Il-valur tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 19 ta’ Ottubru 1988

68. Il-valur tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu.

  1. Id-dati bibbliċi u storiċi dwar il-mewt ta’ Kristu, li ġbarna fil-qosor fil-katekeżi preċedenti, kienu oġġett ta’ riflessjoni fil-Knisja taż-żmenijiet kollha, sa minn l-ewwel Missirijiet u Dutturi, u mill-Kunċilji ekumeniċi, sat-tejoloġi l-kbar tad-diversi skejjel li ffurmaw ruħhom u li kienu ffurmati fis-sekli sal-ġurnata ta’ llum.

L-oġġett ewlieni tal-istudju u tar-riċerka, kien u hu dak tal-valur tal-passjoni u l-mewt ta Ġesù fir-rigward tal-fidwa tagħna. Ir-riżultati milħuqa dwar dan il-punt, barra milli wassluna li nkunu nafu aħjar il-misteru tal-fidwa, servew biex jitfgħu dawl ġdid ukoll fuq il-misteru tat-tbatija umana, li dwarha setgħu jiġu skoperti dimensjonijiet  mhux maħsuba ta’ kobor, ta’ skop, ta’ fertilità, minn meta sar possibli l-konfront anzi l-kollegament tagħha mas-salib ta’ Kristu.

  1. Nerfgħu għajnejna qabel xejn lejn dak li hu mdendel mas-salib, u nistaqsu lilna nfusna: min hu dan li qed ibati? Dan huwa l-Iben ta’ Alla: bniedem tassew, imma wkoll veru Alla, bħal ma nafu mis-Simboli tal-fidi. Per eżempju, dak ta’ Niċea jipproklamah “Alla veru min Alla veru . . .li għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna niżel, inkarna ruħu u . . . bata” (Denz.-Schönm., 125). Il-Konċilju ta’ Efesu, minn naħa tiegħu, jippreċiża li l-“Verb ta’ Alla bata fil-ġisem” (Denz.-Schönm., 263).

“Dei Verbum passum carne”: hija sintesi tal-għaġeb tal-misteru l-kbir tal-Verb Inkarnat, Ġesù Kristu, li t-tbatijiet tiegħu umani jappartjenu għan-natura umana, imma għandhom ikunu attribwiti, bħall-azzjonijiet l-oħra kollha tiegħu, għall-persuna divina. Għamdna mela, fi Kristu, Alla li jbati!

  1. Din hija verità li tħawwadna. Ġa Tertulljanu staqsa lil Marcione: “Ikun mela hekk stupidu li temmen f’Alla li twieled, preċiżament minn Verġni, preċiżament karnali u li għadda mill-umiljazzjonijiet tan-natura? . . .Għid li għall-kuntrarju li huwa għaqal Alla msallab” (Tertulliani “De carne Christi” 4, 6-5, 1).

It-tejoloġija ppreċiżat li dak li ma nistgħux nattribwiixxu lil Alla bħala Alla ,jekk mhux għal metafora antropomorfika li ġġegħlna nitkellmu dwar it-tbatijiet tiegħu, dwar is-sofferenzi tiegħu, eċċ., Alla wettqu f’Ibnu, il-Verb, li ħa fuqu n-natura umana fi Kristu. U jekk Kristu huwa Alla li jbati fin-natura umana, bħala bniedem tassew imwieled minn Marija Verġni u sottomess għall-ġrajjiet u għad-duluri ta’ kull bin mara, billi hu, bħala Verb, persuna divina jagħti valur infinit lit-tbatijiet tiegħu u lill-mewt tiegħu, li hekk tidħol f’qasam misterjuż tar-realtà umana-divina, u tmiss, mingħajr ma tobroxha, il-glorja u l-kuntentizza nfinita tat-Trinità  .

Bla dubju, Alla fl-essenza tiegħu jibqà ‘il fuq mill-orizzont tat-tbatija umana-divina; imma l-passjoni u l-mewt ta’ Kristu, jippenetraw,  jifdu u jiddistingwu t-batija kollha umana, ġaladarba huwa meta nkarna ruħu ried ikun solidali mal-umanità li ftit ftit tinfetaħ għall-għaqda miegħu fil-fidi u fl-imħabba.

  1. L-Iben ta’ Alla, li ħa fuqu t-tbatija umana, huwa mela mudell divin għal dawk kollha li jbatu, b’mod speċjali għall-insara li jagħrfu u jaċċettaw fil-fidi s-sinifikat u l-valur tas-salib. Il-Verb Inkarnat bata skont il-pjan tal-Missier ukoll sabiex aħna nkunu nistgħu “insegwu l-passi tiegħu”, bħal ma jirrakkomanda San Pietru (1 Pt2, 21; cf. S. Thomae “Summa Theologiae”, II, q. 46, a. 3). Bata u għallimna nbatu.
  2. Dak li l-iktar jispikka fil-passjoni u l-mewt ta’ Kristu hija l-konformità perfetta mar-rieda tal-Missier, b’dik l-ubbidjenza li dejjem kienet meqjusa bħala d-dispożizzjoni l-iktar karatteristika u l-iktar essenzjali tas-sagrifiċċju.

San Pawl jgħid dwar Kristu li huwa għamel lilu nnifsu “ubbidjenti sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8), waqt li b’hekk laħaq l-iżvilupp estrem tal-“kenosi” inkluża fl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, f’kuntrast mad-diżubbidjenza ta’ Adam, li kien ried “jaħtaf” l-ugwaljanza ma’ Alla (cf. Fil 2, 6).

L-“Adam il-ġdid” hekk wettaq inversjoni tal-kondizzjoni umana (“recirculatio”, bħal ma jgħid Sant’Irinew): hu “minkejja li kien ta’ natura divina ma qiesx teżor ġeluż l-ugwaljanza ma’ Alla, imma neżża lilu nnifsu” (Fil 2, 6-7). L-ittra lil-Lhud  issegwi mill-qrib l-istess kunċett: “Minkejja li kien Iben, tgħallem l-ubbidjenza tal-ħwejjeġ li bata” (Eb 5, 8). Imma huwa hu stess li fil-ħajja u fil-mewt, skont il-Vanġeli, offra lilu nnifsu lill-Missier fil-milja tal-ubbidjenza: “Mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk 14, 36). “Missier f’idejk nerħi ruħi” (Lq 23, 46). San Pawl jissintetizza dan kollu meta jgħid li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem “umilja” lilu nnifsu billi sar ubbidjenti sal-mewt, u sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8).

  1. Fil-Ġetsemani naraw kemm din l-ubbidjenza hija doloruża: “Missier, jekk inhu possibbli, biegħed minn dan il-kalċi . . . Imma mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk14, 36). F’dak il-waqt isseħħ fi Kristu agunija tar-ruħ, ferm iktar doloruża minn dik tal-ġisem (cf. S. Thomae “Summa Theologiae”, III, q. 46, a. 6), minħabba l-konflitt intern bejn ir-“raġunijiet supremi” tal-passjoni, iffissata fil-pjan ta’ Alla, u l-perċezzjoni li għandu Ġesù, fis-sensibiltà finissma ta’ ruħu, tal-kruha enormi tad-dnub li donnha tinqaleb fuqu, magħmul kważi “dnub” (jew aħjar vittma tad-dnub), bħal ma jgħid San Pawl (cf.2 Kor 5, 21), għaliex id-dnub universali huwa mifdi fih. Hekk Ġesù jasal għall-mewt bħala għall-att suprem ta’ ubbidjenza: “Missier, f’idejk nerħi ruħi” (Lc 23, 46): ir-ruħ, jigifieri l-bidu ta’ ħajtu umana.

Tbatija u mewt huma l-manifestazzjoni definittiva tal-ubbidjenza totali tal-Iben lill-Missier. Ir-rispett u s-sagrifiċċju tal-ubbidjenza tal-Verb Inkarnat huma attwazzjoni tal-għaġeb ta’ disponibiltà filjali li mill-misteru tal-inkarnazzjoni titla u b’xi mod tippenetra fil-misteru tat-Trinità! Bir-rispett perfett tal-ubbidjenza tiegħu Ġesù Kristu jikseb lura rebħa perfetta fuq id-diżubbidjenza ta’ Adam u fuq ir-rewwixti kollha li jistgħu jitnisslu fil-qlub umani, iktar b’mod speċjali minħabba t-tbatija u l-mewt, għalhekk ukoll hawn nistgħu ngħidu li “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rm 5, 20). Ġesù sewwa infatti d-diżubbidjenza, li dejjem hija nkluża fid-dnub uman, waqt li minflokna ssodisfa l-esiġenzi tal-ġustizzja divina.

  1. F’din l-opra feddejja kollha, ikkunsmata fil-passjoni u fil-mewt fuq is-salib, Ġesù imbotta sal qiegħ nett il-manifestazzjoni tal-imħabba divina lejn il-bnedmin, li hija fl-oriġini kemm tal-offerta tiegħu, kif ukoll tal-pjan tal-Missier.

“Iddisprezzat u mwarrab mill-bnedmin, bniedem tan-niket li jaf sewwa xi tfsser it-tbatija” ( 53, 3), Ġesù wera l-verità kollha miġbura f’dak il-kliem imħabbar minn qabel: “Ħadd m’għandu mħabba kbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13). Waqt li sar “bniedem tan-niket” huwa stabilixxa solidarjetà ġdida ta’ Alla bit-tbatijiet umani. Iben etern tal-Missier, f’għaqda miegħu fil-glorja eterna tiegħu, filwaqt li sar bniedem huwa qagħad attent sewwa  milli jitlob privileġġi ta’ ġlorja terrena jew talinqas ta’ eżenzjoni min-niket, imma daħal fit-triq tas-salib, għażel bħala l-parti tiegħu it-tbatijiet mhux biss fiżiċi imma wkoll morali li akkumpanjawh sal-mewt: dan kollu għal imħabbitna, biex jagħti lill-bnedmin id-dimostrazzjoni deċiżiva ta’ mħabbtu, biex ipatti għal dnubna u jeħodna lura  mit-tifrix lejn l-għaqda  (cf. Ġw 11, 52). Dan kollu għaliex fl-imħabba ta’ Ġesù tirrifletti ruħha l-imħabba ta’ Alla lejn l-umanità.

Hekk San Tumas jistà jsostni li l-ewwel raġuni ta’ konvenjenza li tispjega l-ħelsien uman permezz tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu, hija li “b’dan il-mod l-bniedem għaraf kemm iħobbu Alla, u l-bniedem minn naħa tiegħu jiġi  mqanqal biex iħobbu mill-ġdid: u f’tali mħabba tikkonsisti l-perfezzjoni tal-fidwa umana (S. Thomae “Summa Theologiae”, III, q. 46, a. 3). U hawn id-Duttur Qaddis jikkwota lill-Appostlu Pawlu, li jikteb: “Alla juri mħabbtu għalina f’dan, li waqt li kien għadna midimbin, Kristu miet għalina” (Rm 5, 8).

  1. Quddiem dan il-misteru, nistgħu ngħidu li mingħajr it-tbatija u l-mewt ta’ Kristu, l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin ma kinitx tintwera fil-profondità u l-kobor kollu tagħha. U minn naħa oħra it-tbatija u l-mewt saru, bi Kristu, stedina, stimolu, vokazzjoni għall-imħabba iktar ġeneruża bħal ma seħħ għal tant qaddisin li b’mod ġust jistgħu jkunu definiti bħala “eroj tas-salib”, u bħal ma jseħħ dejjem f’tant krejaturi, magħrufin u mhumiex, li jafu jqaddsu t-tbatija billi jirriflettu fihom infushom il-wiċċ mimli feriti ta’ Kristu, Hekk dawn jassoċjaw ruħhom mal-offerta feddejja tiegħu.
  2. Baqgħalna nżidu li, fl-umanità tiegħu magħquda mad-divinità, u magħmula kapaċi, bis-saħħa tal-abbondanza tal-karità u tal-ubbidjenza li tirrikonċilja l-bniedem ma’ Alla (cf.2 Kor5, 19), Kristu ġie stabbilit bħala l-uniku medjatur bejn l-umanità u Alla, f’livell ferm superjuri għal dak li fih  ipoġġu ruħhom il-qaddisin tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid, u l-istess  santissima Verġni Marija, meta nitkellmu dwar il-medjazzjoni tagħhom jew insejħu l-intervent tagħhom.

Hawn aħna mela quddiem il-feddej tagħna, Ġesù Kristu msallab, mejjet għalina bi mħabba, u minħabba f’hekk sar l-awtur tal-fidwa tagħna.

Santa Katerina da Siena, b’waħda mix-xbihat tagħha tant vivaċi u espressivi, tqabbel dan ma “pont fuq id-dinja”. Iva, huwa hu tassew il-pont u l-medjatur, għaliex permezz tiegħu jiġi lill-bnedmin kull don tas-sema u titlà għand Alla kull tnehida tagħna, kull sejħa tagħna ta’ fidwa  (cf. S. Thomae “Summa Theologiae”, III, q. 26, a. 2). Ningħaqdu ma’ Katerina u ma’ tant “qaddisin tas-salib” oħrajn ma’ dan il-feddej tant ħelu u tant ħanin, li l-istess qaddisa minn Siena kienet issejjaħlu “Kristu-maħbub”. F’qalbu minfuda hemm it-tama tagħna, il-paċi tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading