Il-mirakli huwa turija tal-Ordni Sopranaturali


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 13 ta’ Jannar 1988

40. Il-mirakli huwa turija tal-Ordni Sopranaturali

  1. Waqt li nitkellmu dwar il-mirakli mwettqa minn Ġesù fit-twettiq tal-missjoni tiegħu fuq l-art, Santu Wistin f’test interessanti jinterpretahom bħala sinjali tal-qawwa u tal-imħabba feddejja u bħala stimuli biex jgħolluna fis-saltna tal-ħwejjeġ ċelesti.

“Il-mirakli li għamel is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu – huwa jikteb – huma opri divini li jgħallmu lill-moħħ uman biex jgħolli lilu nnifsu ‘l fuq mill-ħwejjeġ viżibbli biex jifhem dak li huwa Alla”  (S. Wistin, “In Io. Ev. Tract.”, 24, 1).

  1. Ma’ dan il-ħsieb ningħaqdu biex nerġgħu naqbdu r-rabta stretta tal-“mirakli-sinjal” mwettqa minn Ġesù bis-sejħa għall-fidi. Infatti tali mirakli juru l-eżistenza tal-ordni soprannaturali, li hija oġġett tal-fidi. Lil dawk li osservawhom u b’mod partikolari lil min sperimantahom personalment, huma ġagħluhom jinnutaw kważi b’idejhom li l-ordni tan-natura ma tikkonkludix r-realtà kollha. L-univers li fih jgħix il-bniedem mhuwiex magħluq biss fil-kwadru tal-ordni tal-ħwejjeġ aċċessibbli għas-sensi u għall-istess intellett kondizzjonat mill-għarfien sensibbli. Il-miraklu huwa “sinjal” li dan l-ordni jiġi superat mill-“Qawwa mill-għoli”, u allura huwa sottomess għaliha. Din il-“Qawwa mill-għoli” (cf. Lq 24, 49), jiġifieri Alla nnifsu, huwa ‘l fuq mill-ordni kollu tan-natura. Hija tmexxi din l-ordni u fl-istess ħin tgħarrafna li – permezz ta’ din l-ordni u ‘l fuq minnha – id-destin tal-bniedem huwa s-saltna ta’ Alla. Il-mirakli ta’ Kristu huma “sinjal” ta’ din is-Saltna.
  2. Il-mirakli madankollu huma f’kuntrast mal-qawwiet u l-liġijiet tan-natura, imma jinvolvu biss ċerta “suspensjoni” sperimentabbli tal-funzjoni ordinarja tagħhom, mhux annullament tagħhom. Anzi, il-mirakli deskritti fil-Vanġelu jindikaw l-eżistenza ta’ qawwa li tegħleb il-qawwiet u l-liġijiet tan-natura, imma li fl-istess ħin topera fil-linja tal-esiġenzi tan-natura nfisha, ukoll jekk ‘il fuq mill-ħila attwali normali tagħha. Mhuwiex dak li jseħħ per eżempju f’kull fejqan mirakoluż? Il-potenzjalità tal qawwiet tan-natura tiġi attwatha mill-intervent divin li jestendiha ‘l hemm mill-isfera tal-possibiltà ta’ azzjoni normali tagħha. Dan la jinnewtralizza u linqas jiffrustra l-każwalità li Alla kkomunika lill-ħwejjeġ fil-ħolqien, imma jgħolli u f’ċertu mod  jgħolli l-prestiġju tal-ħila tal-operat jew ukoll tar-riċeviment tal-effetti tal-operazzjoni  tal-oħrajn, bħal ma appuntu jseħħ fil-fejqanijiet deskritti fil-Vanġelu.
  3. Il-verità dwar il-ħolqien hija l-ewwel verità fondamentali tal- fidi tagħna. Mhijiex madankollu la l-unika u linqas dik suprema. Il-fidi tgħallimna li l-opra tal-ħolqien hija miġbura fl-isfera tal-pjan ta’ Alla, li bl-intenzjoni tiegħu jasal ferm ‘il hemm mil-limiti tal-ħolqien innifsu. Il-ħolqien – b’mod partikolari l-krejatura umana msejħa għall-eżistenza fid-dinja viżibbli – hija miftuħa għal destinazzjoni eterna, li kienet rivelata fil-milja kollha tagħha minn Ġesù Kristu. Ukoll fih l-opra tal-ħolqien tiġi mwettqa mill-opra tal-fidwa. U l-fidwa tfisser ħolqien ġdid  (cf. 2 Kor 5, 17; Gal 6, 15), “ħolqien ġdid”, ħolqien imfassal mill-pjan oriġinali tal-Ħallieq, restawrazzjoni ta’ dak li Alla kien għamel u li fl-istorja tal-bniedem kien ġarrab it-taqlib u l-“korruzzjoni” konsegwenza tad-dnub.

Il-mirakli ta’ Kristu jerġgħu jidħlu fil-proġett tal-“ħolqien il-ġdid” u għalhekk huma marbuta mal-ordni tal-fidwa. Huma huma  xi “sinjali” feddejja li jsejħu għall-konversjoni u għall-fidi u fuq din it-triq, għat-tiġdid tad-dinja, sottomessa għall-“korruzzjoni”  (cf. Rm 8, 19-21). Huma mela ma jiqfux għall-ordni ontoloġiku tal-ħolqien (“creatio”), li wkoll imissu u jsewwu, imma jerġgħu jidħlu fl-ordni soterjoloġiku tal-ħolqien il-ġdid (“re-creatio totius universi”), ta’ liema huma koefiċjenti u għal liema, bħala “sinjali” jagħtu xhieda.

  1. L-ordni soterjoloġiku għandu s-sies tiegħu fl-inkarnazzjoni: u wkoll il-“mirakli-sinjali”, li dwarhom jitkellmu l-Vanġeli, jsibu s-sies tagħhom fl-istess realtà tal-Bniedem-Alla. Din ir-realtà –misteru tħaddan u tissupera dawk il-ġrajjiet mirakolużi kollha marbutin mal-missjoni messjanika ta’ Kristu. Nistgħu ngħidu li l-inkarnazzjoni hija l-“miraklu tal-mirakli”, il-“miraklu” radikali u permanenti tal-ordni l-ġdid tal-ħolqien. Id-dħul ta’ Alla fid-dimensjoni tal-ħolqien jitwettaq fir-realtàtal-inkarnazzjoni b’mod uniku u għall-għajnejn tal-fidi jsir “sinjal” superjuri b’mod imkomparabbli għas-“sinjali” mirakolużi l-oħra kollha tal-preżenza u tal-operat divin fid-dinja. Anzi, dawn “is-sinjali” l-oħra kollha għandhom l-għeruq tagħhom fir-realtà tal-inkarnazzjoni, idawlulha l-qawwa tagħha li tiġbed, jagħtuha xhieda. Huma jġegħlu lill-kredenti jtennu dak li jikteb l-evanġelista Ġwanni fi tmiem il-Prologu dwar l-inkarnazzjoni: Aħna naraw il-glorja tiegħu, ġlorja bħala ta’ uniġenitu tal-Missier mimli grazzja u verità” (Ġw1, 14).
  2. Jekk l-nkarnazzjoni hija s-sinjal fundamentali li miegħu jintrabtu s-“sinjali” kollha li taw xhieda lid-dixxipli u lill-umanità li “waslet . . . is-Saltna ta’ Alla ” (cf.Lq 11, 20), hemm imbagħad sinjal aħħari u definittiv, li għalih jirreferi Ġesù waqt li jirreferi għall-profeta Ġona: “Bħal ma nfatti Ġona baqà tlett ijiem u tlett iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk Bin il-bniedem jibqà tlett ijiem u tlett iljieli fil-qalb tal-art” (Mt 12, 40): dan huwa s-“sinjal” tal-qawmien mill-imwiet.

Ġesù jħejji lill-appostli għal dan is-“sinjal” definittiv imma jagħmlu b’mod gradat u b’tattika, waqt li jirrakkomandahom diskrezzjoni “sa ċertu żmien”. Aċċenn  ċar b’mod partikolari ikun dak tat-trasfigurazzjoni fuq il-muntanja: “Waqt li kienu neżlin mill-muntanja, oednalhom biex ma jirrakkontaw xejn lil ħadd dak li kienu raw, jekk mhux wara li Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (Mk 9, 9). Wieħed jistà jistaqsi l-għaliex ta’ din il-gradwalità. Nistgħu nwieġbu li Ġesù kien jaf tajjeb kemm kienu jikkumplikaw ruħhom l-affarijiet kieku l-appostli u d-dixxipli l-oħra kellhom jidew jiddiskutu dwar il-qawmien mill-imwiet,  biex jifhmu dik li għaliha ma kinux għadhom imħejjija biżżejjed, minn kif jidher mill-kumment tal-evanġelista stess għar-rakkomandazzjoni referita issa: “Huma żammu għalihom il-ħaġa, waqt li staqsew lilhom infushom iżda x’ried jgħid bil-qawmien mill-imwiet” (Mk 9, 10). Barra minn hekk nistgħu ngħidu li l-qawmien mill-mewt, għalkemm  espress u mħabbar, kien fil-quċċata ta’ dik ix-xorta ta’ “sigriet messjaniku” li Ġesù ried iżomm fit-tul l-iżvolġiment kollu ta’ ħajtu u tal-missjoni tiegħu sal-waqt tat-twettiq u tar-rivelazzjoni finali, li appuntu kellhom bil-“miraklu tal-mirakli”,  il-qawmien mill-imwiet, li, skont San Pawl, huwa s-sies tal-fidi tagħna    (cf. 1 Kor 15, 12-19).

  1. Wara l-Qawmien mill-Imwiet, it-Tlugħ fis-sema u l-Inżul tal-Ispirtu Santu, il-“mirakli-sinjali” mwettqa minn Kristu jiġu “ kompluti” l-ewwel mill-appostli, imbagħad mill-qaddisin li ġew warajhom minn ġenerazzjoni għal oħra. L-Atti tal-Appostli joffrulna xhieda numeruża dwar il-mirakli mwettqa “fl-isem ta’ Ġesù Kristu” minn Pietru (cf.At3, 1-8; 5,15; 9, 32-41), minn Stiefnu (At 6, 8), minn Pawlu (At 14, 8-10). Il-ħajja tal-qaddisin, l-istorja tal-Knisja u, b’mod partikolari, il-proċessi mwettqa għall-kawżi ta’ kanonizzazzjoni tas-servi ta’ Alla, jikkostitwixu dokumentazzjoni li, sottomessa għall-iskrutinju wkoll iktar sever tal-kritika storika u tax-xjenza medika, jikkonfermaw l-eżistenza tal-“Qawwa minn l-għoli” li topera fl-ordni tan-natura u taqbiżha.  Dawn huma “sinjali” mirakolużi mwettqa miż-żminijiet tal-appostli sallum, li l-iskop essenzjali tagħhom huwa li juru d-destin u l-vokazzjoni tal-bniedem għas-Saltna ta’ Alla. Hekk permezz ta’ tali “sinjali” tikkonferma ruħħa fid-diversi żminijiet u fiċ-ċirkustanzi l-iktar varji l-verità tal-Vanġelu u turi ruħha l-qawwa feddejja ta’ Kristu li ma tiqafx issejjaħ lill-bnedmin (permezz tal-Knisja) lejn it-triq tal-fidi. Dan il-poter feddej tal-“Alla-Bniedem”, jimmanifesta ruħu wkoll meta l-“mirakli-sinjali” jiġu mwettqa bl-interċessjoni tal-bnedmin, tal-qaddisin, tad-devoti – hekk bħal ma l-ewwel “sinjal” f’Kana tal-Galilea ġie mwettaq bl-interċessjoni tal-Omm ta’ Kristu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb