Ġesù Kristu veru bniedem

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 27 ta’ Jannar 1988

41. Ġesù Kristu veru bniedem.

  1. Ġesù Kristu veru Alla u veru bniedem: huwa l-misteru ċentrali tal-fidi tagħna u huwa wkoll il-verità muftieħ tal-katekeżi kristoloġiċi tagħna. Dalgħodu nipproponulkom li tfittxu xhieda ta’ din il-verità fl-Iskrittura Mqaddsa b’mod speċjali fil-Vanġeli, u fit-tradizzjoni nisranija.

Diġa rajna li, skont il-Vanġeli Ġesù Kristu jippreżenta u jgħarraf lilu nnifsu bħala Alla-Iben, b’mod speċjal meta jiddikjara: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30); meta jirreferi għalih innifsu l-istess isem ta’ Alla “Jiena Jien” (cf. Ġw 8, 58), u l-attributi divini meta jirreferi li lilu “ingħata kull poter fis-sema u fuq l-art” (Mt 28, 18): il-poter ta’ ħaqq finali fuq il-bnedmin kollha u l-poter fuq il-liġi (Mt 5, 22. 28. 32. 34. 39. 44) li mingħand Alla jieħu l-bidu tiegħu u l-qawwa u fl-aħħar il-poter li jaħfer id-dnubiet (cf. Ġw 20, 22-23), għaliex għalkemm mingħand il-Missier huwa rċieva l-poter li jagħti l-“ħaqq” finali fuq id-dinja (cf. Ġw 5, 22), huwa jiġi fid-dinja “biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf ” (Lq 19, 10).

Biex jikkonferma l-poter divin tiegħu fuq il-ħolqien, Ġesù jwettaq il-“mirakli”, jiġifieri xi “sinjali” li jixhdu li flimkien miegħu ġiet fid-dinja s-Saltna ta’ Alla.

  1. Imma dan Ġesù li, permezz ta’ dak kollu li “jagħmel u jgħallem”, jagħti xhieda lilu nnifsu bħala Iben ta’ Alla, fl-istess ħin jippreżenta lilu nnifsu u jgħarraf lilu nnifsu bħala tassew bniedem. It-testment il-ġdid kollu u b’mod partikolari l-Vanġeli jixħdu b’mod inekwivokabbli din il-verità, li dwarha Ġesù għandu kuxjenza ċarissima u li l-appostli u l-evanġelisti jafu, jagħrfu u jittrażmettu mingħajr ebda dubji. Għalhekk irridu niddedikaw il-katekeżi preżenti biex niġbru u biex nispjegaw għallinqas f’abbozz qasir id-dati evanġeliċi dwar din il-verità, dejjem f’kollegament ma’ dak li għidna qabel dwar Kristu bħala tassew Alla.

Tali mod biex niċċaraw l-vera umanità tal-Iben ta’ Alla illum huwa ndispensabbli, minħabba t-tendenza ta’ vista u preżentazzjoni ta’ Ġesù biss bħala bniedem: bniedem mhux tas-soltu u straordinarju imam dejjem u biss bniedem. Din it-tendenza karatteristika taż-żmenijiet moderni, u  sa ċertu punt antitesi għal dik li wriet ruħha taħt forom varji fl-ewwel sekli tal-kristjaneżmu u li ħadet l-isem ta’ “doċetiżmu”. Skont id-“doċeti” Ġesù Kristu kien bniedem “apparenti”: jiġifieri kellu d-dehra ta’ bniedem imma fir-realtà kien biss Alla.

Quddiem dawn it-tendenzi opposti, il-Knisja tipprofessa u tipproklama b’qawwa kbira l-verità dwar Kristu bħala Alla-bniedem: tassew Alla u tassew bniedem: Persuna waħda – dik divina tal-Verb – attributata f’żewġ naturi. Dik divina u dik umana, bħal ma jgħallem il-katekiżmu. Dan hu misteru profound tal-fidi tagħna: imam li jippermetti li jiġbor fih tant dwal.

  1. Ix-xhidiet bibbliċi dwar il-vera umanità ta’ Ġesù Kristu huma numerużi u ċari. Irridu niġbruhom biex imbagħad nispjegawhom fil-katekeżi li jmiss.

Il punt tat-tluq huwa hawn il-verità tal-inkarnazzjoni: “Et incarnatus est”, nipprofessaw fis-Simbolu. B’mod iktar  distint tali verità hija espressa fil-Prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. “U l-Verb sar laħam u ġie jgħix f’nofsna” (Ġw 1, 14). Laħam (bil-Grieg “sarx”) ifisser bniedem fil-konkretezza tiegħu kollha, inkluża l-korporjetà, u allura l-prekarjetà, id-dgħufija, f’ċertu sens il-fatt li jmut. (“Kull bniedem huwa bħall-ħaxix”, naqraw fil-ktieb ta’ Iżaija [ 40, 6]).

Ġesù Kristu huwa bniedem f’tali sinifikat tal-kelma “laħam”.

Dan il-laħam – u allura n-natura umana – Ġesù irċeviha mingħand ommu, Marija, il-Verġni ta’ Nażżaret. Jekk Sant Injazju ta’ Antijokja jsejjaħ lil Ġesù “sarcoforos” (S. Ignatii Antiocheni “Ad Smyrnaeos”, 5), jindika b’mod delikat b’din il-kelma t-twelid uman tiegħu minn mara, li tatu l-“laħam uman”. San Pawl kien diġa qal li “Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4, 4).

  1. L-evanġelista Luqa jitkellem dwar dan it-twelid minn mara, meta jiddeskrivi l-ġrajjiet tal-lejl ta’ Betlem: “Issa, meta kienu jinsabu f’dak il-post, għalqulha il-jiem tal-ħlas. Tat lid-dawl l-ewwel iben tagħha, fisqitu fil-ħrieqi u poġġietu f’maxtura” (Lq2, 6-7). L-istess evanġelista jgħarrafna li, fit-tminn jum wara t-twelid, it-tfajjel ġie sottomess għaċ-ċirkunċiżjoni ritwali u “ingħata l-isem ta’ Ġesù” (Lq2, 21). Fl-erbgħin jum ġie offrut bħala l-“ewwel wild” fit-tempju Ġerosolmitan skont il-liġi ta’ Mosè (cf. Lq 2, 22-24).

U jkompli, li bħal kull tifel, ukoll dan it-“tifel kien jikber u jissaħħah, mimli għerf” (Lc 2, 40). “Ġesù kien jikber fil-għerf, fl-età u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52).

  1. Narawh meta kiber, bħal ma ppreżentawulna b’mod iktar frekwenti l-Vanġeli. Bħala veru bniedem, bniedem tal-laħam (“sarx”), Ġesù ħass l-għejja, il-ġuħ u l-għatx. Naqraw: “U wara li kien sam erbgħin jum u erbgħin lejl, qabdu l-ġuħ” (Mt4, 2). U f’post ieħor: “Ġesù . . . għajjien mill-vjaġġ, qagħad bilqegħda maġemb il-bir . . . Sadattant waslet mara mis-Samarija biex timla l-ilma. Qalilha Ġesù: Tini nixrob” (Ġw4, 6-7).

Ġesù mela għandu ġisem sottomess għall-għejja, għat-tbatija, ġisem li jmut. ġisem li fl-aħħar minn l-aħħar iġarrab it-torturi tal-martirju permez tal-flaġellazzjoni, l-inkoronazzjoni bix-xewk u fl-aħħar, it-tislib.

Waqt l-agunija terribbli, kif kien se jmut fuq l-għuda tas-salib, Ġesù jippronunzja dik l-“Għandi l-għatx” tiegħu (Ġw 19, 28), li fiha hemm miġbura espressjoni aħħarija, ta’ niket u kommoventi tal-verità tal-umanità tiegħu.

  1. Tassew bniedem biss setà jbati bħal ma bata Ġesù fuq il-Golgota, tassew bniedem biss setà jmut bħal ma tassew miet Ġesù. Din il-mewt kienet innutata minn bosta xhieda okulari, mhux biss minn ħbieb u dixxipli, iżda, bħal ma naqraw fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, minn l-istess suldati, li “meta ġew fuq Ġesù u raw li kien diġa mejjet, ma kissrulux saqajh, imma wieħed mis-suldati nifidlu ġembu bil-lanza u minnufih ħareġ demm u ilma” (Ġw19, 33-34).

“Twieled minn Marija Verġni, bata taħt Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh”: B’dan il-kliem tas-Simbolu tal-Appostli l-Knisja tistqarr il-verità tat-twelid u tal-mewt ta’ Ġesù. Il-verità tal-qawmien mill-imwiet hija ċċertifikata minnufih wara b’dan il-kliem: “Fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet”.

  1. Il-qawmien mill-imwiet mill-ġdid iwettaq, b’mod ġdid, li Ġesù huwa tassew bniedem: jekk il-Verb biex jitwieled fiż-żmien “sar laħam”, meta qam mill-imwiet reġà ħa l-ġisem propju ta’ bniedem.

Bniedem tassew biss setà jbati u jmut fuq is-salib, bniedem tassew biss setà jirxoxta. “Jirxoxta tfisser jerġà lura għall-ħajja fil-ġisem. Dan il-ġisem jistà jkun mibdul, iddotat bi kwalitajiet u qawwiet ġodda, u fl-aħħar ukoll igglorifiat, ( bħal fl-Assunzjoni ta’ Kristu u fil-qawmien mill-imwiet ġejjieni tal-mejtin), imma huwa tassew ġisem uman. Infatti Kristu rxuxtat  jidħol f’kuntatt mal-appostli, huma jarawh, iħarsu lejh, imissulu  s-sinjali tal-feriti li kienu baqgħu wara t-tislib, u hu mhux biss ikellimhom u joqgħod magħhom, imma saħansitra jaċċetta l-ikel tagħhom: “Offrewlu biċċa ħuta mixwija; hu qabadha u kielha quddiemhom” (Lq 24, 42-43). Fl-aħħarnett Kristu, f’dan il-ġisem irxuxtat u issa gglorifikat, imma dejjem ġisem ta’ bniedem tassew, jitlà fis-sema, biex joqgħod “fuq il-lemin tal-Missier”.

  1. Mela, tassew Alla u tassew bniedem. Mhux bniedem apparenti, mhux “fantażma” (“homo phantasticus”) imma bniedem reali. Hekk għarfuh l-appostli u l-grupp ta’ kredenti li kienu jikkostitwixxu l-Knisja tal-bidu. Hekk huma tkellmu dwar dan fix-xhieda tagħhom.

Ninnutaw minn issa li, kif inhuma l-affarijiet, fi Kristu mhemm ebda kontradizzjoni bejn dak li huwa “divin” u dak li huwa “uman”. Jekk il-bniedem, sa mill-bidu, inħoloq xbiha u immaġni ta’ Alla (cf. Ġen 1, 27; 5, 1), u allura dak li huwa “uman” jistà jimmanifesta ukoll dak li huwa “divin”, kemm jistà mela iktar iseħħ fi Kristu. Huwa rrivela d-divinita tiegħu permezz tal-umanità, permezz ta’ ħajja awtentikament umana. L-“umanità” tiegħu serviet biex tirrivela d-“divinità” tiegħu: il-persuna tiegħu tal-Verb-Iben.

Fl-istess ħin hu bħala Alla-Iben ma kienx, minħabba dan, “inqas” bniedem. Biex jirrivela ruħu bħal Alla ma kienx kostrett li jkun “inqas” bniedem. Anzi: minħabba dan il-fatt huwa kien “pjenament” bniedem, jew aħjar fl-assunzjoni tan-natura umana f’għaqda mal-persuna divina tal-Verb, huwa kiseb fil-milja tagħha l-perfezzjoni umana.  U dimensjoni antropoloġika tal-kristoloġija, li għaliha rridu nerġgħu nduru.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading