Il-Konċilji tal-Knisja dwar Kristu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 9 ta’ Marzu 1988

46. Il-Konċilji tal-Knisja dwar Kristu

  1. “Aħna nemmnu . . . f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Bin Alla, iġgenererat uniġenitu [terminu Grieg] mill-Missier, jiġifieri mis-sustanza tal-Missier, Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru, iġġenerat mhux maħluq, ħaġa waħda mal-Missier permezz ta’ min saru l-ħwejjeġ kollha, kemm dawk li huma fis-sema kif ukoll dawk li huma fl-art. Għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna huwa niżel mis-sema, ħa’ l-ġisem, sar bniedem, bata u qam mat-tielet jum, telà fis-sema, għad jerġà jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin . . .” (cf. Denz.-Schönm., 125).

Dan huwa t-test tad-definizzjoni li biha l-Konċilju ta’ Niċea (325) ħabbar il-fidi tal-Knisja f’Ġesù Kristu: veru Alla u veru bniedem; Alla-Iben, ħaġa waħda mal-Missier Etern, u veru iben, b’natura bħal tagħna. Tali test konċiljari daħal kważi sa linqas ittra fil-professjoni tal-fidi, li l-Knisja tirrepeti fil-liturġija u f’waqtiet solenni oħra, fil-verżjoni tas-Simbolu niċen-kostantinoplitan (381) (cf. Denz.-Schönm, 150), fuq it-traċċi ta’ liema huwa mpustat iċ-ċiklu kollu tal-katekeżi tagħna.

  1. It-test tad-definizzjoni dommatika konċiljari jirripproduci l-elementi essenzjali tal-kristoloġija bibblika, li elenkajna fil-katekeżi preċedenti ta’ dan iċ-ċiklu. Huma jikkostitwixxu, sa mill-bidunett, il-kontenut tal-fidi ħajja tal-Knisja taż-żminijiet apostoliċi, bħal ma rajna fl-aħħar katekeżi. Waqt li ssegwi, ix-xhieda tal-appostli, il-Knisja kienet temmen u tipprofessa, sa mill-bidu, li Ġesù ta’ Nażżaret, bin Marija, huwa mela bniedem tassew, imsallab u rxuxtat, huwa l-Iben ta’ Alla, huwa l-Mulej (“Kyrios”), huwa l-uniku Feddej tad-dinja, mogħti lill-umanità fil-“milja aż-żmien” (cf.Gal4, 4).
  2. Il-Knisja sa mill-bidu għasset din il-fidi u għaddietha lill-ġenerazzjonijiet insara suċċessivi. Għallmitha u ddefendietha, waqt li fittxet – taħt il-gwida tal-Ispirtu tal-verità – li tapprofondiha u li tispjega l-kontenut essenzjali, miġbur fid-dati tar-rivelazzjoni. Il-Konċilju ta’ Niċea (325) kien dwar din it-triq ta’ għarfien u ta’ formulazzjoni tad-domma tassew ġebla tax-xewka awtentika. Kienet ġrajja mportanti u solenni, li minn dak iż-żmien indikat tal-fidi vera għas-segwaċi kollha ta’ Kristu, minn qabel sewwa l-firda tal-kristjanità li seħħet fiż-żminijiet suċċessivi. Notevoli b’mod partikolari huwa l-fatt li tali Konċilju kien iltaqà ftit wara li l-Knisja (fis-sena 313) kienet akkwistat l-libertà li taġixxi fil-ħajja pubblika fit-territorju kollu tal-imperu Ruman, kważi biex tissinifika r-rieda ta’ permanenza fil-’“una fides” tal-appostli waqt li nfetħu għall-kristjaneżmu toroq ġodda ta’ espansjoni.
  3. F’dik l-epoka, id-definizzjoni konċiljari turi mhux biss l-verità dwar Ġesù Kristu miruta mingħand l-appostli u ffissata fil-kotba tat-testment il-ġdid, imma issa wkoll mgħallma mill-Missirijiet tal-perijodu postapostoliku, li – kif nafu – kien ukoll il-perijodu tal-persekuzzjonijiet u tal-katakombi. Huwa doveruż u ħelu għalina li hawn insemmu l-ewwel żewġ missirijiet li bit-tagħlim tagħhom, magħqud mal-qdusija tal-ħajja, ikkontribwew b’mod deċiż biex jittrażmettu t-tradizzjoni u l-patrimonju permanenti tal-Knisja : San Injazju ta’ Antijokja, mogħti b’ikel lill-bhejjem selvaġġi f’Ruma fis-sena 107 jew 106, u Sant’Irinew ta’ Lyon, li ġarrab il-mewt bil-martirju wisq probabli fis-sena 202; it-tnejn kienu isqfijiet u rgħajja tal-Knejjes tagħhom. Minn Sant’Irinew hawn irridu nfakkru li waqt li kien jgħallem li Kristu huwa “veru bniedem u veru Alla”, kien kiteb: “Kif jistgħu l-bnedmin jilħqu l-fidwa tagħhom, li kieku Alla ma wettaqx l-fidwa tagħhom fuq l-art? O kif setà l-bniedem imur għand Alla, li kieku Alla ma ġiex għall-bniedem?” (S. Irenaei “Adv. Haereses”, IV, 33. 4). Argument – bħal ma wieħed jistà jara – soterjoloġiku, li minn naħa tiegħu isib l-espressjoni wkoll fid-definizzjoni tal-Konċilju ta’ Niċea.
  4. It-test ta’ Sant’Irinew li għadna kemm semmejna hu meħud mill-opra “Adversus Haereses” jew aħjar mnn ktieb immirat għad-difiża tal-verità nisranija kontra l-iżbalji tal-eretiċi li f’dak il-każ kienu l-eboniti. Il-Missirijiet apostoliċi fit-tagħlim tagħhom spiss ħafna kellhom jassumu d-difiża tal-verità awtentika rivelata quddiem l-iżbalji, li kontinwament kienu jinstemgħu b’diversi modi.

Fil-bidu tar-rabà sekolu baqà magħruf Arju, li ta’ bidu għal ereżija li minn ismu ssemmiet arjaniżmu. Skont Arju Ġesù Kristu mhuwiex Alla: ukoll jekk pri eżistenti għat-twelid minn Marija, huwa kien ġie maħluq fiż-żmien.  Il-Konċilju ta’ Niċea irribatta dan l-iżball ta’ Arju u waqt li għamel dan, spjega u fformula l-vera duttrina tal-fidi tal-Knisja bil-kliem li kkwotajna fil-bidu ta’ din il-katekeżi. Waqt li saħaq li Kristu, bħala Iben uniġenitu ta’ Alla huwa konsustanzjali għall-Missier  [terminu Grieg], il-Konċilju esprima f’formula addattata għall-kultura (Griega) ta’ dak iż-żmien il-verità li nsibu fit-testment il-ġdid kollu. Infatti nafu li Ġesù jgħid dwaru nnifsu li huwa “wieħed” mal-Missier “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30), u dan isostnih quddiem is-semmiegħa li minħabba dan riedu jħaġġruh bħala midgħi (cf. Ġw 10, 31). Dan isostnih ulterjorment waqt il-proċess quddiem is-Sinedriju, li jiksiblu s-sentenza tal-mewt. Elenku iktar dettaljat tal-passi bibbliċi jinsab fil-katekeżi preċedenti. Mill-ġabra flimkien tagħhom jirriżulta b’mod ċar li l-Konċilju ta’ Niċea, waqt li jitkellem dwar Kristu bħala l-Iben ta’ Alla, “mis-sustanza tal-Missier ” [terminu Grieg], bħala “Alla minn Alla”, eternament “imwieled mhux magħmul”, ma jagħmilx għajr isostni verità preċiża miġbura fir-rivelazzjoni divina, li saret verità tal-fidi tal-Knisja, verità ċentrali tal-kristjaneżmu kollu.

  1. Meta din ġiet definita mill-Konċilju, wieħed jistà jgħid li issa kollox kien matur fil-ħsieb u fil-kuxjenza tal-Knisja għal tali definizzjoni. Ugwalment wieħed jistà jgħid li d-definizzjoni ma tiqafx li tkun attwali wkoll għaż-żmenijiet tagħna, li fihom tendenzi antiki u ġodda biex nagħrfu lil Kristu biss bħala bniedem, għalkemm saħansitra straordinarju, u mhux bħala Alla, jimmanifestaw ruħhom b’diversi modi. Li wieħed jammattihom u jissekondahom ikun qed jeqred id-domma kristoloġika, imma fl-istess ħin ikun ifisser li jkun iġib fix-xejn s-soterjoloġija nisranija kollha. Jekk Kristu mhuwiex veru Alla, huwa ma jittrasmettix lill-umanità l-ħajja divina. Mela allura mhuwiex is-Salvatur tal-bniedem fis-sens imdawwal tar-rivelazzjoni mit-Tradizzjoni. Waqt li jikser din il-verità tal-fidi tal-Knisja, wieħed ikun iwaqqà l-kostruzzjoni kollha tad-domma nisranija, jannulla l-loġika integrali tal-fidi u tal-ħajja nisranja, għaliex ikun jelimina l-ġebla tax-xewka tal-kustruzzjoni kollha.
  2. Imma rridu minnfih inżidu li waqt li nwettqu b’mod solenni u definittiv din il-verità, fil-Konċilju ta’ Niċea l-Knisja sostniet, għallmet u ddefendiet fl-istess ħin il-verità dwar il-vera umanità ta’ Kristu. Ukoll din il-verità kienet saret oġġett ta’ opinjonijiet żbaljati u tejoriji eretiċi. B’mod partikolari  hu ta’ min jiftakar hawn id-doċetiżmu (mill-espressjoni Griega [terminu Grieg]= donnu, qisu). Din l-idea kienet tannulla n-natura umana ta’ Kristu, waqt li kienet issostni li huwa ma kienx jippossiedi ġisem veru, imma biss dehra ta’ laħam uman. Id-doċeti kienu jemmnu li Alla ma setax jitwieled realment minn mara, ma setax tassew imut fuq is-salib. Minn din il-pożizzjoni tagħhom  jinkiseb  li fl-isfera kollha tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni għandna x’naqsmu biss ma illużjoni tal-laħam, f’kuntrast miftuħ mar-rivelazzjoni miġbura fit-testi varji tat-testment il-ġdid, fost liema dawk ta’ San Ġwann: “Kristu ġie fil-laħam” (1Ġw 4,2), “Il-Verb sar laħam” (Ġw 1, 14), u ta’ San Pawl, skont liema f’dan il-laħam Kristu sar “ubbidjenti sal-mewt u sal mewt tas-salib” (cf. Fil 2, 8).
  3. Skont il-fidi tal-Knisja, miksuba mir-rivelazzjoni, Ġesù Kristu kien tassew bniedem; propju minħabba dan il-ġisem uman kien animat minn ruħ tassew umana. Għax-xhieda tal-evanġelisti, inekwivoka dwar dan il-punt, kien jikkorrispondi t-tagħlim tal-Knisja primittiva, kif ukoll tal-ewwel kittieba ekkleżjastiċi, bħal Tertulljanu (Tertulliani “De carne Christi”, 13, 4), li kiteb:  “Fil-Kristu . . . aħna nsibu ruħ u ġisem, jiġifieri ruħ ruħ (umana) u ġisem ġisem”. Madankollu kienu jiġru opinjonijiet kuntrarji wkoll dwar dan il-punt, b’mod partikolari dawk ta’ Apollinare, Isqof ta’ Laodicea (imwieled dwar is-sena 310 f’Laodicea tas-Sirja, miet dwar is-sena 390), u tas-segwaċi tiegħu (imsejħin appuntu Apollinaristi), skont min ma setax ikun hemm fi Kristu ruħ tassew umana għaliex din kienet tkun sostitwita mill-Verb ta’ Alla. Imma hija ħaġa ċara li wkoll f’dan il-każ kienet qed tiġi miċħuda l-vera umanità ta’ Kristu.
  4. Infatti l-Papa Damasu I (366-384) f’ittra tiegħu lill-Isqfijiet tal-Lvant (madwar is-sena 374), kien indika u rrifjuta fl-istess ħin l-iżbalji kemm ta’ Arju kif ukoll ta’ Apollinare: “Huma (jew aħjar l-arjani) ipoġġu fl-Iben ta’ Alla divinità mperfetta, dawn (jew aħjar l-apollonaristi) jsostnu b’mod falz umanità mhux sħiħa f’Bin il-bniedem. Imma li kieku ittieħed bniedem mhux sħiħ, imperfetta hija l-opra ta’ Alla, imperfetta l-fidwa tagħna, għaliex ma ġiex salvat il-bniedem kollu! U aħna li nafu li konna salvati fil-milja tal-esseri uman, skont il-fidi tal-Knisja kattolika nipprofessaw li Alla fil-milja tal-esseri tiegħu assuma l-bniedem fil-milja tal-esseri tiegħu”. Id-dokument damasjan, miktub ħamsin sena wara Niċea, kien iżda ndirizzat prinċipalment kontra l-apollinaristi (cf. Denz.-Schönm., 146). Ftit snin wara l-Knċilju ta’ Kostantinopli (381) ikkundanna l-ereżiji kollha ta’ dak iż-żmien, inklużi l-arjaneżmu u l-apollonariżmu, waqt li kkonferma dak li l-Papa Damasu I kien esprima dwar l-umanità ta’ Kristu, li għaliha jappartjeni min-natura ruħ tassew umana (u allura intellett tassew uman, rieda libera) (cf. Denz.-Schönm., 146.149.151).
  5. L-argument soterjoloġiku li bih il-Konċilju ta’ Niċea spjega l-inkarnazzjoni, waqt li għallem li l-Iben konsustanzjali mal-Missier sar bniedem “għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna”, sab espressjoni ġdida fid-difiża tal-verità integrali dwar Kristu kemm quddiem l-arjanisti kif ukoll kontra l-apollinariżmu, magħmula mill-Papa Damasu u mill-Konċilju ta’ Kostantinopli. B’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li kienu jiċħdu l-umanità vera tal-Iben ta’ Alla, dak l-argument soterjoloġiku ġie ppreżentat b’mod ġdid: sabiex il-bniedem sħiħ setà jkun salvat, l-umanità sħiħa (perfetta) kellha tkun assunta fl-għaqda tal-Iben: “quod non est assumptum, non est sanatum” (cf. S. Gregorii Nazianzeni “Ep. 101 ad Cledon”).
  6. Il-Konċilju ta’ Kalċedonja (451), waqt li kkundana mill-ġdid għal darb’oħra l-apollonariżmu, kompla f’ċertu sens is-Simbolu niċen tal-fidi, billi pproklama lil Kristu “perfectum in deitate, eundem perfectum in humanitate”: “il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, perfett fid-divinità tiegħu u perfett fl-umanità tiegħu, veru Alla u veru bniedem (kompost) minn ruħ razzjonali u mill-ġisem, konsustanzjali mal-Missier għad-divinità, u konsustanzjali magħna għall-umanità [terminu Grieg], «simili f’kollox għalina minbarra fid-dnub» (cf.Eb 4, 15), iġġenerat mill-Missier qabel is-sekoli skont id-divinità u f’dawn l-aħħar żmenijiet għalina u għall-fidwa tagħna minn Marija Verġni u Omm Alla, skont l-umanità, wieħed u l-istess Kristu Mulej uniġenitu . . .” (“Symbolum Chalcedonense”: Denz.-Schönm., 301).

Kif nistgħu naraw l-iżvilupp fatikuż tad-domma kristoloġika li seħħet bis-saħħa tal-Missirijiet u tal-Konċilji, terġà teħodna dejjem għall-misteru tal-uniku Kristu, Verb inkarnat għall-fidwa tagħna, li għarrafna lilu nnifsu mir-rivelazzjoni sabiex waqt li nemmnu fih u nħobbuh, inkunu salvati u jkollna l-ħajja (cf. Ġw 20, 31).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb