Il-Formolazzjoni tal-Fidi tal-Knisja fi Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 2 ta’ Marzu 1988

45. Il-Formolazzjoni tal-Fidi tal-Knisja fi Kristu

  1. Il-fidi hija tweġiba minn naħa tal-bniedem għall-kelma tar rivelazzjoni divina. Il-katekeżi dwar Ġesù Kristu li qegħdin niżvolġu fl-ambitu taċ-ċiklu preżenti, jagħmlu referenza għas-simboli tal-fidi, b’mod speċjali għas-Simbolu Apostoliku u għal dak niċen-kostantinoplitan. Bil-għajnuna tagħhom il-Knisja tesprimi u tipprofessa l-fidi li mill-bidu ffurmat fiha bħala tweġiba għall-kelma tar-rivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu. Tul iċ-ċiklu kollu tal-katekeżi irrikorrejna għal din il-kelma, biex nisiltu l-verità rivelata fiha fuq Kristu nnifsu. Ġesù ta’ Nazzaret huwa l-Messija mħabbar fil-patt il-qadim. Il-Messija (jiġifieri l-Kristu) – tassew bniedem (“Bin il-bniedem”) – huwa fil-persuna tiegħu stess l-Iben ta’ Alla, tassew Alla. Tali verità dwaru toħroġ mill-għaqda tal-opri u tal-kliem, li jilħqu l-quċċata tagħhom b’mod definittiv fil-ġrajja paskwali tal-mewt fuq is-salib u tal-qawmien mill-imwiet.
  2. Din l-għaqda ħajja b’dati tar-rivelazzjoni (l-awtorivelazzjoni ta’ Alla f’Ġesù Kristu) tiltaqà mat-tweġiba tal-fidi, l-ewwel qrib dawk li kienu x-xhieda diretti tal-ħajja u tal-maġisteru tal-Messija, dawk li “raw u semgħu” . . . u li idejhom “messew” r-realtà korporja tal-Verb tal-ħajja (cf.1 Ġw1, 1), u wara fil-ġenerazzjonijiet ta’ kredenti fi Kristu li ġew wara xulxin waqt li baqgħu fil-komunità tal-Knisja. Kif iffurmat ruħha l-fidi tal-Knisja f’Ġesù Kristu? Għal din il-problema rridu niddedikaw il-katekeżi li ġejjin; infitxu b’mod speċjali li naraw kif iffurmat u espremiet ruħha din il-fidi fl-istess bidu tal-Knisja, fil-kors ta; dawk l-ewwel sekoli. Li għall-formazzjoni tal-fidi tal-Knisja kellhom importanza partikolari għaliex jirrapreżentaw l-ewwel żvilupp tat-Tradizzjoni ħajja li tiġi mill-appostli.
  3. Jinħtieġ l-ewwel u qabel kollox li ninnutaw li x-xhieda kollha miktuba dwar din it-tema jiġu mill-perijodu li jsegwi t-tluq ta’ Kristu minn din id-dinja. Bla ebda dubju jidher rifless u stampat f’dawk id-dokumenti l-għarfien dirett tal-ġrajjiet definittivi, bħal ma kienu l-mewt fuq is-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Fl-istess ħin iżda dawk ix-xhieda miktuba jirrigwardaw l-attività kollha ta’ Ġesù, u anzi ħajtu kollha, li tibda mit-twelid u mill-infanzja. Barra minn hekk minn dawk id-dokumenti naraw mixhud fatt: jiġifieri li l-fidi tal-appostli u ma’ dawn stess ukoll tal-ewlenin komunitajiet tal-Knisja, il-fidi ffurmat ruħha diġa fl-istadju prepaskwali tal-ħajja u tal-ministeru ta’ Kristu, biex timmanifesta ruħha b’qawwa definittiva wara l-Pentekoste.
  4. Espressjoni partikolarment sinifikattiva ta’ dan il-fatt hija t-tweġiba ta’ Pietru għall-mistoqsija magħmula jum wieħed minn Ġesù lill-appostli fl-inħawi ta’ Ċesarea ta’ Filuppu: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U wara dan: “Intom min tgħidu li jien?” (Mt16, 13. 15). U hawn hi t-tweġiba: “Inti l-Kristu (=il-Messija), L-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt16, 16). Hekk iddoqq t-tweġiba rreġistrata minn Mattew. Fit-testi tas-Sinottiċi l-oħra jitkellmu dwar il-Kristu (Mk 8, 29) jew inkella dwar il-Kristu ta’ Alla (Lq 9, 20), espressjonijiet ma’ liema  tikkorrispondi wkoll l-“Inti l-qaddis ta’ Alla”  ta’ Ġwanni (Gv 6, 69). F’Mattew  it-tweġiba għandha l-forma l-iktar sħiħa: Ġesù ta’ Nażżaret huwa l-Kristu jiġifieri l-Messija, l-Iben ta’ Alla.
  5. L-istess espressjoni ta’ din il-fidi oriġinarja tal-Knisja insibuha fl-ewwel kliem tal-Vanġelu skont Marku: “Il-bidu tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla” (Mk1, 1). Wieħed jaf li l-evanġelista kien marbut b’mod strett ma’ Pietru. L-istess fidi nsibuha wara fit-tagħlim kollu ta’ Pawlu l-Appostlu, li sa miż-żmien tal-konverżjoni tiegħu “fis-sinagogi kien ixandar lil Ġesù Bin Alla” (At9, 20). U wara f’bosta mill-ittri tiegħu kien jesprimi l-istess fidu b’diversi modi (cf. Gal 4, 4;Rm 1, 3-4; Kol 1, 15-18; Fil 2, 6-11; ukoll Eb 1, 1-4). Wieħed mela jistà jgħid li fl-oriġni ta’ din il-fidi tal-Knisja hemm il-prinċipji tal-appostli, Pietru u Pawlu.
  6. Ukoll l-appostlu Ġwanni, awtur tal-aħħar Vanġelu, miktub wara l-oħrajn, itemmu bil-kliem famuż, li bih jistqarr li dan inkiteb “sabiex temmnu li Ġesù huwa l-Kristu, l-Iben ta’ Alla u sabiex, waqt li temmnu, ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw20, 31). Għaliex “kull min jagħraf li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla” (1 Ġw4, 15). Ukoll leħnu  awtorevoli mela jġegħlna nagħrfu dak li kien jitwemmen u pprofessat  dwar Ġesù Kristu fil-Knisja primittiva.
  7. Ġesù ta’ Nażżaret huwa l-Iben ta’ Alla – din hija l-verità fundamentali tal-fidi fi Kristu (Messija), li ffurmat ruħha madwar l-appostli a bażi tal-opri tal-imgħallem tagħhom fil-perijodu prepaskwali. Wara l-qawmien mill-imwiet l-fidi saret ferm iktar stabbli b’mod iktar profond u sabet espressjoni fix-xhidiet miktuba.

Hu madankollu fatt sinifikattiv li l-istqarrija: “Tassew dan kien l-Iben ta’ Alla” (Mt 27, 54), nisimgħuha wkoll f’riġlejn is-salib fuq fomm iċ-ċenturjunl Ruman, u allura ta’ bniedem pagan (cf. Mk 15, 39). F’dik is-siegħa suprema, liema misteru ta’ grazzja u ta’ ispirazzjoni divina kien qed jaħdem fl-erwieħ kemm tal-Iżraeliti kif ukoll ta’ pagani: f’kelma waħda, ta’ bnedmin!

  1. Wara l-qawmien mill-imwiet wieħed mill-appostli, jiġifieri Tumas, jagħmel stqarrija li tirreferi mill-ġdid b’mod iktar dirett għad-divinità ta’ Kristu. Hu li ma riedx jemmen fil-qawmien mill-imwiet, meta quddiemu ra l-Irxuxtat joħroġ bl-espressjoni: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw20, 28). Sinifikattiv f’din l-esklamazzjoni mhuwiex l-“Alla tiegħi” imma wkoll il-“Mulej tiegħi”. Billi “Mulej” (= “Kyrios”) diġa fit-tradizzjoni veterotestamentarja kienet tfisser ukoll “Alla”. Infatti d-drabi kollha li fil-Bibbja kien jinqara “l-inimmaġinabbli” isem propju ta’ Alla: Jahwè, dan kien jiġi mibdul b’“Adonai” – ekwivalenti għal “Mulej tiegħi”. Mela wkoll għal Tumas Kristu huwa “Mulej” – jiġifieri Alla.

Fid-dawl ta’ dawn ix-xhieda apostiliċi multipli jakkwistaw is-sens sħiħ tiegħu il-kliem ippronunzjat, fil-jum ta’ Pentekoste, minn Pietru fl-ewwel diskors tiegħu lill-folla miġbura  madwar l-appostli: “Alla ħatar Mulej u Kristu lil dak Ġesù li intom sallabtu” (At 2, 36). Fi kliem ieħor: Ġesù ta’ Nażżaret, tassew bniedem, li bħala tali ġarrab il-mewt tas-salib, mhuwiex biss il-Messija mistenni, imma wkoll “il-Mulej” (“Kyrios”) u allura il-veru Alla.

  1. “Ġesù hu Mulej . . . il-Mulej . . . il-Mulej Ġesù”: din l-istqarrija terga tidwi fuq fomm l-ewwel martri Stiefnu waqt li jiġi mħaġġar (cf.At7, 59-60). Hija terġà lura spiss ukoll fit-tħabbira ta’ Pawlu bħal ma jirriżulta minn bosta passi tal-ittri tiegħu (cf.1 Kor 12, 3; Rm 10, 9; 1 Kor 16, 22-23; 8, 6; 10, 21; 1 Ts 1, 8; 4, 15; 2 Kor 3, 18).

Fl-ewwel ittra lill-Korintin l-Appostlu jiddikjara: “Ġesù hu Mulej” ħadd ma jistà jgħidu “jekk mhux taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu” (1 Kor 12, 3). Diġa Pietru, wara l-istqarrija ta’ fidi tiegħu f’Ċesarea, kien semà lil Ġesù jwieġbu: “La laħam u linqas demm ma rrivelawulek, imma Missieri” (Mt 16, 17). Ġesù kien diġa wissa: “Il-Missier biss jaf lill-Iben . . .” (cf. Mt 11,27). U l-Ispirtu tal-verità biss jistà jagħti xhieda adegwata (cf. Ġw 15, 26).

  1. Nistgħu mela ngħidu li l-fidi fi Kristu fil-bidu tal-Knisja tesprimi ruħha f’dawk iż-żewġ kelmiet: “Bin Alla” u “Mulej” (jiġifieri “Kyrios-Adonai”). Din hija fidi fid-divinità ta’ Bin il-bniedem. F’dan is-sens sħiħ huwa u huwa biss huwa il-“Feddej” – jiġifieri l-ħallieq u s-sid tal-fidwa li Alla biss jistà jagħti lill-bniedem. Din il-fidwa tikkonsisti mhux biss fil-ħelsien mill-ħażen tad-dnub, imma wkoll fid-donazzjoni ta’ ħajja ġdida: f’parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla nnifsu. F’dan is-sens “f’ħadd iktar mhemm fidwa”, skont il-kliem tal-appostlu Pietru fl-ewwel evanġelizzazzjoni tiegħu (At 4, 12).

L-istess fidi ssib espressjoni f’bosta testi oħra taż-żminijiet apostoliċi, bħal fl-Atti (Ex. Gr. At 5, 31; 13, 23), fl-ittri pawlini (Rm 10, 9-13; Ef 5, 23; Fil 3, 20 s; 1 Tm 1, 1; 2, 3-4; 4, 10; 2 Tm 1, 10; Tt 1, 3 s; 2, 13; 3, 6), fl-ittri ta’ Pietru (1 Pt1, 11; 2 Pt 2, 20; 3, 18), ta’ Ġwanni (1 Ġw 4, 14) u wkoll ta’ Ġuda (Ġd 25). Għaliha hemm post ukoll fil-Vanġelu tal-infanzja (cf. Mt 1, 21; Lq 2, 11).

  1. Nistgħu nikkonkludu: dak Ġesù ta’ Nażżaret li normalment kien isejjaħ lilu nnifsu “Bin il-bniedem”, huwa l-Kristu (jiġifieri l-Messija), huwa l-Iben ta’ Alla, huwa l-Mulej (“Kyrios”), huwa l-feddej: tali fidi tal-appostli, li hija fil-bażi tal-Knisja sa mill-bidu.

Il-Knisja żammet din il-fidi  bl-ikbar imħabba u qima waqt li ttrażmettietha lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta’ dixxipli u segwaċi ta’ Kristu taħt id-direzzjoni tal-Ispirtu tal-verità. Hija għallmet u ddefendiet din il-fidi, waqt li fittxet f’kull seklu li żżomm integru l-kontenut essenzjali rrivelat, imma wkoll li żżid b’mod kostanti u li tispjegah bil-qies tal-bżonnijiet u tal-possibiltajiet tal-bnedmin. Dan huwa d-dmir li hija msejħa biex twettaq saż-żmien tal-miġja definittiva tas-salvatur u Mulej tagħha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading