem (cf. Ġen 3, 5). Satana jistieden lill-bniedem biex jeħles lilu nnifsu mill-impożizzjonijiet ta’ dan  il-madmad, billi jagħmel lilu nnifsu “bħal Alla”.

6. F’din il-kondizzjoni ta’ gidba eżistenzjali satana jsir – skont San Ġwann – ukoll “omiċida”, jiġifieri qerried tal-ħajja soprannaturali li Alla sa mill-bidu kien inserixxa fih u fil-krejaturi, magħmulin “xbiha ta’ Alla”: l-ispirti l-oħra puri u l-bnedmin; satana jrid jeqred il-ħajja skont il-verità, il-ħajja fit-totalità tat-tajjeb, il-ħajja soprannaturali ta’ grazzja u mħabba. L-awtur tal-Ktieb tal-Għerf jikteb: “ . . . il-mewt daħlet fid-dinja minħabba l-għira mix-xitan u jesperjenzjawha dawk li jappartjenu lilu” (Għerf 2, 24). U fil-Vanġelu Ġesù Kristu jwissi: “Żommu pjuttost lil dak li għandu l-poter li jwassal għat-telfien kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem fil-Ġeħenna” (Mt 10, 28).

7. Bħala effett tad-dnub tal-proġenituri dan l-anġlu mwaqqà rebaħ sa ċertu qies id-dominju tal-bniedem. Din hija d-duttrina kostantament mistqarra u mħabbra mill-Knisja, u li l-Konċilju ta’ Trentu wettaq fit-trattat dwar id-dnub oriġinali (cf. DS 1511): din issib l-espressjoni drammatia fil-liturġija tal-Magħmudija, meta lill-katekumeni titolbu biex jiċħad lix-xitan u  l-attrazzjonijiet tiegħu.

Dwar dan l-influss fuq il-bniedem u dwar id-dispożizzjonijiet tal-ispirtu tiegħu (u tal-ġisem), insibu diversi indikazzjonijiet fl-Iskrittura Mqaddsa, li fihom satana huwa msejjaħ “il-prinċep ta’ din id-dinja” (cf. Ġw 12, 31; 14, 30; 16, 11), u saħansitra l-Alla “ta’ din id-dinja” (2 Kor 4, 4). Insibu  bosta ismijiet oħra li jiddeskrivu r-rapporti  fatali mal-bniedem: “Beelzebul” jew “Belial”, “spirtu maħmuġ”, “tentatur”, “malizzjuż” u fl-aħħar “antikrist” (1 Ġw 4, 3). Jiġi mqabbel ma’ “ljun” (1 Pt 5, 8), u ma’ “dragun” (fl-Apokalissi) u ma’ “serp” (Ġen 3). Spiss ħafna biex nindikawh jiġi wżat l-isem “xitan” mill-Ġrieg “diaballein” (li minnha ġejja “diabolos”), li trid tfisser: tikkawża l-qerda, taqsam, tikkalunja, tinganna.  U biex ngħidu s-sewwa dan kollu jseħħ sa mill-bidu min dan l-ispirtu malizzjuż li huwa ppreżentat mill-Iskrittura Mqaddsa bħala persuna għalkemm tasserixxi li mhuwiex waħdu: “aħna bosta”, jwerżqu x-xjaten lil Ġesù fir-reġġjun tal-Gerasin (Mk 5, 9); “ix-xitan u l-anġli tiegħu”, jgħid Ġesù fid-deskrizzjoni tal-ħaqq futur (cf. Mt 25, 41).

8. Skont l-Iskrittura Mqaddsa, u b’mod speċjali t-Testment il-Ġdid, id-dominju u l-influss ta’ satana u tal-ispirti maliżżjużi l-oħra jħaddnu d-dinja kollha. Naħsbu fil-parabbola ta’ Kristu fuq l-għalqa (li hija d-dinja), fuq iż-żerriegħa tajba u fuq dik mhix tajba li x-xitan jiżrà f’nofs il-qamħ billi jfittex li jċarrat mill-qlub dak it-tajjeb li fihom ġie “miżrugħ” (cf. Mt 13, 38-39). Naħsbu fuq l-eżortazzjonijiet numerużi għall-għassa (cf. Mt 26, 41; 1 Pt 5, 8), għat-talb u s-sawm (cf. Mt 17, 21). Naħsbu għal dik l-affermazzjoni qawwija tal-Mulej: “Dan it-tip ta’ xjaten bl-ebda mod ieħor ma jistgħu jitkeċċew jekk mhux bit-talb” (Mc 9, 29). L-azzjoni ta’ satana tikkonsisti qabel xejn fit-tentazzjoni tal-bnedmin għall-ħażin, waqt li jinfluwixxi fuq l-immaġinazzjoni tagħhom u fuq il-fakultajiet superjuri tagħhom biex idawwarhom fid-direzzjoni kuntrarja għal-liġi ta’ Alla. Satana jipprova saħansitra lil Ġesù (cf. Lq 4, 3-13), fit-tentattiv estrem li jikkuntrasta l-esiġenzi tal-ekonomija tal-fidwa  hekk bħal ma Alla kien ippredstinaha.

Mhux eskluż li f’ċerti każi l-ispirtu malizzjuż jasal ukoll li jeżerċita l-influss tiegħu mhux biss fuq l-affarijiet materjali, imma wkoll fuq ġisem il-bniedem, minħabba f’dan nitkellmu dwar “possessjoni djabolika” (cf. Mk 5, 2-9). Mhux dejjem faċli li  niddixxernjaw dak li jseħħ preternaturali f’dawn il-każi, linqas ma l-Knisja toqgħod għal jew tissekonda faċilment it-tendenza li tattribwixxi dejjem bosta fatti għal interventi diretti tad-demonju; imma bħala prinċipju ma tistax tinnega li fir-rieda tiegħu li jagħmel ħsara u li jmexxi l-ħażen, satana jistà jasal għal din il-manifestazzjoni estrema tas-superjorità tiegħu.

9. Irridu fl-aħħarnett inżidu li l-kliem impressjonanti tal-Appostlu Ġwanni: “Id-dinja kollha tinsab taħt il-poter tal-malizzjuż” (1 Ġw 5, 19), jimplika wkoll għall-preżenza ta’ satana fl-istorja tal-umanità, preżenza li  tiżdied  id f’id mat-tbegħid tal-bniedem u tas-soċjetà minn Alla. L-influss tal-ispirtu malizzjuż jistà  “jinħeba” b’mod iktar profond  u effikaċi: li jagħmel li jkun injorat jikkorrispondi mal-“interessi” tiegħu. Il-ħila ta’ satana fid-dinja hija dik li jwassal lill-bnedmin li  jiċħdu l-eżistenza tiegħu f’isem ir-razzjonaliżmu u ta’ kull Sistema oħra ta’ ħsieb li jfittex  li jsib modi kif jaħrab basta ma jammettix l-opra. Dan ma jfissirx iżda l-eliminazzjoni tar-rieda ħielsa u tar-responsabiltà tal-bniedem u linqas il-frustrazzjoni tal-azzjoni feddejja ta’ Kristu. Dan huwa pjuttost iktar konflitt bejn il-qawwiet mudlama tal-ħażen u dawk tal-fidwa. F’dan ir-rigward huwa elokwenti l-kliem li Ġesù ndirizza lil Pietru fil-bidu tal-passjoni: “. . . Xmun, hekk hu satana fittxek biex jitħnek bħall-qamħ, imma jien tlabt għalik sabiex inti ma tiġix nieqes mill-fidi” (Lq 22, 31).

Minħabba dan nifhmu kif Ġesù fit-talba li għallimna, il-“Missierna”, li hija t-talba tas-saltna ta’ Alla, tispiċċa kważi b’mod maħtuf, b’differenza ta’ tant talb ieħor ta’ żmienu, billi jfakkarna fil-kondizzjoni tagħna ta’ esposti għall-perikoli tal-Ħażen-Malizzjuż. In-nisrani, waqt li jappella lill-Missier bl-ispirtu ta’ Ġesù u waqt li jsejjaħ għas-saltna tiegħu, iwerżaq bil-qawwa tal-fidi: agħmel li ma naqgħux fit-tentazzjoni, eħlisni mil-Ħażen, mill-Malizzjuż. Agħmel, o Mulej, li ma naqgħux fl-infedeltà li għaliha jisseduċina dak li kien infidil sa mill-bidu..

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading