Il-mewt ta’ Kristu bħala ġrajja storika


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 28 ta’ Settembru 1988

66. Il-mewt ta’ Kristu bħala ġrajja storika

  1. Aħna nistqarru l-fidi tagħna fil-verità ċentrali tal-missjoni messjaniku ta’ Ġesù Kristu: Huwa hu l-feddej tad-dinja permezz tal-mewt tiegħu fuq is-salib. Nistqarruha bil-kliem tas-Simbolu Niċeno-Kostantinoplitan, skont liema Ġesù “kien imsallab għalina taħt Ponzju Pilatu, miet u kien midfun”. Fl-istqarrija ta’ din il-fidi, infakkru l-mewt ta’ Kristu wkoll bħala ġrajja storika, li, bħal ħajtu, ingħata lilna għarfien minn fonti storiċi sikuri u awtorevoli. A bażi ta’ dawn l-istess fonti aħna nistgħu u rridu nagħrfu u nifhmu wkoll iċ-ċirkustanzi storiċi ta’ dik il-mewt, li nemmnu li kenet “il-prezz” tal-fidwa tal-bniedem taż-żmenijiet kollha.
  2. U l-ewwelnett: kif wasalna għall-mewt ta’ Ġesù ta’ Nażżaret? Kif jispjega ruħu l-fatt li huwa ngħata għall-mewt mir-rappreżentanti tan-nazzjon tiegħu, li tawh f’idejn il-“prokuratur” Ruman, li ismu, trażmess mill-Vanġeli, jiffigura wkoll fis-Simboli tal-fidi? Għalissa nfittxu li niġbru ċ-ċirkostanzi, li “umanament” jispjegaw il-mewt ta’ Ġesù. L-evanġelista Marku, waqt li jiddeskrivi l-proċess ta’ Ġesù quddiem Ponzju Pilatu, iniżżel li huwa “kien ingħata b’għira” u li Pilatu kien jaf b’dan il-fatt: “Kien jaf . . . li l-qassisin il-kbar kienu tawhulu f’idejh b’għira” (Mk 15,10). Nistaqsu: għaliex din l-għira? Nistgħu nsibu l-għeruq fir-risentiment mhux biss għal dak li Ġesù kien jgħallem “bħal wieħed li għandu awtorità, u mhux bħall-iskribi” Mk 1, 22), din iċ-ċirkostanza kellha turih fl-għajnejn ta’ dawn tal-aħħar bħala “theddida” għall-prestiġju propju tagħhom.
  3. Infatti nafu li diġa l-bidu tat-tagħlim ta’ Ġesù f’beltu natali ġab miegħu konflitt. In-nażżarenu ta’ tletin sena infatti, waqt li beda jitkellem fis-sinagoga, indika lilu nnifsu bħala dak li fuqu titwettaq l-aħbar tal-Messja, ippronunzjata minn Iżaija. Dan iqanqal stagħgib fis-semmiegħa tiegħu u wara ndinjazzjoni , tant li huma riedu jixħtuh minn fuq il-muntanja “li fuqha l-belt tagħhom kienet mibnija” . . . “imma hu, waqt li għadda minn ġo nofshom, telaq minn hemm” (Lq4, 29-30).
  4. Dan l-inċident huwa biss il-bidu: huwa l-ewwel sinjal tal-ostilitajiet suċċessivi. Infakkru dawk ewlenin. Meta Ġesù jġegħlhom jifhmu li hu għandu l-poter li jaħfer id-dnubiet, l-iskribi jaraw f’din dawgħa, għaliex Alla biss għandu dan il-poter (cf.Mk2, 6). Meta jwettaq il-mirakli nhar ta’ Sibt, waqt li jasserixxi li “Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt” (Mt 12, 8), ir-rejazzjoni hija l-istess għal dik ta’ qabel. U huwa diġa minn hemm li tfeġġ l-intenzjoni li jinqatel Ġesù (cf. Mk 3, 6): “Fittxew . . . li joqtluh: għaliex mhux biss kien qiegħed jikser is-Sibt, imma kien isejjaħ lil Alla Missieru, billi jagħmel lilu nnifsu daqs Alla” (Ġw 5, 18). X’setà jfisser iktar il-kliem: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: qabel ma Abraham kien Jien Jien”? (Ġw 8, 58). Is-semmiegħa kienu jafu x’kienet tfisser dik id-denominazzjoni: “Jiena Jien”. Għalhekk mill-ġdid Ġesù ssogra r-riskju tat-tħaġġir. Din id-darba, però, huwa “ . . . staħba u ħareġ mit-tempju” (Ġw 8, 59).
  5. Il-fatt li fl-aħħar għarraq is-sitwazzjoni u wassal għad-deċiżjoni li jinqatel Ġesù, kien il-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru f’Betanja. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jgħidilna li fil-laqgħa suċċessiva tas-sinedriju ġie deċiż: “Dan il-bniedem wettaq bosta sinjali. Jekk inħalluh jagħmel dan, kulħadd jemmen fih u jiġu r-Rumani u jeqirdu l-post qaddis tagħna u n-nazzjon tagħna”. Quddiem dawn il-previżjonijiet u quddiem dawn il-biżgħat Kajfa, il-qassis il-kbir ippronunzja ruħu b’din is-sentenza: “Ikun aħjar li jmut bniedem wieħed biss għall-poplu u ma jinqeridx in-nazzjon kollu” (Ġw11, 47-50). L-evanġgelista jżid: “Dan però ma qalux minn jeddu, imma billi kien il-qassis il-kbir ipprofetiżża li Ġesù kellu jmut għan-nazzjon u mhux għan-nazzjon biss, imma wkoll biex jgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferrxa”. U jtemm: “Minn dak il-jum mela ddeċidew li joqtluh” (Ġw 11, 51-53).

Ġwanni jgħarrafna b’dan il-mod aspett doppju ta’ dik id-deċiżjoni meħudha ta’ Kajfa. Mill-punt di vista uman, li b’mod iktar preċiż, wieħed jistà jgħid opportunistiku, din kienet tentattiv biex jiġġustifika d-deċiżjoni li jkun eliminat bniedem meqjus politikament perikoluż, mingħajr ma wieħed iħabbel moħħu dwar l-innoċenza tiegħu. Minn punt di vista iktar għoli, magħmul propju u mniżżel mill-evanġelista, il-kliem ta’ Kajfa, indipendentement mill-intenzjonijiet tiegħu, kellu kontenut awtentikament profetiku, fir-rigward tal-misteru tal-mewt ta’ Kristu skont il-pjan feddej ta’ Alla   .

  1. Hawn nikkunsidraw l-iżvolġiment uman tal-ġrajjiet. F’dik il-laqgħa tas-sinedriju ttieħdet id-deċiżjoni li jinqatel Ġesù ta’ Nażżaret. Approfitta ruħu mill-preżenza tiegħu f’Ġerusalem waqt il-festi tal-Għid.

Ġuda, wieħed mit-tnax, għal tletin biċċa tal-fidda, ittradixxa lil Ġesù, billi indika l-post fejn setgħu jarrestawh. La darba nqabad, Ġesù ttieħed quddiem is-sinedriju. Għall-mistoqsija essenzjali tal-qassis il-kbir: “Nitolbok f’isem Alla l-ħaj, biex tgħidilna jekk inti intix il-Kristu, l-Iben ta’ Alla”, Ġesù ta it-tweġiba l-kbira: “Inti għidtu” (Mt 26, 63-64; cf. Mk 14, 62; Lk 22, 70). F’din id-dikjarazzjoni s-sinedriju jara dawgħa  ċara, u ssentenza li Ġesù kien “ħati tal-mewt!” (Mk 14, 64).

  1. Is-sinedriju iżda ma setax iwettaq il-kundanna mingħajr il-kunsens tal-prokuratur Ruman. U Pilatu huwa personalment konvint li Ġesù huwa nnoċenti, u dan jistqarru bosta drabi. Wara li oppona reżistenza nċerta għall-pressjonijiet tas-sinedriju, fl-aħħar iċedi minħabba l-biżà li jissogra d-diżapprovazzjoni ta’ Ċesare, tant li wkoll il-folla mkesksa minn dawk li riedu l-eliminazzjoni ta’ Ġesù, issa ppretendiet it-tislib. “Crucifige eum!”. U hekk Ġesù jiġi kkundannat għall-mewt permez tat-tislib.
  2. Storikament responsabbli ta’din il-mewt huma l-bnedmin indikati mill-vanġeli, talinqas parzjalment, b’isimhom. Dan jiddkjarah Ġesù nnifsu meta jgħid lil Pilatu waqt il-proċess: “Min tani f’idejk għandu ħtija ikbar. Gwaj għal dak il-bniedem li minnu ġie ttradut Bin il-bniedem! Kien ikun aħjar għal dak il-bniedem li ma twieled qatt!” (Mk14, 21; Mt 26, 24; Lq 22, 22). Ġesù alluda għal diversi persuni li b’diversi modi, kienu l-artefiċi ta’ mewtu: għal Ġuda, għar-rappreżentanti tas-sinedriju, għal Pilatu, għall-oħrajn . . . Ukoll Xmun Pietru fid-diskors  miżmum wara Pentekoste jikkontesta lill-kapijiet tas-sinedriju bil-qtil ta’ Ġesù: “Intom sallabtuh mas-salib permezz  ta’ nies ħżiena u qtiltuh” (At 2, 23).
  3. Bdanakollu ma nistgħux inwessgħu din l-imputazzjoni ‘l barra miċ-crieki tal-persuni tassew responsabbli. Naqraw f’dokumen tal-konċilju Vatikan II: “Jekk l-awtoritajiet Lhud bis-segwaċi tagħhom ħadmu għall-mewt ta’ Kristu, madankollu dak li seħħ tul il-passjoni tiegħu, ma jistax ikun imputat la b’mod indistint għal-Lhud kollha ħajjin dak iż-żmien, linqas(ferm inqas) għal-Lhud ta’ żmienna” (Nostra Aetate, 4).

Jekk imbagħad wieħed irid jivvaluta r-responsabiltà tal-kuxjenzi ma jistax jinsa l-kliem ta’ Kristu fuq is-salib: “Missier, aħfrilhom, għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Insibu l-eku ta’ dak il-kliem f’diskors ieħor ippronunzjat minn Pietru wara Pentekoste: “Issa, ħuti, jien naf li intom  aġixxejtu minħabba l-injoranza, hekk, bħall-kapijiet tagħkom” (At 3, 17). X’sens ta’ segretezza quddiem il-misteru tal-kuxjenza umana, ukoll fil-każ tal-ikbar delitt imwettaq fl-istorja, il-qtil ta’ Kristu!

  1. Fuq l-eżempju ta’ Ġesù u ta’ Pietru, ukoll jekk inhu diffiċli tiċħad ir-responsabilà ta’ dawk il-bnedmin li qanqlu deliberatament il-mewt ta’ Kristu, ukoll aħna nħarsu lejn l-affarijiet fid-dawl tal-pjan etern ta’ Alla, li kien jitlob minn Ibnu l-għażiż l-offerta tiegħu nnifsu bħala vittma għad-dnubiet tal-bnedmin kollha. F’din il-prospettiva superjuri nintebħu li ilkoll, minħabba fi dnubietna, aħna responsabbli tal-mewt fuq is-salib ta’ Kristu: Ilkoll fil-qies li fih permezz tad-dnub ikkontribwejna li nwasslu iva li Kristu jmut għalina bħala vittma ta’ tpattija. Jistà jinftiehem f’dan is-sens ukoll il-kliem ta’ Ġesù: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh, imma mat-tielet jum jerġà jqum” (Mt 17, 22).
  2. Is-salib ta’ Kristu huwa mela sejħa rejalistika mill-ġdid għall-fatt espress mill-appostlu Ġwanni bil-kliem: “Id-demm ta’ Ġesù, Ibnu, jippurifikana minn kull dnub. Jekk ngħidu li aħna bla dnub, inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġw1, 7-8). Is-salib ta’ Kristu ma jiqafx ikun għall kull wieħed minna din is-sejħa ħanina mill-ġdid u fl-istess ħin severa, biex nagħrfu u nistqarru il-ħtija propja tagħna. Din hija sejħa biex ngħixu fil-verità.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.