Id-definizzjonijiet Kristoloġiċi u l-fidi tal-Knisja llum

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 13 ta’ April 1988

49. Id-definizzjonijiet Kristoloġiċi u l-fidi tal-Knisja llum

  1. Waqt li niġbru fil-qosor id-duttrina kristoloġika tal-Konċilji ekumeniċi u tal-Missirijiet, fl-aħħar katekeżi, stajna nindunaw bl-isforz imwettaq mill-moħħ uman biex jippenetra fil-misteru tal-bniedem-Alla, u hemm naqraw il-verità tan-natura umana u tan-natura divina, dwar id-duwaliżmu tagħhom u dwar l-għaqda tagħhom fil-persuna tal-Verb, dwar il-propjetajiet u l-fakultajiet tan-natura umana u dwar l-armonizzazzjoni perfetta u s-sottomissjoni għall-eġemonija tal-jien divin. It-traduzzjoni ta’ dak il-qari profond seħħ fil-konċilji b’kunċetti u termini meħudin mil-lingwaġġ kurrenti, li kien l-espressjoni naturali tal-mod komuni ta’ għarfien u raġunar, preċedenti għall-konċettwalizzazzjoni imħaddma minn kwalunkwè skola filosofika u tejoloġika. Ir-riċerka, ir-riflessjoni u t-tentattiv biex tkun ipperfezzjonata l-forma espressiva ma naqsux fil-Missirijiet u linqas ma kienu se jkunu nieqsa fis-sekoli suċċessivi tal-Knisja, li fihom il-kunċetti u t-termini wżati fil-kristoloġija – b’mod speċjali dak tal-“persuna” – kien se jkollhom l-approfondimenti u l-preċiżjonijiet ta’ valur inkalkolabbli wkoll għall-progress tal-ħsieb uman. Imma s-sinifikat tagħhom fl-applikazzjoni għall-verità rivelata li kellhom jesprimu ma kienx marbut jew ikkondizzjonat minn awturi jew skejjel partikolari: kien dak li setà jinġabar fil-lingwaġġ ordinarju tal-għorrief ta’ kull żmien, bħal ma nistgħu  ninnotaw mill-analiżi tad-definizzjonijiet fihom imħabbra.
  2. U wieħed jistà jifhem li fiż-żminijiet iktar reċenti, billi trid tittraduċi d-dati rivelati f’lingwaġġ skont fehmiet filosofiċi jew xjentifiċi ġodda, uħud sabu sens ta’ diffikultà biex iħaddmu u jaċċettaw dik it-terminoloġija antika, u speċjalment id-distinzjoni bejn natura u persuna li hija fondamentali fit-tradizzjoni kristoloġika kif ukoll fit-tejoloġija tat-Trinità . Partikolarment min irid jispira ruħu għall-pożizzjonijiet tal-iskejjel varji moderni, li jinsistu fuq filosofija tal-lingwaġġ u fuq ermenawtika dipendenti minn premessi tar-relativiżmu, soġġettiviżmu u eżistenzjaliżmu, strutturaliżmu eċċ., jasal li jiżvaluta u saħansitra jwarrab kunċetti u termini antiki, bħala mittiefsa minn skolastiċiżmu, formaliżmu, statiċiżmu, astoriċità (non-historicity) eċċ., hekk li jkunu mhux addattati biex jesprimu u jikkomunikaw illum il-misteru tal-Kristu ħaj.
  3. Imma mbagħad wara x’seħħ? Qabel xejn li wħud saru priġunieri ta’ forma ġdida ta’ skolastiċiżmu, attwat minn ideat u terminoloġiji marbuta mal-kurrenti l-ġodda tal-ħsieb filosofiku, mingħajr ma taw każ ta’ konfront tassew mal-forma espressiva tas-sens komun u, wieħed jistà jgħid, tal-intelliġenza universali, li tibqà wkoll illum indispensabbli biex tikkomunika lil dawn u lil oħrajn fil-ħsieb u fil-ħajja. It-tieni nett, kien hemm passaġġ, kif kien prevedibbli, mill-kriżi miftuħa dwar il-kwestjoni tal-lingwaġġ, għar-relattività tad-domma niċena u kalċedona, meta tqis kif sempliċi tentattiv ta qari storiku, iddatat, superat, u mhux iktar proponibbli għall-intelliġenza moderna. Dan il-passaġġ kien u għadu tassew riskjuż u jistà jwassal għal riżultati diffiċilment konċiljabbli mad-dati tar-rivelazzjoni.
  4. Fil-lingwaġġ il-ġdid, infatti, wasalna biex nitkellmu dwar l-eżistenza ta’ “persuna umana” f’Ġesù Kristu, a bażi tal-konċezzjoni fenomenoloġika tal-personalità, mogħtija minn totalità ta’ waqtiet espressivi tal-kuxjenza u tal-libertà, mingħajr konsiderazzjoni suffiċjenti għas-suġġett ontoloġiku (= l-aspett essenzjali tal-eżistenza) li hemm fl-oriġini. Inkella tnaqqset l-personalità divina fl-awtokuxjenza li Ġesù għandu tad-“divin” li hemm fih, mingħajr ma nifhmu l-inkarnazzjoni bħala assunzjoni tan-natura umana minn naħa ta’ jien divin traxxendenti u prieżistenti. Dawn il-konċezzjonijiet li jirriflettu wkoll fuq id-domma marjana u b’mod partikolari fuq il-maternità divina ta’ Marija, hekk marbuta fil-Konċilji mad-domma kristoloġika, jinkludu kważi dejjem iċ-ċaħda tad-distinzjoni bejn natura u persuna, li iżda l-Konċilji kienu ħadu mil-lingwaġġ komuni u tejoloġikament elaborat bħal muftieħ ta’ nterpretazzjoni tal-misteru ta’ Kristu.
  5. Dawn il-fatti, li ovvjament għadna kemm aċċennajna għalihom, iġegħluna nifhmu kemm hija delikata l-problema tal-lingwaġġ il-ġdid kemm għat-tejoloġija kif ukoll għall-katekeżi, speċjalment meta, waqt li nitilqu minn rifjut preġudizzjali ta’ kategoriji antiki (per eżempju, ta’ dik ippreżentatha bħala “ellenika”), nispiċċaw biex insofru tali sudditanza għal kategoriji ġodda – jew għal kliem ġdid – li nimmanipulaw, f’isimhom, ukoll is-sustanza tal-verità rivelata.

Dan ma jfissirx li wieħed ma jistax u m’għandux ikompli jinvestiga l-misteru tal-Verb inkarnat, u biex “ifittex modi iktar adatti li jikkomunikaw id-duttrina nisranija”, skont  ir-regoli u l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II, li enfasizza tajjeb, flimkien ma’ Ġwanni XXIII, li “altru huwa d-depożitu jew il-verità tal-fidi, altru huwa l-mod li bih jiġu espressi, waqt li jibqà l-istess is-sinifikat u s-sens profond” (Gaudium et Spes, 62; cf. Ioannis XXIII “Allocutio in solemni SS. Concilii inauguratione”, die 11 oct. 1962: AAS 54 [1962] 792).

Il-mentalità tal-bniedem modern, iffurmata skont il-kriterji u l-metodi tal-għarfien xjentifiku, għandha tkun  avviċinata billi tieħu in konsiderazzjoni t-tendenzi tagħha  għar-riċerka fid-diversi oqsma tal-għerf, imma wkoll tal-aspirazzjoni profonda tagħha għal “’il hemm” li jissupera  b’mod kwalitattiv il-konfini kollha tal-isperimentali u tal-kalkolabbli, kif ukoll tal-manifestazzjonijiet frekwenti tagħha tal-bżonn ta’ għerf ferm iktar sodisfaċenti u stimulanti mix-xjenza: b’tali mod din il-mentalità tallum tirriżulta kompletament bogħod minn impenetrabbli għal diskors dwar ir-“raġuni suprema” tal-ħajja u dwar is-sies tagħhom f’Alla. Minn hawn il-possibiltà wkoll ta’ diskors msejjes u lejali dwar il-Kristu tal-Vanġeli u tal-istorja, mibni fl-għarfien tal-misteru, u allura kważi b’temtim, imma mhux mingħajr ċarezza ta’ kunċetti elaborati bl-għajnuna tal-Ispirtu mill-Konċilji u mill-Missirijiet u lilna mgħoddija mill-Knisja.

  1. Għal dan id-“depożitu” rivelat u trasmess trid tkun fidila l-katekeżi kristoloġika li waqt li tistudja u tippreżenta l-kelma, l-opra tal-Kristu tal-Vanġeli, tistà tajjeb ferm tindika propju f’dan il-kontenut ta’ verità u ta’ ħajja l-asserzjoni tal-prieżistenza eterna tal-Verb, il-misteru tal-“kenosi” tiegħu (cf.Fil 2, 7), il-predestinazzjoni u l-eżaltazzjoni tiegħu li hija l-iskop veru tal-ekonomija kollha tal-fidwa u li  tinkorpora bi u fil-Kristu bniedem Alla l-umanità kollha u f’ċertu mod il-ħolqien kollu.

Tali katekeżi trid tippreżenta l-verità integrali tal-Kristu bħala Iben u Verb ta’ Alla fil-kobor kollu tat-Trinità (domma oħra fundamentali nisranija), li jinkarna ruħu għall-fidwa tagħna u hekk jattwa l-ikbar għaqda li wieħed jistà jaħseb u possibbli bejn il-krejatura u l-Ħallieq, fl-esseri uman u fl-univers kollu.

Barra minn dan din ma tistax tittraskura l-verità tal-Kristu li għandu realtà tiegħu ontoloġika ta’ umanità li tappartjeni għall-Persuna divina, imma wkoll kuxjenza intima tad-divinità tiegħu, tal-għaqda bejn l-umanità tiegħu u d-divinità tiegħu u tal-missjoni fedejja li, bħala bniedem, kienet lilu assenjata.

Hekk titfaċċa l-verità li għaliha f’Ġesù ta’ Nażżaret, fl-esperjenza u l-għarfien intern tiegħu,  għandha l-iktar rejalizzazzjoni għolja tal-“personalità” ukoll fil-valur tagħha ta’ “sensus sui”, ta’ awtokuxjenza bħala sies u ċentru vitali tal-attività kollha nterna u esterna, imma attwata fl-isfera infinitament superjuri tal-persuna divina tal-Iben.

Titfaċċa wkoll il-verità tal-Kristu li tappartjeni għall-istorja bħala personaġġ u fatt partikolari  (“factum ex muliere, natum sub lege”) (Gal 4, 4), imma li ssaħħaħ fiha valur universali tal-umanità maħsuba u maħluqa fil-“parir etern” ta’ Alla; il-verità tal-Kristu bħala rejalizzazzjoni totali tal-proġett etern li jittraduċi ruħu fl-“patt” u fis-“Saltna” – ta’ Alla u tal-bniedem – li nafu mill-profezija u mill-istorja bibblika; il-verità tal-Kristu Logos etern, dawl u raġuni tal-ħwejjeġ kollha (cf. Ġw 1, 4. 9 ss), li jinkarna ruħu u jippreżenta ruħu f’nofs il-ħwejjeġ, fil-qalb tal-istorja, biex ikun – skont il-pjan tal-Alla-Missier – ir-ras ontoloġika tal-univers, ir-redentur u l-feddej tal-bnedmin kollha, ir-restawratur li jerġà jiġbor mill-ġdid il-ħwejjeġ kollha tas-sema u tal-art (cf. Ef 1, 10).

  1. Bogħod sewwa mit-tentazzjonijiet ta’ kull forma ta’ moniżmu materjalistiku jew panloġiku, riflessjoni ġdida dwar dan il-misteru tal-Alla li jassumi l-umanità biex jintegraha, isalvaha u jigglorifikaha fil-għaqda konklussiva tal-glorja tiegħu, ma titlef xejn mill-faxxinu tagħha u tħallina ntegħmu l-verità u s-sbuħija profonda tagħha, jekk, żviluppata u spjegata fl-isfera tal-kristoloġija tal-Konċilji u tal-Knisja, tiġi mwassla għall-espressjonijiet ġodda tejoloġiċi, filosofiċi u artistiċi (cf.Gaudium et Spes, 62), li fihom l-ispirtu uman ikun jistà jakkwista dejjem aħjar dak li joħroġ mill-abbiss infinit tar-rivelazzjoni divina.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading