Il-Missjoni ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 20 ta’ April 1988

50. Il-Missjoni ta’ Kristu.

  1. Illum tibda l-aħħar fażi tal-katekeżi tagħna dwar Ġesù Kristu (waqt l-udjenzi ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa). S’issa fittixna li nuru min hu Ġesù Kristu. Dan għamilnieh l-ewwel fid-dawl tal-Iskrittura Mqaddsa b’mod speċjali mill-Vanġeli, u mbagħad, fl-aħħar katekeżi, eżaminajna u spjegajna t-tweġiba ta’ fidi li l-Knisja tat lir-rivelazzjoni ta’ Ġesù stess u lix-xhieda u l-predikazzjoni tal-appostli fil-korsa tal-ewwel sekoli waqt l-elaborazzjoni tad-definizzjonijiet kristoloġiċi tal-ewwel Konċilji (bejn ir-IV u s-VII sekolu).

Ġesù Kristu , veru Alla u veru bniedem. Konsustanzjali mal-Missier (u mal-Ispirtu Santu) fejn tidħol id-divinità, konsustanzjali magħna fejn tidħol l-umanità: Bin Alla u mwieled minn Marija Verġni. Din hija d-domma ċentrali tal-fidi nisranija, li fiha jesprimi ruħu l-misteru ta’ Kristu.

  1. Għal dan il-misteru tappartjeni wkoll il-missjoni ta’ Ġesù Kristu. Is-Simbolu tal-fidi jgħaqqad din il-missjoni mal-verità fuq l-esseri tal-Alla-Bniedem (Theandrikos), Kristu, meta jgħid b’mod konċiż li “Għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna niżel mis-sema . . . u sar bniedem”. Għalhekk fil-katekeżi tagħna se nfittxu li niżviluppaw il-kontenut ta’ dan il-kliem tal-Kredu, waqt li nimmeditaw wieħed wara l-ieħor id-diversi aspetti tal-missjoni ta’ Ġesù Kristu.
  2. Sa mill bidu tal-attività messjanika, Ġesù juri qabel xejn l-missjoni profetika tiegħu. Ġesù jħabbar il-Vanġelu. Huwa stess jgħid “li ġie” (mingħand il-Missier) (cf.Mk1, 38), “li ġie mibgħut” biex “iwassal il-bxara t-tajba tas-Saltna ta’ Alla” (cf. Lq 8, 1).

Differenti mill-prekursur tiegħu Ġwanni Battista, li kien jgħallem fuq il-Ġordan, f’post deżert, lil dawk li kienu jmorru ħdejh minn diversi partijiet – Ġesù kien imur hu jiltaqà ma dawk li lilhom kellu jxandar il-bxara t-tajba. Nistgħu naraw f’dan il-moviment tiegħu lejn in-nies rifless ta’ dinamiżmu propju tal-misteru stess tal-inkarnazzjoni: il-mawrien ta’ Alla lejn il-bnedmin. Hekk jgħidulna l-evanġelisti li Ġesù “kien jiġġerra mal-Galilea kollha, waqt li jgħallem fis-sinagogi tagħhom” (Mt 4, 23), u li “hu kien imur fil-bliet u fl-irħula” (Lq 8, 1). Mit-testi tagħhom jirriżulta li l-predikazzjoni ta’ Ġesù seħħet kważi b’mod esklussiv fit-territorju tal-Palestina, jiġifieri bejn il-Galilea u l-Ġudea, bi żjajjar ukoll fis-Samarija (cf. Ex gr cf. Ġw 4, 3-4), passaġġ obbligat bejn iż-żewġ reġġjuni ewlenin. Il-Vanġelu, iżda jsemmi wkoll ir-“reġġjun ta’ Tiru u Sidone”, jiġifieri il-Feniċja (cf. Mc 7, 31; Mt 15, 21), u wkoll id-Dekapoli jiġifieri “r-reġġjun tal-Gerasin” fuq ix-xatt l-ieħor tal-għadira tal-Galilea (cf. Mk 5, 1; Mk 7, 31). Dawn l-aċċenni jippruvaw li Ġesù kultant kien joħroġ ‘il barra mill-fruntieri ta’ Iżrael (f’sens etniku), ukoll jekk hu jenfasizza b’mod ripetut li l-missjoni tiegħu kienet prinċipalment indirizzata “għad-dar ta’ Iżrael” (Mt 15, 24). Ukoll lid-dixxipli, li jibgħat għal prova tal-ewwel ta’ apostolate  missjunarju, jirrakkomanda b’mod espliċitu: “La tmorrux fost il-pagani u la tidħlux fl-ibliet tas-Sammaritani; pjuttost  indirizzaw lin-nagħaġ mitlufa tad-dar ta’ Iżrael” (Mt 10, 5-6). Fl-istess ħin, iżda, huwa jagħmel wieħed mill-iktar djalogi messjaniċi mportanti fis-Sammarija, ħdejn il-bir ta’ Sichem (cf. Ġw 4, 1-26).

Barra minn dan l-istess evanġelisti jiċċertifikaw ukoll li l-folol li kienu jsegwu lil Ġesù kienu magħmulin minn nies li kienu jiġu mhux biss mill-Galilea, mill-Ġudea u minn Ġerusalem, imma wkoll “mill-Idumea u mit-Trasġordanja u mill-partijiet ta’ Tiru u Sidone” (Mk 3, 7-8, ukoll cf. Mt 4, 12-15).

  1. Ukoll jekk Ġesù jiddikjara b’mod ċar li l-missjoni tiegħu kienet marbuta mad-“dar ta’ Iżrael” fl-istess ħin huwa jġiegħel wieħed jifhem li d-duttrina minnu ppridkata – il-bxara t-tajba – hija ddestinata għall-ġeneru uman kollu. Hekk, per eżempju, b’referenza għall-professjoni tal-fidi taċ-ċenturjun Ruman, huwa jħabbar bil-quddiem: “. . . bosta għad jiġu mil-Lvant u mill-Punent u jpoġġu mal-mejda flimkien ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb fis-Saltna tas-smewwiet . . .” (Mt8, 11). Imma wara l-qawmien mill-imwiet biss huwa jikkmandah lill-appostli: “Morru, mela, u għallmu lin-nazzjonijiet kollha” (Mt 28, 19).
  2. Liema hu l-kontenut essenzjali tat-tagħlim ta’ Ġesù? Wieħed jistà jwieġed b’kelma waħda: il-Vanġelu, jiġifieri l-bxara t-tajba. Huwa infatti jagħti bidu għall-predikazzjoni tiegħu b’din l-istedina: “Iż-żmien għadda u s-Saltna ta’ Alla hija fil-qrib: ikkonvertu u emmnu l-Vanġelu” (Mk1, 15).

It-terminu stess “bxara tajba” jindika l-karattru fundamentali tal-messaġġ ta’ Kristu. Alla kien jixtieq iwieġeb għax-xewqa ta’ ġid u feliċità miżrugħa b’mod profond fil-bniedem. Wieħed jistà jgħid li l-Vanġelu, li huwa din it-tweġiba divina, jippossiedi karattru “ottimista”. Dan, iżda mhux ottimiżmu purament temporali, ewdemoniżmu superfiċjali, mhuwiex aħbar tal-“ġenna tal-art”. Il-“bxara t-tajba” ta’ Kristu timpani fuq min jismà esiġenzi essenzjali ta’ natura morali, tindika l-bżonn ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċji, hija fl-aħħar minn l-aħħar marbuta mal-misteru feddej tas-salib. F’nofs il-“bxara t-tajba”, infatti, hemm il-programm tal-bejatitudni (cf. Mt 5, 3-11), li jippreċiża b’mod l-iktar sħiħ il-ġeneru ta’ feliċità li Kristu ġie biex iħabbar u jirrivela lill-umanità, li għadha hawn fuq l-art fil-mixja lejn id-destini definittivi u eterni. Huwa jgħid: “Imberkin il-foqra tal-ispirtu, għaliex tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet!” Kull waħda mit-tminn bejatitudni għandha struttura simili għal din. Fl-istess spirtu Ġesù jsejjaħ “imbierek” il-qaddej li sidu “jsibu għassa – jiġifieri jaħdem – meta jiġi lura” (cf. Lq 12, 37). Hawn, wieħed jistà jieħu idea wkoll tal-prospettiva eskatoloġika u eterna tal-feliċità rivelata u mħabbra mill-Vanġelu.

  1. Il-bejatitudni tal-faqar twassalna għall-bidu tal-attività messjanika ta’ Ġesù, meta, waqt li jkun jitkellem fis-sinagoga ta’ Nażżaret, huwa jgħid: L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; għalhek ikkonsagrani bid-dlik, u bagħatni nħabbar lill-fqajrin messaġġ ferrieħ” (Lq4, 18). Dawn huma dawk li huma fqar mhux biss u mhux tant f’sens ekonomiku-soċjali (“ta’ klassi”), imam dawk li huma spiritwalment miftuħa biex jilqgħu l-verità u l-grazzja, li jiġu mingħand il-Missier, bħala don ta’ mħabbtu, id-don b’xejn (“gratis” mogħti), għaliex internament ħielsa mir-rabta mal-ġid tad-dinja u lesti li jużawh u jaqsmuh skont l-esiġenzi tal-ġustizzja u tal-karità. Għal din il-kondizzjoni tal-foqra skont Alla (“ianawim”), Ġesù “jfaħħar lill-Missier”, għaliex “ħbejt dawn il-ħwejjeġ (=il-ħwejjeġ kbar ta’ Alla) mill-imgħallmin u mill-għorrief u rrivelajthom liċ-ċejknin” (cf.Lq 10, 21). Għal din ir-raġuni mhux migħud li Ġesù jbiegħed minnu l-persuni li jinsabu f’kondizzjonijiet ekonomiċi itjeb, bħal pubblikan Żakkew li kien telà fuq siġra biex jarrah (cf. Lq 19, 2-9), jew bħal dawk il-ħbieb l-oħra ta’ Ġesù, li isimhom ġie mxandar mill-Vanġeli. Waqt li noqogħdu fuq il-kliem ta’ Ġesù huma “mberkin” il-“foqra tal-ispirtu” (cf. Mt 5, 3), u dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jżommuha” (Lc 11, 28).
  2. Karatteristika oħra tal-predikazzjoni ta’ Ġesù hija li hu jfittex li jgħaddi l-messaġġ evanġeliku lis-semmiegħa tiegħu b’mod addattat għall-mentalità u l-kultura tagħhom. Billi kien kiber u għex fosthom fis-snin tal-ħajja moħbija f’Nażżaret (meta “kien jissaħħaħ, mimli bil-għerf” Lq2, 52), kien jaf il-mentalità, il-kultura u t-tradizzjoni tal-poplu tiegħu mrobbi b’mod profond fil-wirt tat-Testment il-Qadim.
  3. Propju minħabba dan, ta’ spiss ħafna kien ilibbes mill-ġdid bil-forma tal-parabboli l-veritajiet li kien iħabbar, bħal ma jirriżulta mit-testi tal-Vanġeli, per eżempju minn Mattew li jikteb: “dawn il-ħwejjeġ kollha Ġesù qalhom lill-folla f’parabboli u ma kienx ikellimha jekk mhux bil-parabboli, sabiex iwettaq dak li kien ingħad mill-profeta: «Se niftaħ fommi f’parabboli, se nxandar ħwejjeġ moħbija sa mill-bidu tad-dinja »” (Sal78 [77], 2) (Mt 13, 34-35).

Bla dubju d-diskors bil-parabboli, waqt li jagħmel referenza għall-fatti u għall-kwistjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum li kienu jaqgħu taħt għajnejn kulħadd, kien jirrendi iktar faċli l-istabiliment tal-kuntatt ukoll ma’ semmiegħ ftit li xejn istruwit (cf. S. Thomae “Summa Theologiae”, III, q. 42, a. 2). U madankollu “l-misteru tas-Saltna ta’ Alla”  moħbi fil-parabboli, kellu bżonn ta’ spjegazzjonijiet partikolari, kultant mitluba mill-istess appostli (cf. Mk 4, 11-12). Fehim adegwat tagħha ma setax jintlaħaq jekk mhux bil-għajnuna tad-dawl intern li jiġi mill-Ispirtu Santu. U dan id-dawl Ġesù kien iwiegħed u jagħti.

  1. Hemm bżonn li mill-ġdid ninnutaw it-tielet karatteristika tal-predikazzjoni ta’ Ġesù, indikatha fl-eżortazzjoni apostolika Evangelii Nuntiandi, ippubblikatha minn Pawlu VI wara s-Sinodu tal-1974 rigward it-tema tal-evanġelizzazzjoni. Fiha naqraw: “Ġesù stess, Vanġelu ta’ Alla, kien b’mod assolut l-ewwel u l-ikbar evanġelizzatur. Kien hekk sal-aħħar: sal-perfezzjoni u sas-sagrifiċċju ta’ ħajtu fuq l-art” (Evangelii Nuntiandi, 7).

Iva, Ġesù mhux biss ħabbar il-Vanġelu, imma hu stess kien il-Vanġelu. Dawk, li emmnu fih, segwew il-kelma tal-predikazzjoni tiegħu, imma wkoll iktar lil dak li ppridkaha. Segwew lil Ġesù għaliex huwa kien joffri “kliem ta’ ħajja” bħal ma stqarr Pietru wara d-diskors li l-Imgħallem kien għamel fis-sinagoga ta’ Kafarnaw: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 68). Din l-identifikazzjoni tal-kelma u tal-ħajja, mill-predikatur u mill-Vanġelu, tattwa ruħha b’mod perfett biss f’Ġesù. Hekk hu għaliex ukoll aħna nemmnuh u nsegwuh meta jimmanifesta ruħu għalina bħala “Mgħallem uniku” (cf. Mt23, 8-10).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading