Il-koxjenza ta’ Ġesù dwar il-missjoni tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru 1988

67. Il-koxjenza ta’ Ġesù dwar il-missjoni tiegħu

  1. “Kien mislub għalina taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh”.

Fl-aħħar katekeżi waqt li rriferejna għal dan il-kliem tas-Simbolu tal-fidi, ikkunsidrajna l-mewt ta’ Kristu bħala ġrajja li għandha dinamika storika tagħha, u li tispjega ruħha wkoll fid-dawl taċ-ċirkostanzi storiċi li fihom seħħet. Is-Simbolu jagħtina ndikazzjoni wkoll f’dan ir-rigward, waqt li jagħmel eku għall-Vanġeli, fejn jinsabu aħbarijiet iktar abbundanti. Imma s-Simbolu jenfasizza wkoll il-fatt li l-mewt fuq is-salib a’ Kristu seħħet bħala sagrifiċċju għad-dnubiet u għalhekk saret il-“prezz” tal-fidwa tal-bniedem: “Kien mislub għalina”, “għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna”.

Huwa spontanju li nistaqsu lilna nfusna liema għarfien setà kellu Ġesù ta’ dan l-iskop tal-missjoni tiegħu: meta u kif huwa  ntebaħ bil-vokazzjoni li joffri lilu nnifsu bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tad-dinja.

F’dan ir-rigward jeħtieġ nibdew billi ngħidu li mhuwiex faċli li tippenetra fl-evoluzzjoni storika tal-koxjenza ta’ Ġesù: il-Vanġelu jagħmel aċċenn għal dan (cf. Lq 2, 52), iżda mingħajr ma joffri dati preċiżi biex jiddetermina  l-istadji.

Bosta testi evanġeliċi kkwotati fil-katekeżi preċedenti, jiddokumentaw din il-koxjenza issa ċara ta’ Ġesù dwar il-missjoni tiegħu: koxjenza talment ħajja li tirrejaġixxi b’qawwa u saħansitra b’guffaġni għal min jittanta, ukoll saħansitra b’ġibda lejh, biex jaqilgħu minn dik it-triq: bħal ma ġara ma’ Pietru, lil min Ġesù ma ħasibhiex darbtejn biex  jopponi l-“Vade retro, Satana!” (Mk 8, 33) tiegħu.

  1. Ġesù jaf li se jkun milqut minn “magħmudija” ta’ demm (cf.Lq 12, 50), qabel ma jara li l-predikazzjoni tiegħu u l-imġieba tiegħu jiltaqgħu ma’ oppożizzjoni u jqanqlu l-ostilità taċ-ċrieki tal-poplu tiegħu li għandhom il-poter jiddeċiedu xortih. Huwa jaf li fuq rasu hemm imdendla “oportet” li twieġeb għall-pjan etern tal-Missier (cf. Mc 8, 31), ferm qabel ma ċ-ċirkustanzi storiċi jwasslu għat-twettiq ta’ dak li hu previst. Bla dubju Ġesù jastjeni għal xi żmien milli jħabbar dik il-mewt, minkejja li kien sa mill-bidu konxju tal-messjaniċità tiegħu, bħal ma tixhed l-awtopreżentazzjoni tiegħu fis-sinagoga ta’ Nażżaret (cf. Lq 4, 16-21); huwa jaf li r-raġuni tal-eżistenza tiegħu tal-inkarnazzjoni, l-iskop ta’ ħajtu huwa dak ikkontemplat mill-patt etern ta’ Alla dwar il-fidwa, “Bin il-bniedem infatti ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’rahan għall-ħafna” (Mc 10, 45).
  2. Fil-Vanġeli nistgħu insegwu mhux ftit provi oħra tal-koxjenza ta’ Ġesù dwar ix-xorti futura tiegħu marbuta mal-pjan divin tal-fidwa. Diġa t-tweġiba ta’ Ġesù ta’ tnax-il sena fl-okkażjoni tas-sejbien tiegħu fit-Tempju hija b’xi mod l-ewwel espressjoni ta’ dan l-għarfien tiegħu. It-tfajjel, infatti, waqt li jispjega lil Marija u lil Ġużeppi li huwa kellu d-dmir “li jieħu ħsieb il-ħwejjeġ ta’ Missieru” (cf.Lq2, 49), ifiehem li huwa internament orjentat lejn il-ġrajjiet futuri, donnu jrid iħejji għall-ġejjieni l-esseri l-iktar għeżież għalih, b’mod speċjali lil Ommu.

Meta wasal iż-żmien li jagħti bidu għall-attività messjanika, Ġesù jsib ruħu fil-linja ta’ dawk li jirċievu l-magħmudija ta’ penitenza ta’ Ġwanni fil-Ġordan. Huwa jfittex li jfiehem, minkejja l-protesta tal-Battista, li jħoss ruħu mibgħut biex isir “solidali” mal-midimbin, biex jassumi l-madmad tad-dnubiet tal-umanità, bħal ma wara kollox tindika l-preżentazzjoni li dwaru jagħmel Ġwanni: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla . . . li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1, 29). F’dan il-kliem jinsab l-eku u b’xi mod is-sintesi ta’ dak li kien ħabbar Iżaija dwar il-qaddej ta’ Mulej, “minfud għad-delitti tagħna, misħuq minħabba l-inikwitajiet tagħna . . . il-Mulej waqqà fuqu l-inikwitajiet tagħna lkoll . . . bħal haruf meħud għall-qatla . . . il-qaddej ġust tiegħi jiġġustifika bosta, huwa jieħu fuqu l-inikwitajiet tagħhom” ( 53, 5-7. 11). Bla dubju ta’ xejn kien hemm sintonija bejn il-koxjenza messjanika ta’ Ġesù u dak il-kliem tal-Battista li jesprimi l-profeżija u l-istennija tat-testment il-qadim.

  1. Wara, il-Vanġeli jippreżentawlna waqtiet oħra u kliem ieħor, li minnhom jirriżulta l-orjentament tal-koxjenza ta’ Ġesù lejn il-mewt sagrifikali. Wieħed jaħseb għal dik ix-xbiha tal-ħbieb tal-għarus, id-dixxipli tiegħu li m’għandhomx “isumu” sakemm l-għarus għadu magħhom: “Imma għad jiġu jiem – ikompli Ġesù – li jitteħdilhom l-għarus u allura mbagħad isumu” (Mk2, 20). Din hija allużjoni sinifikattiva, li tħalli jidher l-istat ta’ għarfien ta’ Kristu.

Barra minn hekk jirriżulta mill-Vanġeli li Ġesù m’aċċetta qatt xi ħsieb jew diskors li setà jħallih jilmaħ it-tama ta’ success terren tal-opra tiegħu. Is-“sinjali” divini li huwa kien joffri, il-mirakli li kien iwettaq, setgħu joħolqu opportunità terrena għal tali aspettattiva. Imma Ġesù ma kienx jaħsibha darbtejn biex  jiċħad kull intenzjoni, biex  jisparixxi kull illużjoni f’dan ir-rigward, għaliex hu kien jaf li l-missjoni messjanika ma setgħetx titwettaq b’mod differenti minn dak tas-sagrifiċċju.

  1. Mad-dixxipli tiegħu Ġesù kien isegwi il-metodu ta’ “pedagoġija”. Dan jidher b’mod partikolarment ċar fil-waqt li fih l-appostli kien donnhom waslu għall-konvinzjoni li Ġesù kien il-Messija veru (il-“Kristu”); konvinzjoni espressa minn dik l-istqarrija ta’ Xmun Pietru: “Inti l-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt16, 16), li setgħet titqies bħala l-punt kulminanti tal-mixja ta’ maturità tat-tnax fl-issa esperjenza notevoli mwettqa fis-segwitu ta’ Ġesù. U hekk hu, propju wara dn l-istqarrija (li seħħet fil-vicinanzi ta’ Ċesarea ta’ Filippu), Kristu għall-ewwel darba jitkellem dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu: “U beda jgħallimhom li Bin il-bniedem kellu jbati ħafna u jkun iddiżapprovat mix-xjuħ u mill-qassissin il-kbar u mill-iskribi, imbagħad jiġi maqtul u, wara tlett ijiem, jirxoxta” (Mk 8, 31; cf. ukoll Mt 16, 21; Lq 9, 22).
  2. Ukoll il-kliem ta’ ċanfir sever indirizzat lil Pietru li ma riedx jaċċetta dak li kien semà (“Mulej dan qatt mhu se jiġrilek”) (Mt16, 22), jipprova kemm il-koxjenza ta’ Ġesù kienet proġettata fiċ-ċertezza tas-sagrifiċċju futur. Li tkun il-messija għalih kienet tfisser li “tagħti ħajtek bħala rahan għall-kotra” (Mk10, 45). Sa mill-bidu Ġesù kien jaf li dan kien is-sens definittiv tal-missjoni tiegħu u ta’ ħajtu.

Għalhekk kien iwarrab dak kollu li setà jkun jew jidher bħala ċaħda ta’ dak l-iskop feddej.Diġa jilmħu fis-siegħa tat-tentazzjoni, meta Ġesù jwarrab b’mod riżolut  il-faħħari li jipprova jiżvijah lejn it-tiftix ta’ suċċessi terreni i (cf. Mt 4, 5-10; Lq 4, 5-12).

  1. Irridu però ninnutaw li fit-testi kkwotati, meta Ġesù jħabbar il-passjoni u l-mewt tiegħu, iħobb jitkellem ukoll dwar il-qawmien mill-imwiet li kellu sseħħ “mat-tielet jum”. Din hija żieda li ma tbiddel affattu xejn mis-sinifikat essenzjali tas-sagrifiċċju messjaniku permezz tal-mewt fuq is-salib, imma għal kuntrarju tenfasizza s-sinifikat feddej vivifikanti. U ngħiduha minn issa li dan jappartjeni għall-essenza l-iktar profonda tal-missjoni ta’ Kristu: il-Feddej tad-dinja huwa dak li fih irid jitwettaq l-“Għid”, jiġifieri l-passaġġ tal-bniedem għal ħajja ġdida.
  2. F’dan l-istess spirtu Ġesù jifforma l-appostli tiegħu u jipproponi l-prospettiva li fiha jrid li tmexxi lilha nfisha l-Knisja futura tiegħu. L-appostli, is-suċċessuri tagħhom u s-segwaċi kollha ta’ Kristu, fuq il-passi tal-Imgħallem mislub, iridu jimxu t-triq tas-salib. “Jagħtukom f’idejn is-sinedriju, tkunu msawta fis-sinagogi, tidhru quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom” (Mk13, 9). “Jagħtukom is-swat u joqtlukom, u tkunu mibgħuda mill-ġnus kollha minħabba f’ismi” (Mt24, 9). Imma kemm lill-appostli kif ukoll lis-segwaċi futuri, li jieħdu sehem fil-passjoni u l-mewt feddejja ta’ Sidhom, Ġesu  wkoll iħabbar: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom . . . Intom tkunu kkastigati, imma l-kastig tagħkom jitbiddel f’ferħ  ” (Ġw16, 20). Kemm l-appostli kif ukoll il-Knisja huma msejħin, għaż-żmenijiet kollha, biex jieħdu sehem fil-misteru paskwali ta’ Kristu fit-totalità kollha tiegħu. Dan huwa misteru, li fih mit-tbatija u l-“kastig” ta’ min jieħu sehem fis-sagrifiċċju tas-salib jitnissel il-“ferħ” tal-ħajja ġdida f’Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading