Il-Mirakli ta’ Kristu juru Imħabba Salvifika

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru  1987

38. Il-Mirakli ta’ Kristu juru Imħabba Salvifika

  1. “Sinjali” tal-omnipotenza divina u tal-qawwa feddejja ta’ Bin il-bniedem, il-mirakli ta’ Kristu, irrakuntati mill-Vanġeli, huma wkoll ir-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem, b’mod speċjali lejn il-bniedem li jbati, li hu fil-bżonn, li jitlob fejqan, maħfra u ħniena. Huma mela “sinjali” tal-imħabba ħanina pproklamata mit-Testment il-Qadim u l-Ġdid (cf. Ioannis Pauli PP. II,Dives in Misericordia). Speċjalment il-qari tal-Vanġelu jġegħlna nifhmu u kważi “nħossu” li l-mirakli ta’ Ġesù għandhom is-sors tagħhom fil-qalb li tħobb u ħanina ta’ Alla, li tgħix u tidwi fil-qalb umana tiegħu stess. Ġesù iwettaqhom biex jissupera kull ġeneru ta’ ħażen li jeżisti fid-dinja: il-ħażen fiżiku, il-ħażen morali, jiġifieri d-dnub, u fl-aħħar dak li huwa “missier id-dnub” fl-istorja tal-bniedem: satana.

Il-mirakli mela huma “għall-bniedem”. Huma opri ta’ Ġesù li, f’armonija mal-finalità redentiva tal-missjoni tiegħu, jirristabilixxu it-tajjeb hemm fejn bejjet il-ħażen waqt li pproduċa diżordni u konfużjoni. Dawk li jilqgħuhom, li jassistu għalihom, jintebħu b’dan il-fatt, tant li skont Marku, “mimlijin għaġeb, kienu jgħidu: “Għamel kollox sewwa; jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-muti!”” (Mk 7, 37).

  1. Minn studju attent tat-testi evanġeliċi wieħed jinnota li l-ebda mottiv ieħor jekk mhux l-imħabba lejn il-bniedem, l-imħabba ħanina, jispjega il-“mirakli u sinjali” ta’ Bin il-bniedem. Fit-Testment il-Qadim Elija inqeda bin-“nar mis-sema” biex jikkonferma il-qawwa tiegħu ta’ profeta u jikkastiga n-nuqqas ta’ twemmin (cf.2 Slaten1, 10). Meta l-appostli Ġakbu u Ġwanni fittxew li jġegħlu lil Ġesù biex jikkastiga b’“nar mis-sema” raħal ta’ Sammaritani, li kien irrifjutalhom ospitalità, huwa ipprojbilhom deċiżament li jaslu jagħmlu talba simili. Jippreċiża l-evanġelista li “hu dar lejhom u ċanfarhom” (Lq 9, 55) (bosta kodiċi u l-Vulgata jżidu: “Intom tafu ta’ liema spirtu intom. Għaliex Bin il-bniedem ma ġiex biex jitlef l-erwieħ tal-bnedmin, imma biex isalvahom”. Ebda miraklu ma twettaq minn Ġesù biex jikkastiga lil xi ħadd, linqas lil dawk li kienu ħatja.
  2. Sinifikattiv f’dan ir-rigward huwa d-dettal marbut mal-arrest ta’ Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani. Pietru kien dispost li jiddefendi lill-Imgħallem bix-xabla, u saħansitra “darab il-qaddej tal-Qassis il-Kbir u qatagħlu widintu l-leminija. Dak il-qaddej kien jismu Malku” (Ġw18, 10). Iżda Gesù pprojbilu li jaqbad ix-xabla. Anzi, “waqt li messlu widintu, fejqu” (Lq22, 51). Din hija mill-ġdid prova li Ġesù ma jinqediex bil-fakoltà li jagħmel il-mirakli biex jiddefendi lilu nnifsu. U jafda ma’ tiegħu li ma jitlobx lill-Missier sabiex jagħtih “iktar minn tnax-il leġġjun ta’ anġli” (cf. Mt 26, 53) biex isalvah mill-għedewwa  li kienu qegħdin jgħaffsu fuqu. Dak kollu li huwa jagħmel, ukoll fit-twettiq tal-mirakli, huwa jagħmlu f’għaqda stretta mal-Missier. Jagħmlu għas-saltna ta’ Alla u għall-fidwa tal-bniedem. Jagħmlu għall-imħabba.
  3. Minħabba f’hekk, diġa fil-bidu tal-missjoni messjanika tiegħu, jirrifjuta l-“proposti” kollha ta’ mirakli ppreżentati mit-Tentatur, biex nibdew minn dik tal-bdil tal-ġebel f’ħobż (cf.Mt4, 3-4). Il-qawwa ta’ Messija ingħatat lilu mhux għal xi skopijiet apparexxenti, jew għas-servizz tal-vanagloria. Dak li ġie “biex jagħti xhieda tal-verità” (cf. Ġw 14, 6), jopera dejjem f’konformità assoluta mal-missjoni feddejja. Il-“mirakli u sinjali” tiegħu jesprimu din il-konformità, fil-kwadru tal-“misteru messjaniku” tal-Alla li kważi nħeba fin-natura ta’ Iben tal-bniedem, bħalma juru l-Vanġeli, b’mod speċjali dak ta’ Marku. Jekk fil-mirakli hemm kważi dejjem tberriq tal-poter divin, li d-dixxipli u n-nies kultant jaqbdu, tant li jagħrfu u jfaħħru fi Kristu l-“Iben ta’ Alla”, daqstant ieħor hemm wieħed jiskopri t-tjubija, l-onestà u s-sempliċità, li huma d-doti viżibbli ta’ “Bin il-bniedem”.
  4. Fil-mod stess tat-twettiq tal-nirakli wieħed jinnota s-sempliċità kbira u nistgħu ngħidu l-umiltà, il-galbu u d-delikatezza ta’ trattament ta’ Ġesù. Kemm iġegħlna naħsbu, minn dan il-punt di vista, il-kliem li akkumpanja l-qawmien mill-imwiet ta’ bint Ġajru: “It-tifla mhix mejta, iżda rieqda” (Mk 5, 39), bħallikieku ried “itaffi” s-sinifikat ta’ dak li kien se jagħmel. U mbagħad: “irrakkomandalhom b’insistenza biex ħadd ma jsir jaf dan” (Mk 5, 43). Hekk ukoll għamel f’każijiet oħra, per eżempju wara l-fejqan ta’ wieħed truxmutu (Mk 7, 36), u wara l-professjoni ta’ fidi ta’ Pietru  (Mk 8, 29-30).

Biex ifejjaq lit-truxmutu huwa sinifikattiv li Ġesù ħadu “fil-ġemb ‘il bogħod mill-folla”. Hemm “waqt li ħares . . . lejn is-sema, ħa nifs qawwi”. Dan “in-nifs” donnu li kien sinjal ta’ ħniena u, fl-istess ħin, talba. Il-kelma “Effata” (“Infetaħ!”) iva twettaq li jinfetħu “il-widnejn” u li tinħall l-“għoqda tal-ilsien” tat-truxmutu (cf. Mk 7, 33-35).

  1. Jekk xi wħud mill-mirakli tiegħu Ġesù jwettaqhom f’jum is-Sibt, dan jagħmlu mhux biex jikser il-karattru sagru tal-jum iddedikat lil Alla, imma biex juri li dan il-jum qaddis huwa immarkat b’mod partikolari mill-operat feddej ta’ Alla. “Missieri dejjem jopera u wkoll jien nopera” (Ġw 5, 17). U dan l-operat huwa għall-ġid tal-bniedem, mela mhux kuntrarju għall-qdusija tas-Sibt, imma jenfasizza: “Is-Sibt sar għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt! Għalhek Bin il-bniedem huwa sid ukoll tas-Sibt” (Mk 2, 27-28).
  2. Jekk wieħed jaċċetta n-narrazzjoni tal-mirakli ta’ Ġesù – u mhemmx raġuni biex ma naċċettawhiex, ħlief il-preġudizzju kontra s-saprannatural -, ma nistgħux niddubitaw loġika unika, li torbot dawk is-“sinjali” kollha waqt li tagħmilhom joħorġu mill-ekonomija feddejja ta’ Alla: dawn iservu għar-rivelazzjoni ta’ mħabbtu għalina, ta’ dik l-imħaba ħanina li bit-tajjeb tirbaħ il-ħażin, bħal ma turi l-istess preżenza u azzjoni ta’ Ġesù Kristu fid-dinja. In kwantu nseriti f’din l-ekonomija, il-“mirakli u sijali” huma oġġett tal-fidi tagħna fil-pjan ta’ fidwa ta’ Alla u fil-misteru tar-redenzjoni mwettaq minn Kristu .

Bħala fatti, huma jappartjenu għall-istorja evanġelika, li n-narrazzjonijiet tagħhom huma attendibbli bħal u iktar minn dawk miġbura f’opri oħra storiċi. Hija ħaġa ċara li l-veru ostaklu biex naċċettawhom bħala dati kemm tal-istorja kif ukoll ta’ fidi huwa l-preġudizzju antisoprannaturali għal liema aċċennajna; dak ta’ min irid jillimita l-qawwa ta’ Alla jew jirristrinġiha għall-ordni naturali tal-affarijiet, kważi għal awto-obligazzjoni  ta’ Alla biex joqgħod għal-liġijiet tiegħu. Imma  dan il-pjan jaħbat mal-iktar idea filosofika u tejoloġika elementari ta’ Alla, Esseri nfinit, eżistenti u omnipotenti, li m’għandux limiti jekk mhux f’dak li-mhux u allura fl-assurd.

Bħala konklużjoni ta’ din il-katekeżi jiġi spontanju li wieħed jinnota li din l-infinità fl-eżistenza u fil-qawwa hija wkoll inifinita fl-imħabba, bħal ma juru l-mirakli nseriti fl-ekonomija tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni, bħala “sinjali” tal-imħabba ħanina li biha Alla bagħat fid-dinja lil Ibnu. “għalina bnedmin u għall-fidwa tagħna” ġeneruż magħna sal-mewt. “Sic dilexit”! (Ġw 3, 16).

Għal imħabba hekk kbira ma tonqosx it-tweġiba ġeneruża tal-gratitudni tagħna, tradotta fix-xhieda konsistenti tal-fatti.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading