4. Fatturi distintivi tan-natura tal-anġli

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  06/08/1986.

1. Fil-katekeżi riċenti rajna kif il-Knisja, imdawlha mid-dawl li ġej mill-Iskrittura mqaddsa, ipprofessat tul is-sekli l-verità dwar l-eżistenza tal-anġli bħala esseri purament spiritwali, maħluqin minn Alla.

Dan għamlitu sa mill-bidu bis-simbolu niċen-kostantinoplitan u kkonfermatu fil-Konċilju Lateranensi IV (1215), li l-formulazzjoni tiegħu ittieħdet mill-Konċilju Vatikan I fil-kuntest tad-duttrina dwar il-Ħolqien: Alla “ħoloq flimkien mix-xejn sa mill-bidu taż-żmien l-krejatura l-waħda u l-oħra, dik spiritwali u dik korporja, jiġifieri l-anġelika u t-terrena, u allura ħoloq n-natura umana bħala komuni għat-tnejn billi kienet kostitwita minn spirtu u minn ġisem” (DS 3002). Jiġifieri: Alla ħoloq sa mill-bidu ż-żewġ realtajiet: dik spiritwali u dik korporali, id-dinja terrena u dik anġelika. Dan kollu huwa ħolqu fl-istess ħin (“simul”) f’ordni mal-ħolqien tal-bniedem, magħmul minn spirtu u materja u mqiegħed skont ir-rakkont bibbliku fil-kwadru ta’ dinja diġa stabbilita skont il-liġijiet tiegħu u diġa mkejjel miż-żmien (“deinde”).

2. Flimkien mal-eżistenza, il-fidi tal-Knisja tagħraf ċerti fatturi distintivi tan-natura tal-anġli. L-esseri tagħhom purament spiritwali  jinvolvi qabel xejn in-non materjalità tagħhom u l-immortlità tagħhom. L-anġli m’għandhomx “ġisem” (ukoll jekk f’ċirkustanzi determinanti juru ruħhom taħt forom viżibbli minħabba l-missjoni tagħhom favur il-bnedmin) u allura mhumiex suġġetti għal-liġijiet tal-korrutibiltà li tikkomuna d-dinja kollha materjali. Ġesù nnifsu, waqt li jirreferi għall-kondizzjoni anġelika, jgħid li fil-ħajja futura dawk li jqumu mill-imwiet “ma jistgħux imutu aktar, għaliex ikunu ugwali għall-anġli” (Lq 20, 36).

3. In kwantu li huma krejaturi ta’ natura spiritwali, l-anġli huma mżejna b’intellett u b’rieda ħielsa, bħall-bnedmin, imma fi grad superjuri għalihom, ukoll jekk dejjem finit, minħabba l-limitu li huwa inerenti għall-krejaturi kollha. L-anġli huma mela esseri personali, u minħabba dan, huma ukoll huma “xebħ u xbiha” ta’ Alla. L-Iskrittura Mqaddsa tirreferi għall-anġli billi tuża ukoll appellattivi mhux biss personali ( bħall-ismijiet propji ta’ Rafiel, Gabriel, Mikiel), imma wkoll kollettivi” (bħall-kwalifiki ta’ Serafini, Kerubini, Troni, Potestajiet, Dominazzjonijiet, Prinċipati), hekk bħal ma tuża distinzjoni bejn anġli u arkanġli. Hekk waqt li nqisu il-lingwaġġ analoġiku jew rappreżentattiv tat-test sagru, nistgħu niddeduċu li dawn l-esseri-persuni, kważi raggruppati f’soċjetà, jinqasmu f’ordnijiet u gradi, li jwieġbu għall-qies tal-perfezzjoni u għax-xogħlijiet afdati lilhom. L-awturi antiki u l-istess liturġija jitkellmu wkoll dwar ikori anġeliċi (disgħa, skont Dijonisju l-Areopaġita). It-tejoloġija, b’mod speċjali dik patristika u medjevali, ma ċaħditx dawn ir-rappreżentazzjonijiet billi iżda fittxet li ttihom spjega duttrinali u mistika, imma mingħajr ma ttihom valur assolut. San Tumas ipprefera li japprofondixxi r-riċerki dwar l-kondizzjoni ontoloġika, dwar l-attività konoxittiva u volitiva u dwar l-elevazzjoni spiritwali ta’ dawn il-krejaturi purament spiritwali, kemm minħabba d-dinjità tagħhom fl-iskala tal-esseri, kif ukoll minħabba li fihom setà japprofondixxi aħjar l-ħila u l-attività propji tal-ispirtu fl-istat pur, billi jislet mhux ftit dawl biex idawwal il-problemi tal-qiegħ li minn dejjem iqanqlu u jistimulaw l-ħsieb uman: l-għarfien, l-imħabba, il-libertà, il-ħlewwa ta’ Alla, il-kisba tas-saltna tiegħu   .

4. It-tema li aċċennajna tistà tidher “bogħod” jew aħjar “inqas vitali għall-mentalità tal-bniedem modern. Madankollu l-Knisja, waqt li tipproponi bi frankezza t-totalità tal-verità dwar Alla Ħallieq ukoll tal-anġli, temmen li tagħti servizz kbir lill-bniedem. Il-bniedem irawwem fih il-konvinzjoni li fi Kristu, Bniedem Alla, huwa hu (u mhux l-anġli) li jinsab fiċ-ċentru tar-rivelazzjoni divina. Madankollu, l-laqgħa reliġjuża mad-dinja tal-esseri purament spiritwali ssir rivelazzjoni prezzjuża tal-esseri tiegħu mhux biss ġisem imma wkoll spirtu, u tal-appartenenza tiegħu għal proġett ta’ fidwa verament kbira u effikaċi, ġo komunità ta’ esseri personali li għall-bniedem u mal-bniedem iservu l-pjan providenzjali ta’ Alla.

5. Ninnutaw li l-Iskrittura Mqaddsa u t-tradizzjoni jsejħu propjament anġli dawk l-ispirti puri li fil-prova fundamentali ta’ libertà għażlu lil Alla, il-glorja tiegħu u s-saltna tiegħu. Huma huma magħqudin ma’ Alla permezz tal-imħabba kkunsmata li toħroġ mill-viżjoni bejatifikanti, wiċċ ‘imb wiċċ, mis-Santissima Trinità. Dan jgħidu Ġesù stess: “L-anġli fis-sema jaraw dejjem wiċċ Missieri li huwa fis-smewwiet” (Mt 18, 10). Dik il- “jaraw dejjem wiċċ Missieri” hija l-ogħla manifestazzjoni tal-adorazzjoni ta’ Alla. Wieħed jistà jgħid li din tikkostitwixxi dik il-“liturġija ċelesti”, imwettqa f’isem l-univers kollu, li magħha bla ma taqtà tassoċja ruħha l-liturġija terrena tal-Knisja, b’mod speċjali fil-waqtiet kulminanti tagħha. Biżżejjed hawn niftakru l-att li bih il-Knisja, kull jum u kull siegħa, fid-dinja kollha, qabel ma tibda t-talba ewkaristika fil-qalba tal-Quddiesa imqaddsa, issejjaħ “lill-anġli u lill-arkanġli” biex ikantaw lill-glorja ta’ Alla tliet darbiet Qaddis, waqt li hekk jingħaqdu ma’ dawk l-ewwel adoraturi ta’ Alla, fil-kult u fl-għarfien amoruż tal-misteru li għalih mhemmx kliem ta’ qdusitu.

6. Dejjem skont ir-rivelazzjoni, l-anġli, li jieħdu sehem fil-ħajja tat-Trinità fid-dawl tal-glorja, huma wkoll imsejħa biex ikollhom il-parti tagħhom fl-istorja tal-fidwa tal-bnedmin, fil-waqtiet stabbiliti mill-pjan tal-Providenza divina. “Mhumiex huma lkoll spirti mogħnija b’ministeru  mibgħuta biex iservu lil dawk li għandhom jiksbu l-fidwa?”, jistaqsi l-awtur tal-Ittra lil-Lhud (Lh 1, 14). U dan temmen u tgħallem il-Knisja, a bażi tal-Iskrittura Mqaddsa li minnha  nifhmu li x-xogħol tal-anġli t-tajbin huwa l-protezzjoni tal-bnedmin u  l-ansjetà tal-fidwa tagħhom. Insibu dawn l-espressjonijiet f’diversi passi tal-Iskrittura Mqaddsa, bħal per eżempju fis-Salm 90 diġa kkwotat diversi drabi: “Hu jamar lill-anġli tiegħu biex jieħdu ħsieb il-passi kollha tiegħek. Fuq idejhom iġorruk sabiex ma taħbatx riġlek mal-ġebla” (Sal 90, 11-12). Ġesù stess, waqt li jitkellem dwar it-tfal u jwissi li ma jingħatawx lilhom skandli, ifakkar lill-“anġli tagħhom” (Mt 18, 10); u barra minn hekk jattribwixxi lill-anġli l-funzjoni ta’ xhieda fil-ħaqq divin suprem dwar ix-xorti ta’ min għaraf jew ċaħad lil Kristu: “Kull min jagħrafni quddiem il-bnedmin, ukoll Bin il-bniedem jagħrfu quddiem l-anġli ta’ Alla; imma min jiċħadni quddiem il-bnedmin, ikun miċhud quddiem l-anġli ta’ Alla” (Lq 12, 8-9). Dan il-kliem huwa sinifikattiv għaliex jekk l-anġli jieħdu sehem fil-ħaqq ta’ Alla, huma nteressati fil-ħajja tal-bniedem. Interess u sehem li donnhom jirċievu aċċentwazzjoni fid-diskors eskatoloġiku, li fih Ġesù idaħħal l-anġli fil-“parusia”, jew aħjar fil-miġja definittiva ta’ Kristu fl-aħħar tal-istorja (cf. Mt 24, 31; 25, 31. 41).

7. Fost il-kotba tat-Testment il-Ġdid, huma b’mod speċjali l-Atti tal-Appostli li jġegħluna nagħrfu xi fatti li jindikaw l-ansjetà tal-anġli għall-bniedem u għall-fidwa tiegħu. Hekk, meta l-anġlu ta’ Alla jeħles llill-Appostli mill-ħabs (cf. At 5, 18-20) u qabel xejn lil Pietru li kien mhedded bil-mewt minn Erodi. (cf. At 12, 5-10) Jew meta jiggwida l-attività ta’ Pietru fir-rigward taċ-ċenturjun Kornelju, l-ewwel pagan ikkonvertit (cf. At 10, 3-8; 11, 12-16), u analoġikament l-attività tad-djaknu Filippu tul it-triq minn Ġerusalem għal Gaża. (cf. At 8, 26-29)

Minn dawn il-ftit fatti kkwotati bħala eżempji, wieħed jifhem kif fil-kuxjenza tal-Knisja setgħet tifforma ruħha l-persważjoni dwar il-ministeru afdat lill-Anġli favur il-bnedmin.Għalhek il-Knisja tistqarr il-fidi tagħha fl-anġli kustodji, waqt li tqimhom fil-liturġija b’festa apposta, u waqt li tirrakkomanda r-rikors għall-protezzjoni tagħhom b’talb frekwenti, bħall-invokazzjoni tal- “Anġlu ta’ Alla”. Din it-talba donnha tagħmel teżor mill-kliem sabiħ ta’ San Bażilju”: “Kull fidil għandu biswitu anġlu bħala protettur u ragħaj, biex iwasslu fit-triq għall-ħajja” (Adversus Eunomium, III,1; si veda anche san TommasoSumma Theologiae, I, q. 11, a. 3).

8. Huwa fl-aħħarnett opportun li ninnutaw li l-Knisja tonora b’kult liturġiku tliet figuri ta’ anġli, li fl-Iskrittura Mqaddsa huma msejħa b’isimhom. L-ewwel huwa Mikiel arkanġlu (cf. Dn 10, 13. 20; Ap 12, 7; Gd 9). Ismu jesprimi sintetikament l-atteġġjament essenzjali tal-ispirti t-tajbin. “Mica-El” infatti tfisser: “Min bħal Alla?” F’dan l-isem tinsab mela espressa l-għażla feddejja li grazzi għaliha l-anġli “jaraw wiċċ Alla” li jinsab fis-smewwiet. (cf. Lq 1, 19-26). It-tieni huwa Gabriel: figura marbuta fuq kollox mal-misteru tal-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. (cf. Lq 1, 19-26) Ismu jfisser. “il-qawwa tiegħi hija Alla”, jew inkella “qawwa ta’ Alla”, kważi biex jgħid li, fil-quċċata tal-ħolqien, l-inkarnazzjoni hija s-sinjal suprem tal-Missier omnipotenti. Fl-aħharnett it-tielet arkanġlu jismu Rafael. “Rafa-El” ifisser: “Alla jfejjaq”. Huwa wasslilna l-istorja ta’ Tobija fit-Testment il-Qadim (cf. Tb 12, 15 ss), tant sinifikattiva dwar l-affidament lill-anġli tal-ulied ċkejknin ta’ Alla, dejjem fil-bżonn ta’  kustodja, ta’ kura u ta’ protezzjoni.

B’riflessjoni tajba wieħed jara li kull waħda minn dawn it-tliet figuri – Mica-El, Gabri-El, Rafa-El – tirrifletti b’mod partikolari l-verità miġbura fil-mistoqsija mqanqla mill-awtur tal-Ittra lil-Lhud: “Mhumiex jewwilla huma kollha spirti  responsabbi ta’ ministeru, mibgħuta biex jaqdu lil dawk li jmisshom jiksbu s-salvazzjoni?” (Lh 1, 14).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading